Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema grad taċ-ċivil jaqa' x-xogħol ta' purtinar fl-iskejjel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ purtinar fl-iskejjel huwa inkorporat fid-definizzjoni tad-dmirijiet tal-gradi ta’ labourer u general hand fis-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-barrieri li s-sidien tagħhom radmuhom mingħajr l-permessi meħtieġa? X'azzjoni qiegħda tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kontra s-sidien kkonċernati?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34532, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi min ingħata permess għall-użu ta' dan il-ġnien u kemm tħallas flus għal dawn il-permessi f'dawn l-aħħar erba' snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jistax jintervjeni mal-kumpanija Go sabiex jiġu aċċertat li l-phone booths pubbliċi tagħna jinżammu fi stat nadif għax qiegħed ikun hemm ħafna ilmenti minn nies li jużawhom speċjalment barranin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se titranġa l-ħsara li hemm fil-garaxxijiet taħt Binja Msieraħ, Triq l-Imtarfa l-Imtarfa?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar qiegħda tindirizza mal-kuntrattur l-isnag list sabiex ix-xogħlijiet ikunu konklużi b’mod sodisfaċjenti għal kulħadd mill-aktar fis.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' sussidju li se jibdew jingħataw lill-Arriva skont ir-rotot kif miżjuda u li se jidħlu fis-seħħ ftit tal-ġranet oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-ammont ta' sussidju li se jitħallas lill-kumpanija Arriva Malta Ltd skont ir-rotot maqbula mis-27 ta' Mejju 2012.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34534, 34366, 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni dwar toroq arterjali u distributorji. Għall-informazzjoni dwar toroq lokali, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk preżentament l-Awtorità tad-Djar għandiex xi tip ta' skema li tippermetti li l-inkwilini jixtru l-appartament li jikru mingħand l-istess Awtorità?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-awtorità ghandha skema msejħa 'ninvesti fid-dar tieghi' fuq propjetajiet li huma 'possession and use'. Dan ifisser li l-Lands Dept ghaddiet propjeta' lil Awtorita' li kienet ittiehdet wara t-tieni gwerra dinija u minghajr mal-gvern kellu t-titlu legali fuqha, kemm inbnew ammont ta' propjetajiet. Issa l-Gvern tal-gurnata xtara din il-projeta' u qieghed jistieden lil dawk ir-residenti li jixtiequ jsiru sidien tad-dar taghhom. Dawn il-propjetajiet huma mahruga fuq prezz kummercjali li wara jinghata ammont ta' sussidju fuq kemm snin inkwilin ikun ilu jghix. Dawk l-inkwilini li ilhom ighixu ghal aktar minn 20 sena, ser jkollhom sussidju ta' 65% fuq il-prezz kummerċjali.
Imdina — restawr ta' ħitan ta' swar u tal-parpet wall fil-foss
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' restawr ta' ħitan ta' swar u tal-parpet wall fil-foss tal-Imdina li l-avviż tiegħu huwa Nru 97/2012 deher fil-gazzetta tal-gvern kienx iffinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi huwa parti mill-proġett għar-rijabilitazzjoni tal-foss tal-Imdina u qiegħed jiġi kollu ffinanzjat minn fondi lokali.
Ħal Luqa — bdil ta' bibien tal-uffiċċji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li qegħdin jiġu mibdula il-bibien tal-uffiċċji tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'Ħal Luqa? Jekk fl-affermattiv xi bżonn kien hemm għal dan ix-xogħol u kemm se jiġi jiswa ix-xogħol kollu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Miżuri sabiex ikun hemm sigurtà fit-triq arterjali li twassal mill-Mosta għall-Imġarr
Question
Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu sabiex tiżdied is-sigurtà fit-triq arterjali li twassal mill-Mosta għall-Imġarr għax f'din it-triq sikwiet ikun hemm inċidenti li xi kultant ikunu anke fatali bħal ma ġara ftit tal-jiem ilu? B'mod partikolari, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir fl-aċċess tal-barriera li hemm fl-istess triq peress li l-vetturi li joħorġu minnha qegħdin joħolqu perikolu kbir għas-sewwieqa li jużaw din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq in kwistjoni kienet iddisinjata skont l-istandards mitlubin għall-ammont ta' traffiku li jgħaddi minnha u skont il-ġometrija li l-istess standards jispeċifikaw. Ninsab infurmat ukoll li fiż-żmien li ġej, se jkun qed isir ukoll road safety impact assessment biex jiġu identifikati rakkomandazzjonijiiet biex tkompli tittejjeb is-sigurta' f'din it-triq.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li jixtieq jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-anzjan li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ġie approvat mill-Board. B’hekk dan tqiegħed fil-lista ta’ stennija għal dar tal-anzjani.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34380 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti d-dettalji tal-kirja li teżisti fir-rigward tal-Ġnien ta' Hastings? Jista' jgħid kif intgħażlu l-kumpaniji li għandhom id-dritt esklużiv li jagħmlu t-tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni li għandu ma jidhirx li hemm kirja formali fir-rigward tal-Ġnien ta’ Hastings. Il-Kunsill Lokali tal-Belt jamministra dan il-ġnien u jagħti permessi biex isiru attivitajiet bħal tiġijiet fuq ‘first come first served basis’.
F’dan ir-rigward il-Kunsill qed jintalab biex jirregolarizza ruħu u jitlob biex jagħmel ftehim formali mad-Dipartiment tal-Artijiet, għall-użu ta’ dan il-ġnien billi jitlob id-devoluzzjoni tiegħu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34379 li oriġinajrament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti dettalji dwar il-kirja tas-Saluting Battery fil-Belt? Jista' jgħid kif intagħżlet il-kumpanija li għandha dritt esklussivli tagħmel tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm qiegħed idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Is-Saluting Battery fil-Belt ġiet restawarata għall-istat w l-użi storiċi oriġinali tagħha mill-Fondazzjoni Wirt Artna wara qbil ma’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fl-2004. Sa minn dak inhar l-istess Fondazzjoni reġgħet bdiet l-użanza li jkun sparat kanun f’nofs inhar u kif ukoll saluti ta’ l-artillerija fil-jiem pubbliċi ewlenin, funerali statali u kif ukoll f’okkażżjonijiet ta’ dħul jew ħruġ ta’ bastimenti navali jew tat-turisti mill-Port il-Kbir. Barra dan il-post jinfetaħ għall-viżitazzjoni tal-pubbliku bi ħlas kuljum bejn l-10.00 u s-1.00 ta’ wara nofs inhar fejn ukoll jintwerew filmati storiċi dwar il-post u kif ukoll isiru mawriet gwidati mill-impjegat tal-Fondazzjoni Wirt Artna lebsin uniformijiet tal-perjodu Vittorjan.
L-istess post flimkien ma’ l-inħawi li darba kienu jiffurmaw parti mill-Combined H.Q. tal-Forzi Ingliżi f’Malta ġew mgħoddija mill-ġdid taħt il-harsien u t-tmexxija tal-Fondazzjoni Wirt Artna permezz ta’ Guardianship Deed mal-Gvern nhar 26 ta’ Jannar 2009. Permezz ta’ dan il-ftheim u kif ukoll dak ta’ qablu l-FWA hi responsabbli għat-tmexxija w l-manteniment ta’ dawn il-postijiet mingħajr dritt ta’ kumpens minn naħa pubblika.
Il-kumpanija Island Caterers Ltd ġiet magħżula mill-Fondazzjoni Wirt Artna fuq bażi esklussiva sabiex tipprovdi servizzi ta’ catering kemm fis-Saluting Battery u kif ukoll fil-bqija tal-propjetajiet storiċi l-oħra li l-Fondazzjoni Wirt Artna għandha taħt il-kura tagħha. Kull fondi ġenerati minn din l-attvita’ jibqgħu għand l-istess Fondazzjoni ħalli jintużaw fil-kura ta’ l-istess sit jew oħrajn li hi tkun qed tirrestawra minn żmien għal żmien. Il-kumpanija msemmija intgħażlet a bażi’ ta’ l-iktar offerta vantaġġjuza li hi offriet wara konsultazzjoni ma’ numru ta’ operaturi oħra fil-qasam.
Il-Fondazzjoni Wirt Artna hi għaqda mhux governattiva (Numru 0117) li twaqqfet fl-1987 bil-ħsieb li tgħin fil-ħarsien u l-kura tal-wirt kulturali Malti. Hi topera’ numru ta’ siti bħala attrazzjonijiet turistiċi li lkoll kemm huma hija bniet mix-xejn permezz tal-ħidma sfieqa ta’ l-impjegati u l-voluntiera tagħha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34366, 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — trasferiment ta' diversi ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux isir ristrutturar fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u fil-proċess diversi impjegati se jiġu trasferiti minn uffiċċju għall-ieħor jew minn lokalità għall-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddej proċcess ta’ ristrutturar fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma sabiex taqdi aħjar id-dimirijiet tagħha.
Ħaż-Żebbuġ — Triq Patri Andrew Azzopardi - Bini tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34169 u 34033 u jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbena Triq Patri Andrew Azzopardi Ħaż-Żebbuġ peress li f'din it-triq hemm ħafna residenti u fl-istat li hi toħolqilhom inkonvinjent kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 31257 sabiex b’hekk ikun jista’ jifhem il-proċedura użata, ninsab infurmat li t-triq inkwistjoni ma tagħmilx parti mill-programm ta’ toroq li jridu jinbnew mill-ġdid din is-sena, għaliex ma taqbiżx is-70% bini.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għall-mistqosija parlamentari 34031 fejn intalbu aktar dettalji dwar il-każ, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet fuq l-ilment rigward Housing Estate li sar aktar minn tliet snin ilu u li r-referenza dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħti iktar informazzjoni kif ukoll jehmeż r-rapport li qiegħed jagħmel referenza għalih, sabiex tkun tista' tiġi mwieġba din il-mistoqsija.