Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Gas Division - art

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37382, 36680, 36308, 36223, 35975 u 35823 u jgħid ta' min hi l-art li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tuża għall-Gas Division fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

MEPA — binjiet mhux konformi mal-liġijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36786 u jgħid x'inhi r-raġuni għala l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet skont l-iskema li għadha kif inħarġet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal binjiet mhux konformi mal-liġijiet tas-sanità mhux qegħdin isiru mill-uffiċjali tas-sanità iżda minn persuni li ftit għandhom esperjenza fit-tħaddin tar-regolamenti sanitarji?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskema li ħarġet tikkonsisti minn konċessjonijiet minn miżuri ta' infurzar. Din hi l-ewwel darba li ġiet imniedija din it-tip ta' skema li hi regolata permezz ta' Artikoli 91 u 92 u Kategorija B tat-Tmin Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Miżura iktar limitata li ilha fis-seħħ numru twil ta' snin, dik li qabel kienet irregolata minn Artikolu 55B tal-Att dwar l-Iżvilupp tal-Ippjanar u li llum ġiet inkorporata f'Kategorija A tat-Tmien Skeda tal-Att dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, fil-fatt dejjem kienet amministrata mis-Sezzjoni tal-Infurzar. L-Artikoli hawn fuq imsemmija huma inkorporati f'Parti VI.2 tal-Att, jiġifieri 'Enforcement of Control' li tirrigwarda responsabbilitajiet tad-Direttorat tal-Infurzar.

Trasferiment tal-proprjetà — capital gain tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset capital gain tax fuq trasferiment ta' proprjetà mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum kull xahar separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-capital gain tax fuq trasferiment ta’ proprjetà mill-1 ta’ Jannar 2011 sa Settembru 2012 huma kif murija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat — Għerixien Housing Estate - lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala lift li ġie stallat bejn Block 4 u 5 f'Għerixien Housing Estate fir-Rabat sal-lum mhux qiegħed jitħaddem u dan meta ilu xhur li ġie stallat?

Response (SAID, CHRIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 32595. Iċ-ċirkustanzi sallum ma nbidlux u r-reżidenti għadhom qed jonqsu milli jonoraw l-obbligi tagħhom li joħorġu mill-kuntratt ta’ bejgħ. U dan minkejja li l-Awtorità tad-Djar onorat il-parti tagħha u nefqet €47,711 biex isir dan il-lift. Il-lift ma jistax jinxtegħel mill-installatur sakemm jiġi appuntat persuna responsabbli hekk kif titlob il-Liġi.

Trasferiment ta' skola

Question

Tista' l-Ministru tara li t-tifel ta' ħames snin li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jiġi trasferit mill-iskola primarja ta' Tal-Pietà għal dik tar-Rabat peress li ommu dejjem tkun ir-Rabat fejn toqgħod ma' missierha sabiex tieħu ħsiebu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-applikazzjoni għadha pendenti sakemm tkun ikkonfermata ċerta informazzjoni mogħtija dwar il-post tar-residenza tal-omm u l-istudent.

Sptar Mater Dei — Underground Car Park - kuntratt għall-immaniġjar tal-car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-underground car park tal-Isptar Mater Dei biex jinbena u jitlesta? Liema hi l-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġjar ta' dan il-car park? Kemm qiegħda titħallas din il-kumpanija lill-gvern kull sena għal dan il-car park?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ispiża tal-Isptar Mater Dei kienet waħda stabbilita bħala somma fissa għall-isptar kollhu, għalhekk l-informazzjoni li qed jistaqsi m’hijiex possibli li tingħatalu. Il-kumpanija li ngħatat il-kuntratt għall-immaniġjar ta' dan il-car park hija Parksec Ltd. Din il-kumpanija qegħdha titħallas €118,192.40c fis-sena.

Belt Valletta — Pavimentar - miżuri biex ma jitebbax biż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex il-pavimentar ġdid li qiegħed isir fil-Belt ma jibqax jiġi mtebba' biż-żejt tal-vetturi li jgħaddi minn fuqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36580.

Imdina — bini ta' ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta (inkluż section) kif ukoll tal-permessi tal-ġibjun ġdid li qiegħed jinbena fil-foss tal-Imdina fejn qabel kien hemm it-tennis courts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36678 u 36315 u cioè: B'referenza għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 34533, 35174 u 35169 u ġaladarba l-Ministru ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba fil-mistoqsija parlamentari 35174, jista' l-Ministru jgħid taħt liema klawsola tal-kapitlu 268 tal-Liġijiet ta' Malta, jiġifieri tal-att li jirregola t-trasferiment tal-proprjetà tal-gvern, saret il-konċessjoni esklussiva lill-Island Caterers?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Enemalta — Gas Division - art

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36680, 36308, 36223, 35975 u 35823 u jgħid ta' min hi l-art li bħalissa l-Korporazzjoni Enemalta tuża għall-Gas Division fil-Qajjenza, limiti ta' Birżebbuġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36750 u 36573 u jgħid kemm intefqu flus fuq xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji matul din is-sena sal-lum, kull triq separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Permess tal-MCP Car Park

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36777 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-MCP Car Park PA 3474/93?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36769 u 36576 u jagħti update dwar liema areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini permezz tan-nationalization sal-lum ġew approvati mill-Ministru? B'liema mod ġew approvati? X'sar mill-areas l-oħra llum?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba

MRA — konsultazzjoni mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili - tankijiet tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36604 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hux il-prattika li l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta tikkonsulta mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qabel ma jinħarġu permessi għat-tankijiet tal-gass li jintradmu fil-front gardens tar-residenzi peress li dawk jistgħu jkunu ta' periklu kbir għal ġirien kif ukoll għall-persuni li jkunu mixjin fil-viċinanza?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Għoti ta' għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36603 u jgħid jekk il-gvern hux se jagħti għajnuna lil bdiewa li ġarrbu ħsarat kbar fil-maltempata li laqtet lill-pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet is-sejħa għall-għoti ta' għajnuna u jekk iva, kemm daħlu talbiet s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li wieħed irid jżomm quddiem għajnejh li l-ħsarat minn maltempati jolqtu setturi diversi tal-ekonomija u mhux biss is-settur agrikolu jew tas-sajd. Filwaqt li setturi oħra jieħdu ħsieb li jkopru lilhom infushom kontra dawn ir-riskji, is-setturi tal-biedja u tas-sajd sa llum għad ma humiex koperti. Dan ma jeskludix il-fatt li f’każ ta’ kalamità l-Gvern mhux se jżomm milli jestendi l-għajnuna immedjata tiegħu fejn anki jeżistu parametri fuq livell Ewropew meta din titqies bħala kalamità ta’ ċertu daqs u li anki jikkwalifikaw għal għajnuna mill-Unjoni. Imma għalkemm nistgħu ngħidu li għall-grazzja t’Alla s’issa ma ntlaqtniex minn disgrazzja simili, il-gvern qiegħed jaħdem biex jkun hemm skema biex partikolarment tgħin lill-dawn iż-żewg setturi partikolari kontra riskji anki ta’ ħsarat mhux daqshekk kbar. Nisperaw li x-xogħol li qiegħed isir jkun konkluż u jagħti l-frott fl-iqsar żmien possibbli ħalli jkun hemm mekkaniżmu meħtieġ biex tingħata l-għajnuna meta jkun hemm ħsarat bħal f’dan il-każ imsemmi.

fidi taċ-ċens fuq plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li l-kundizzjonijiet imposti fuq il-fidi taċ-ċens fuq plots tal-gvern kienu ibsin wisq f'każ ta' persuni li akkwistaw id-djar mingħand terzi bi prezzijiet tas-suq u li ma kenux huma l-benefiċċjarji oriġinali tal-plots?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern jidhirlu li l-kundizzjonijiet għall-fidi taċ-ċens fuq proprjetajiet tal-gvern mhux talli mhumiex iebsin iżda huma meħtieġa. Tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant, li qabel ma ġew introdotti l-emendi għall-Iskema dwar ix-Xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjeta’ tal-Gvern, użata bħala residenza, ma kien hemm l-ebda kundizzjoni speċifika li kienet taħseb biex tirregola li ma ssirx spekulazzjoni tal-proprjeta li ċ-ċens tagħha jkun infeda. Il-Gvern kien ħass li l-bejgħ ta’ proprjeta’ li ċ-ċens tagħha ikun għadu kemm jinfeda ftit ġranet qabel, u dan bi prezz għexieren ta’ drabi ogħla mill-prezz tal-fidi, kien imur kontra l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern Malti u s-Santa Sede iffirmaw fil-1992 u għalhekk kellu jintervjeni u fl-2009 ħa l-miżuri neċessarji biex dan ma jibqax isir. Dan biex l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema tkun tirrifletti fedelment l-iskop u l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern ta’ Malta u s-Santa Sede iffirmaw u li jgħid, fost oħrajn, li l-proprjeta’ li ġiet mill-Knisja għandha tintuża “for the Country’s most pressing social requirements, such as social housing….”

kwestjoni dwar xiex tintuża l-karta r-roża

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-każ li persuna tikkwalifika għall-katra r-roża f'każ biex jekk ikollha bżonn mediċini u dan għaliex il-karta r-roża tintuża għall-għoti ta' servizzi oħrajn bħal roħs fil-kera tal-linja tat-telefon anke minn persuni li m'għandhomx bżonn mediċini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23. Persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skond id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Min ikollu l-kartuna r-roża ntitolat għal numru limitat ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern. Mediċini jistgħu jingħataw lill-pazjenti permezz ta’ riċetta valida minn tabib awtorizzat hekk kif stipulat fl-Avviż Legali 292 tal-2006 ta’ l-Att Dwar il-Mediċini Kap 458 - Regoli ta’ l-2006 dwar il-Ħruġ ta’ Riċetti u Dispensa ta’ Mediċini.

Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern — aċċess għal persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern f'Malta hux konformi mal-istandards ta' aċċessibilità tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità peress li dan l-uffiċċju jżuruh ħafna persuni inkluż anzjani bi problemi ta' mobilità?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern jikkonsisti f’żewg binjiet antiki fil-Belt Valletta, cioe’ l-uffiċċju prinċipali li jinsab f’ numru 2/3, Triq Mikiel Anton Vassalli, fejn huma arkivjati l-atti nutarili oriġinali, u dak f’ numru 24, Triq San Kristofru, fejn huma arkivjati r-reġistri tal-atti. Naturalment, peress li l-bini huwa antik, jeżistu certi restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċessibilita’ sabiex ikun totalment konformi mal-istandards ta’ aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’. Madankollu l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern xorta jipprovdi faċilitajiet ta’ aċċess lill-persuni anzjani jew b’dizabilita’ fil-limitazzjonijiet tiegħu. Per eżempju, f’każ ta’ persuna fuq wheelchair tigi pprovduta rampa sabiex taghti aċċess minn fuq il-bankina għall-pjan terran tal-Ufficcju, minn fejn imbagħad jingħata s-servizz. Ta min isemmi wkoll illi persuni anzjani jew b’diżabilita’ li ma jifilħux jitilgħu taraġ jingħataw servizz fil-pjan terran mill-uffiċċjali f’dan id-dipartiment li dejjem ikunu lesti sabiex jagħtu l-assistenza meħtieġa. Dawn il-persuni jistgħu wkoll jordnaw kopji ta’ atti nutarili mill-Arkivji Nutarili permezz tal-posta elettronika (notarial.archives@gov.mt) u din is-sistema għenet ħafna sabiex jitjieb is-servizz offrut, speċjalment lill-persuni anzjani bi problemi ta’ mobilita’ kif ukoll persuni b’dizabilita.

impjanti tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus it-tliet impjanti tat-trattament tad-drenaġġ li nbnew f'dawn l-aħħar snin kull impjant separatament jiġifieri tal-Mellieħa, ta' Għawdex u Ta' Barkat, Xgħajra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tlett impjanti saru b’investiment ta Ewro 96.5 miljun. L-impjant taċ-Ċumnija fil-Mellieħa sar b’investiment ta’ €8.4 miljun, dak ta’ Mġarr ix-Xini f’Għawdex b’investiment ta’ €8.9 miljun, u dak Ta’ Barkat ġewwa x-Xgħajra b’investiment ta’ €79.2 miljun. Permezz ta’ dan l-investiment qawwi fit-trattament ta’ drenaġġ, pajjiżna huwa l-ewwel pajjiż fil-Mediterran illi jittratta d-drenaġġ kollu qabel dan ma jintefa fil-baħar. Dan kollu fl-aħjar interess tas-saħħa tagħna lkoll u tat-turisti li jżuru pajjiżna kull sena.

Impjant Sant' Antnin — skart organiku trattat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-persentaġġ ta' skart organiku li qiegħed jiġi trattat fl-impjant ta' Sant' Antnin meta mqabbel mat-total ta' skart prodott f'Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ mhix l-unika entità li tircievi l-iskart li jigi ġġenerat f’Malta peress li hemm ukoll faċilitajiet privati li huma involuti f’dan it-tip ta’ operat. Ghalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u Ippjanar li hija responsabbli fuq livell nazzjonali. Il-Wasteserv tista tiprovdi l-volum ta’ skart organiku li jidħol għandha biss.