Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċini b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jagħtix Axura Donecept għall-persuni li jbatu mid-dimensia u Combodart għal prostata b'xejn lill-pazjenti peress li jiswew ħafna flus?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċini Axura® (memantine) u Donecept® (donepezil) m’humiex disponibbli fil-Formularju tal-Gvern. Bħalissa għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni u ppjanar għall-mediċini tad-Dimensja, sabiex dawn jiġu nklużi fil-formularju tal-Gvern, wara li aktar kmieni din is-sena id-dimensja giet inkluża fl-Iskeda V tal-Att tas-Sigurta’ Socjali. Il-mediċina Combodart® (tamsulosin + dutasteride) ma tinstabx fil-formularju tal-Gvern. Dan il-prodott mediċinali huwa indikat għall-Benign Prostatic Hyperplasia (BPH), li bħalha kundizzjoni ma tinstabx fl-Iskeda V tal-Att tas-Sigurta’ Socjali.

Persuna li ngħatat plot industrijali

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li bħal ma sar f'każijiet oħra simili, il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet ingħatat plot industrijali f'Ħal Far u liema plot kien ittieħed lura, jingħata plot alternattiv fl-area industrijali ta' Ħal Luqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-każ imsemmi imur lura għas-snin 1998 meta ġie allokat l’art f’Hal Far u l-2004 fejn il-Malta Enterprise, f’ittra datata 2 ta’ Frar 2004, kienet irrimbużat lill-klijent id-depozitu imħallas sabiex jibda jopera mill-art allokata. B’hekk il-każ ġie ikkunsidrat legalment magħluq. Għaldaqstant, u kif sar f’każijiet simili, il-klijent għandu jerġa japplika b’mod uffiċjali kif jirrikjedu l-proċeduri tal-Malta Enterprise, fejn il-proġett tiegħu ikun jista’ jiġi evalwat fuq il-kriterji stabbiliti.

Transport Malta — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36571 u jgħid liema kienu dawk il-link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum? Kemm kien il-valur tax-xogħol f'kull triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawk il- link roads li Transport Malta għamlet xogħol ta' manutenzjoni fuqhom matul din is-sena sal-lum huma dawn: Sa Maison, Floriana €26,604.83 Princess Margaret, Ta` Xbiex €103,397.50 (part of – certified by Msida LC and to be paid by TM) Princess Margaret, Ta` Xbiex € 62,468.50 Notabile Rd approx. €5,000 Mannarino Rd / Valley Rd, B’Kara approx. €60,000 Triq Santu Wistin, Paceville approx. €3,000 Triq Xatt ta’ Ta’ Xbiex (resurfacing works) €15,765.67 Triq il-Mitħna Qormi €38,000

Rabat — privatizzazzjoni ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-gvern hux se jipprivatizza l-car park magħrufa tal-Għalqa ta' Kola fir-Rabat u dak li hemm barra l-bibien tal-Imdina? Jekk fl-affermattiv, ma jaħsibx li tali privattizazzjoni se toħloq inkonvenjent kbir lir-residenti peress li minħabba n-nuqqas kbir ta' spazzju għall-parkeġġ f'dawn l-inħawi minħabba t-toroq qodma dojoq u b'hekk dan il-parkeġġ kien se jservi sabiex jipparkjaw ir-residenti ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern issospenda s-sejħa pubblika għall-offerti dwar l-operat tas-siti ta' parkeġġ pubbliku sakemm jiġu diskussi dawk l-aspetti ta' din is-sejħa li qed iħassbu lill-Partit Laburista. Intant ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi : mhux minnu li se ssir privatizzazzjoni tas-siti ta' parkeġġ pubbliku (inklużi dawk indikati fid-domanda), għax dawn diġa' qegħdin jiġu operati mill-privat permezz ta' car park attendants liċenzjati f'kull sit. Kull m'hu qed isir huwa li qed jiġi msaħħaħ il-qafas regolatorju billi tinbidel is-sistema preżenti fejn il-car park attendants tinħarġilhom liċenzja li tiġġeddidilhom kull sena, għal waħda aktar trasparenti fejn l-Awtorita' tidħol f'relazzjoni kuntrattwali mal-privat dwar l-operat ta' kull sit, wara sejħa pubblika għall-offerti. Il-Gvern ma' jħossx li dan se joħloq inkonvenjent lir-residenti, u dan għaliex fis-siti in kwistjoni hemm maħsuba spazji riservati għar-residenti, liema spazji se jiġu esklużi miz-zona fejn l-operatur se jkollu dritt jitlob ħlas. Barra minn hekk, f'dawn iz-zoni, r-residenti diġa' jħallsu meta jipparkjaw.

Wied il-Għajn — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għala wara li tqabbad id-drenaġġ fi Triq Sant Antnin f'Wied il-Għajn mal-main fi Triq Sant' Anna meta dan il-main jiġi overloaded qiegħed jispiċċa jmur fid-djar u l-ħwienet li hemm fit-triq ta' taħt?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li minn investigazjonijiet li saru, jirriżulta li l-problema qiegħda tiġri waqt jew wara li tkun għamlet ix-xita. Il-main ta’ Triq Sant’ Anna huwa tajjeb u nadif. Il-backflow huwa kaġun ta’ rimi illegali ta’ ilma tax-xita fis-sistema tad-drenaġġ. Għalhekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdha tinvestiga l-possibilità li telimina l-konnesjoni ta’ bejn Triq Sant’ Antnin u Sant’ Anna bil-għan li tittaffa l-problema.

Tfal li jittellgħu bil-wieqfa fil-coaches tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux permessibli li tfal tal-iskola jittellgħu bil-wieqfa fil-coaches li jwasluhom fl-iskejjel? Ma taħsibx li dan l-aġir joħloq periklu għall-istudenti b'mod partikulari f'każ ta' xi ħabta tal-vettura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhux permissibli li studenti jinġarru bil-wieqfa fuq il-vetturi pprovduti mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Tant hu hekk illi jekk ikun irrapportat li xi operatur irrikorra għal dan il-mezz, dan l-operatur ikun penalizzat. Fuq kull rotta organizzata mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi hemm l-ispazju kollu neċessarju biex l-istudenti jinġarru bilqegħda.

Korsijiet tal-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista ta' korsijiet li huma organizzati mill-MCAST? Kemm minn dawn il-korsijiet huma bla ħlas u kemm minnhom huma bil-flus? Fil-każ ta' dawk bil-ħlas, kemm hu l-ħlas ta' kull sena għal kull kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST għandu korsijiet full-time li jibdew f’Ottubru, fil-bidu tas-sena akkademika, u oħrajn part-time (korsijiet ta’ filgħaxija) li jiġu offruti darbtejn fis-sena, uħud f’Settembru u oħrajn f’Marzu. L-informazzjoni dwar dawn iż-żewġ tipi ta’ korsijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Valletta — Triq ir-Repubblika - sign ta' keep clear quddiem il-Head Office tal-HSBC

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex inżebgħat is-sign keep clear quddiem il-bini li kien jopera bħala l-Head Office tal-HSBC fi Triq ir-Repubblika il-Belt (quddiem il-Berġa) meta dan il-bini issa ilu x-xhur ma jintuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan kien żball u għandu jitneħħa fil-ġranet li ġejjin.

Ħ'Attard — toroq innumerati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36567, jista' l-Ministru jgħid liema toroq f'Ħ'Attard sal-lum ġew innumerati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #36589 Sitting 508 2012-10-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

użu tat-tieni karozza ministerjali — car allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal kemm tammonta l-car allowance li jingħata kull xahar il-Ministru li jagħżel li ma jagħmilx użu mit-tieni karozza ministerjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-prassi tat-tieni karozza ministerjali ilha fis-seħħ għal għadd ta’ leġislaturi. L-allowance għal min ma jagħmilx użu minn din il-karozza hija €7,000 fis-sena li huma soġġetti għat-taxxa. Ninsab infurmat li l-car allowance tal-Kap tal-Oppożizzjoni hija ta’ €7,000 fis-sena wara t-taxxa.

Ħ'Attard — industrial estate - xogħol ta' resurfacing tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mix-xogħol ta' resurfacing tat-triq fl-industrial zone ta' Ħ'Attard liema xogħol suppost sar xi tliet snin ilu, skont mistoqsija parlamentari 11766 u li sal-lum ma sar xejn? Jista' jgħid ukoll f'liema stadju wasal il-master plan għal dan l-industrial estate li ukoll ilu jiġi mwiegħed tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Malta Industrial Parks lestiex xi xogħlijiet ta’ resurfacing fiż-żona imsemmija fl-2011. Minn dak iż-żmien kienu qed isiru xi xogħoljiet ta’ kostruzzjoni minn Island Beverages Co Ltd b’użu ta apparat u vetturi relatati li qed jagħmlu użu mit-toroq taż-żona ta’ spiss. Għalhekk ma kienx meqjus għaqli li jitkomplew it-toroq qabel dan ix-xogħol jitlesta biex ma jkunx hemm ir-riskju li issir ħsara lit-toroq u b’hekk jinħlew il-finanzi investiti fihom. Il-Malta Industrial Parks qed tħeġġeġ lin-negozji taż-żona biex jiffurma tenant’s association taħt is-Service Charge Regime li gie mħabbar reċentament bejnha u il-Malta Chamber of Commerce, sabiex kwistjonijiet bħal dawn jigu indirizzati bejn l-okkupanti u l-MIP abbażi tad-disponibilita tal-fondi. Jekk l-okkupanti jagħqdu din l-assoċjazzjoni, id-disinn tal-master plan għandu jkun parti mid-diskussjonijiet bejnhom u bejn il-Malta Industrial Parks sabiex kwistjonijiet u nuqqasijiet partikulari fit-tmexxija taż-żona jigu ndirizzati minn qabel.

monument ta' Jum ir-Repubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-monument ta' Jum ir-Repubblika li kien hemm fi Triq Diċembru 13 fil-Marsa u li tneħħa minħabba x-xogħlijiet li qegħdin isiru? Fejn se jitpoġġa dan il-monument appena jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru. 36407.

Furjana — bini ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-bini tal-parkeġġ fejn qabel kien hemm it-taraġ fl-area tal-Indipendenza fil-Furjana? Meta hu maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li 50% tax-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant twettaq. Dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevist, dan ix-xogħol hu mistenni li jitlesta sa l-aħħar tas-sena.

Tlestija ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ ta' xogħol hu kkalkulat li tlesta sal-lum u meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq dawn il-proġetti ta' toroq: Triq iċ-Ċirkewwa, il-bypass tal-Mellieħa, it-triq mix-Xewkija sar-Rabat Għawdex u l-underpass tal-Marsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għoti ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti għajnuna lil bdiewa li ġarrbu ħsarat kbar fil-maltempata li laqtet lill-pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet is-sejħa għall-għoti ta' għajnuna u jekk iva, kemm daħlu talbiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f' xi seduta oħra.

MRA — konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili - tankijiet tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-prattika li l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta tikkonsulta mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qabel ma jinħarġu permessi għat-tankijiet tal-gass li jintradmu fil-front gardens tar-residenzi peress li dawk jistgħu jkunu ta' periklu kbir għal ġirien kif ukoll għall-persuni li jkunu mixjin fil-viċinanza?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi ma toħroġ l-ebda permess għal żvilupp għall-istallazzjoni ta’ tankijiet tal-gass fil-front gardens. Permessi għal żvilupp jinħarġu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-Mistoqsija Parlamentari lill- Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura li hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar.

Bus Stops — arloġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabilità li jara li l-arloġġi fuq bus stops jaħdmu tajjeb?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din hija r-responsabilità ta’ Transport Malta li qiegħda fi proċess li tingaġġa kuntrattur sabiex jieħu ħsieb jara li dawn l-arloġġi jaħdmu tajjeb.

tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema widien ġew imnaddfa matul l-2012? X'kien it-tul ta' kull parti tal-wied li ġiet imnaddfa? Kemm hu l-valur tal-materjal li tneħħa mill-widien u fejn ittieħed dan il-materjal, inkluż il-ħamrija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35960, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward tindif f’widien fl-2012. Ngħarrfu ukoll li minn dawn il-widien tneħħew 11,000 tunellata ta’ materjal li ġew meħuda f’barrieri liċenzjati għar-rimi tal-iskart. Tneħħew ukoll 9,000 metru kubu ta’ ħamrija li parti minnha ttieħdet fil-Mixtla ta’ San Vincenz De Paul u l-kumplament giet mogħtija lill-bdiewa li kellhom l-għelieqi qrib il-widien u li talbu li jingħataw din il-ħamrija.

Żebbuġ — Vjal il-Ħelsin - soluzzjoni għall-ħruġ ta' vetturi

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li tinstab soluzzjoni għall-ħruġ ta' vetturi minn Vjal il-Ħelsien f'Ħaż-Żebbuġ għal fejn ir-roundabout f'Triq l-Imdina li hi triq arterjali peress li waqt ir-rush hour hu diffiċli ħafna li l-vetturi joħorġu minħabba l-ammont tat-traffiku fit-triq arterjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt it-talba tiegħu lil Transport Malta biex tara x'jista' jsir.