Aġenzija Malta Libraries – sejħa għal Chief Officer
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-aħħar sejħa għall-Chief Officer (COO) fl-Aġenzija Malta Libraries saritx kif titlob id-Direttiva tas-settur pubbliku? Jista’ jgħid xi kwalifiki għandha l-persuna fl-oqsma tax-Xjenza tal-Libreriji u l-Arkivjar?
Ir-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, u l-Imġarr – Xogħlijiet ta’ titjib
Question
Jista’ l-Ministru jagħti skeda dettaljata tax-xogħlijiet ta’ titjib, infrastruttura u asfaltar li ser isiru fit-toroq tar-Rabat, l-Imtarfa, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, u tal-Imġarr sa Mejju 2026?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li xogħlijiet infrastrutturali ser isiru f’dawn it-toroq: Triq Ġilormu Dingli, Rabat; Triq Ferreri, Rabat; Triq Cagħki, Rabat; Sqaq Santa Barbara, Rabat; Triq Anton Muscat Azzopardi, Rabat; Triq Santa Barbara, Rabat; Triq Imtarfa, Mtarfa; Triq Santa Katerina, Rabat; Triq San Dwardu, Rabat; Triq Rgħajja- Phase 2, Rabat; Triq il-Maddalena, Dingli; New Road off Triq tal-Ħlas, Żebbuġ; rural road at Rdum ta l-Iħfar, Dingli; Sqaq fi Triq Santa Katarina, Dingli; rural road at Triq il-Buskett, Dingli; rural road at Triq il-Qaws, Dingli; rural road at Triq l-Imnarja, Dingli; rural road at Road off Triq is-Santi, Mġarr; rural road at Triq Għajn Tuffieħa, Mġarr; rural road at Sqaq fi Triq Santi, Mġarr; rural road at Triq Ġnien Għajn Tuffieħa, Mġarr; rural road at Sqaq fi Triq iċ-Ċens l-Iswed, Rabat; rural road at Triq ta’ Slampa, Rabat; rural road at unnamed road in limits of Għar Żerriegħa, Rabat; part of Triq Mario Galea Testaferrata, Mdina / Rabat u rural road at Sqaq fi Triq Wied is-sewda, Haż-Żebbuġ.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Regolament (UE) 2017/625
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kontrolli u kemm kienu l-kontrolli uffiċjali skont ir-Regolament (UE) 2017/625 li ġew imwettqa mill-uffiċjali tal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex minn meta bdiet topera din l-Awtorità sal-aħħar t’Awwissu 2025?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel wettqet kontrolli regolari, skont ir-Regolament (UE) 2017/625, biex tiġi żgurata l-konformità mas-sigurtà u l-kwalità tal-ikel, kif stipulat fil-Kapitlu 649, Att Nru XV tal-2025, kif ukoll fl-iskeda annessa ma’ dan l-istess Att.
Dawn il-kontrolli jinkludu sorveljanza, spezzjonijiet, awditjar, verifika u osservazzjoni operattiva. Id-data miġbura kull sena tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea, li fuqha jinbena rapport sħiħ li jinkorpora l-informazzjoni kollha provduta mill-Istati Membri.
Għawdex - L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-ikel — Nuqqas ta’ persunal
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu u x’inhu maħsub li ser isir biex il-problema għan-nuqqas ta’ persunal fl-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel f’Għawdex tkun indirizzata bis-serjetà? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni ta’ meta l-Awtorità ser tibda topera b’mod sħiħ f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 30298.
Għawdex - L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-ikel — Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel f’Għawdex hijiex mgħammra b’mod adegwat b’impjegati sabiex tkun tista’ topera b’mod effettiv u effiċjenti u jekk le, x’inhi r-raġuni prinċipali għal dan in-nuqqas ta’ persunal f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari numru 30296 u 30298.
Għawdex - L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-ikel — Diffikultajiet / problemi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel hix qed ikollha diffikultajiet jew problemi biex preżentement tibda topera f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalma jiġri f’kull entità ġdida, kien hemm proċess inizjali biex jiġu stabbiliti l-operati kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Madankollu, ix-xogħol biex jitwaqqaf uffiċċju f’Għawdex għaddej b’mod attiv.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Kap/uffiċjal responsabbli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-kap jew l-uffiċjal responsabbli mill-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel f’Malta u f’Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kap jew l-uffiċjal responsabbli mill-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel f’Malta u f’Għawdex huwa s-Sur Clive Tonna.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Riżorsi u persunal
Question
Jista’ l-Ministru jassigura li hemm biżżejjed riżorsi u persunal biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tal-operat tal-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed titwettaq ħidma sabiex l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel tkun imħejjija b’kapaċità biżżejjed biex tindirizza l-bżonnijiet operattivi tagħha. F’dan ir-rigward, se jitwettaq eżerċizzju ta’ capacity building u wara dan se jkun segwit minn proċess ta’ reklutaġġ.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Proċess tal-għażla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-proċess tal-għażla jew reklutaġġ tal-impjegati li ġew assenjati mal-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal-għażla u r-reklutaġġ tal-impjegati li ġew assenjati mal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel kien jinkludi diversi mekkaniżmi. L-impjegati tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali ġew assenjati permezz ta’ bulk detailing. Fir-rigward tal-impjegati tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali , ġie adottat proċess ta’ selezzjoni bbażat fuq il-prinċipju ta’ “last in, first out”. Min-naħa l-oħra, l-impjegati l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ġew identifikati mill-Amministrazzjoni tal-istess awtorita’.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Trasferiment ta’ ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid minn liema dipartiment/dipartimenti jew entitajiet oħra tal-Gvern ġew allokati jew trasferiti l-impjegati li jaħdmu mal-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati li bħalissa hemm jaħdmu mal-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel ġew allokati jew trasferiti minn diversi dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, fosthom il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, il-Ministeru għas-Saħħa u L-Anzjanità Attiva u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Uffiċċju ewlieni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi tal-Ikel u fejn hemm fergħat oħra simili madwar Malta u Għawdex?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċċju ewlieni tal-Awtorità għas-Sigurta` tal-Ikel jinsab ġewwa Birkirkara. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Awtorità qed jiġu offruti mill-faċilitajiet tal-Għammieri Meet and Greet, u minn binjiet oħra li jinsabu f’Ħal Lija, Kordin, il-Marsa, Ħal Luqa, Birżebbuġa u r-Rabat (Għawdex).
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Struttura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi strutturata l-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel u x’dipartimenti jew sezzjonijiet tinkludi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel hija strutturata f’tliet diviżjonijiet ewlenin segwenti:
Politika u Liċenzjar
– regolazzjoni u liċenzjar ta’ annimali, ikel, supplimenti, fergħat u stabbilimenti, inkluż permessi u ċertifikati ta’ ikel b’marki ta’ kwalità.
Konformità u Implimentazzjoni
– Ispettorat u kontroll ibbażat fuq il-liġi, inkluż kontroll fuq is-swieq u l-fruntieri.
Referenza Xjentifika
– sorveljanza regolari u laboratorju nazzjonali għall-analiżi u ttestjar tal-kampjuni tal-ikel.
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Missjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-missjoni tal-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel u x’inhuma l-għanijiet u r-responsabilitajiet ewlenin ta’ din l-Awtorità?
L-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel — Twaqqif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sena ġiet stabbilita l-Awtorità Maltija għas-Sigurtà tal-Ikel? Jista’ jgħid ukoll taħt liema liġi jew ordni ġiet imwaqqfa u meta bdiet tiffunzjona?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Kapitlu 649, Att Nru XV tal-2025 għall-informazzjoni mitluba dwar l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir grada (back gate) li titla’ u tinżel jew tislajdja kif ukoll sleeping police, bħala miżuri addizzjonali ta’ sigurtà fl-Isptar Mount Carmel? Dan fid-dawl li bosta vetturi jidħlu u joħorġu kontinwament, u fin-nuqqas ta’ tali miżuri, jista’ jingħata ċ-ċans li xi pazjent/i joħorġu mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi s-sigurtà fl-Isptar Mount Carmel hia konformi mar-rekwiżiti identifikati mill-Management tas-Sigurtà, u dak tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-Isptar u jifforma parti minn inizjattiva usa’ u komprensiva biex titjieb il-ġestjoni tal-aċċess.
Infurmat ukoll illi s-sistema ta’ barriera awtomatizzata tinsab fil-fażi finali tal-għoti tal-kuntratt, filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet għall-grada (back gate) qed jiġu mfassla.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex infurmata li l-fuel tal-Enemed reċentement kien maħmuġ, b’tali mod li kellu riħa qawwija ta’ bacteria? Tista’ tgħid ukoll jekk hijiex infurmata jekk kienx hemm xi kawża/kawżi li xi pompi tal-fuel fetħu kontra l-Enemed dwar dan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fjuwil tal-Enemed ma kienx maħmuġ kif qed jiġi allegat. Hija prassi normali, speċjalment meta l-ħażna tal-fjuwil tkun taħt l-art, bħalma huwa fil-każ tal-pompi tal-petrol kollha ta’ Malta u fil-ħażna ta’ Ħas Saptan, illi d-diesel ikun suxxettibbli li tifforma bacteria fih, speċjalment fil-qiegħ tat-tankijiet fejn jissetilja l-ilma li jista’ jifforma ġot-tankijiet. Għal dan il-għan, l-Enemed perjodikament tieħu ħsieb li tħallat bijoċida mad-diesel biex ma jħallix li jifforma bacteria u biex jekk ikun hemm bacteria xi mkien fis-sistema, din tinqatel.
Fid-dawl tal-istat ta’ telqa u abbandun fil-wied li jinsab fiż-żona tal-Buskett (fejn jinżamm l-ilma kollu li jinżel mill-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli) u fiż-żona tal-madwar ta’ ġibjun antik (li jintlaħaq permezz ta’ arkata fil-ġenb, faċċata ta’ dak li kien il-Bosk tal-Buskett), tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx intenzjoni u rieda reali li l-wied u l-ġibjun jitnaddfu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-snin, Ambjent Malta ilha twettaq diversi interventi li jikkumplimentaw l-istorja taż-żona u li jissalvagwardjaw l-ogħla protezzjoni ambjentali tal-Buskett. Speċifikament dwar Wied il-Buskett u Wied il-Luq kif ukoll il-ġibjuni li hemm fl-akwata, Ambjent Malta bdiet investigazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma storika ta’ żmien il-Kavallieri u dak Brittanniku, fejn inġabret informazzjoni dwar l-istat u l-pożizzjoni tal-infrastruttura tal-irrigazzjoni. Sar ukoll studju idroloġiku tal-ilma tax-xita u tal-għejun li jinsabu f’Wied il-Buskett. Ambjent Malta qed tagħmel ukoll studju dwar l-impatt tal-qasba f’Wied il-Luq biex tali interventi jsiru wara li jkunu investigati u mħarsa l-possibiltajiet kollha.
F’dan ir-rigward, tlestew il-pjanijiet u d-dokumentazzjoni neċessarja għas-sottomissjoni tal-permessi għar-restawr tal-ġibjun ta’ Wignacourt, il-ġibjun magħruf bħala tal-Magħluqa u restawr infrastrutturali ta’ Wied il-Buskett u Wied il-Luq fuq medda ta’ żewġ kilometri.
Ambjent Malta għamlet restawr tal-ġibjun iż-żgħir ta’ Wignacourt, kif ukoll ta’ dak biswit ir-Razzett tal-Ispirtu. Matul din is-sena, Ambjent Malta issottomettiet ukoll applikazzjoni biex tkun tista’ tibbenifika minn fondi tal-Unjoni Ewropea li se jara restawr ta’ din l-infrastruttura u l-istat ambjentali ta’ Wied il-Buskett u dak ta’ Wied il-Luq.