Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders kollha li ngħataw fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija, fi ħdan: i. Heritage Malta; ii. is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali: u iii. l-entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Heritage Malta – Membri tal-bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jifformaw parti mill-bord ta' Heritage Malta Services Ltd bħalissa? Jista' jelenka l-qasam jew il-kompetenza ta' kull persuna, bħal pereżempju storja, gastronomija, turiżmu u l-bqija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord ta’ Heritage Malta Services Ltd iffurmat mis-Sur Anthony Scicluna, s-Sur Noel Zammit, s-Sur Carlo Micallef u s-Sinjura Antoinette Caruana.

Mużewijiet – Viżitaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu fil-mużewijiet, f'Malta u Għawdex, fis-snin 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u mużew b'mużew?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali ta’ Heritage Malta u tal-MICAS li kull sena jitpoggew fuq il-mejda tal-kamra.

Sptar Mater Dei – Interventi u operazzjonijiet skedati mill-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-interventi u/jew operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei li kellhom isiru matul dawn l-aħħar sitt xhur u li ġew skedati għal data oħra u li għadhom ma sarux?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Awwissu saru 46,815-il operazzjoni.  Kien hemm 1,927 operazzjoni li ġew skedati għal data oħra.  Minn dawn, 640 diġa saru f’data differenti.  Ikun hemm bosta raġunijiet għala tinqala’ l-ħtieġa li jiġu skedati f’data oħra.  L-aktar komuni hi l-qagħda medika tal-pazjent dak in-nhar tal-operazzjoni.  Isir kull sforz li jekk l-intervent u/jew operazzjoni tiġi posposta, din tiġi skedata f’data oħra qrib, sakemm il-qagħda medika tal-pazjent ma timpedixxix li dan isir.

Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-laqgħat u t-taħditiet li saru mill-entitajiet differenti biex ikun hemm estensjoni tal-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija Nazzjonali f’Għawdex? Jista’ jgħid fiex waslu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab informat li fil-ġimgħat li għaddew saru taħditiet preliminarji sabiex jiġu esplorati possibilitajiet ta' tali estensjoni.

Inventarju Nazzjonali - Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal it-tfassil ta’ politika dwar kif għandhom jiġu mħarsa u protetti siti, oġġetti u artifatti ta’ patrimonju kulturali u li jinsabu fuq l-inventarju nazzjonali? Jista’ jgħid ukoll min huma l-persuni inkarigati biex jevalwaw jekk proprjetà, sit jew oġġett huwiex ta’ valur kulturali jew le, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata f’dan ir-rigward?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445) jidentifika lis-Sovrintendenza bħala r-repositorju nazzjonali għall-Inventarju Nazzjonali tal-Patrimonju Kulturali. Artiklu 53 tal-istess Att jgħid li meta tistabilixxi dan l-inventarju, is-Sovrintendenza tikkonsidra patrimonju fuq l-art u fil-baħar tal-Istat, tal-Knisja, Fondazzjonijiet u Għaqdiet non-governattivi, proprjetà privata li hija aċċessibli u proprjetà oħra hekk kif definit fl-Att, li tinkludi wkoll proprjetà skedata. Ninsab infurmat ukoll li s-Sovrintendenza bħalissa għaddejja bil-ġbir tal-Inventarju tal-Immobbli fuq bażi tematika u tal-patrimonju mobbli li għandha fil-kustodja tagħha, filwaqt illi tikkollabora u tassisti entitajiet oħrajn fejn jidħol dan is-settur.

Karigi ta’ Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali u Direttur

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li kienu jokkupaw il-karigi li ġejjin fis-Servizz Pubbliku, fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena: i. Segretarju Permanenti; ii. Direttur Ġenerali; u iii. Direttur?

Response (ABELA, ROBERT)

Rigward is-Segretarji Permamenti , nirreferi lill Onor Interpellant għas-sit elettroniku: https://publicservice.gov.mt/en/personnel-page li kopja ta’dan it-tagħrif qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għar-rigward tal-karigi l-oħra li qed jistaqsi fil-mistoqsija tiegħu , qed inpoġġi ukoll it-tagħrif ġa pubbliku ukoll : https://opm.gov.mt/ikkuntattjana/ fuq il-Mejda tal-Kamra.

Intangible Cultural Heritage Board – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-ismijiet tal-membri li jiffurmaw parti mill-Intangible Cultural Heritage Board? Jista’ jgħid meta dawn bdew jiffurmaw parti minn dan il-Bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-membri tal-bord hawn fuq imsemmi huma dawn: Intangible Cultural Heritage Board Chairperson Frank Zammit Membru David Camilleri Membru Christian Sammut Membru Kurt Farrugia Membru Kenneth Gambin Membru Mario Azzopardi Membru Karl Parnis Membru Alexander Farrugia Segretarja Melanie Ciantar Harrington Dan ta’ fuq huwa l-bord preżenti li reġa’ nħatar b’effett mit-13 ta’ Ġunju 2025 sa 12 ta’ Gunju 2028.

Fondazzjoni Patrimonju Malti – Supervisory Council – Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bħalissa li jiffurmaw parti mill-Fondazzjoni Patrimonju Malti - Supervisory Council? Jista’ jgħid min minnhom beda jifforma parti minn din il-Fondazzjoni f’dawn l-aħħar 16-il xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ħaddiema qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex officio?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-operat tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti ma jaqax taħt ir-responsabilita tal-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali.  Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali jinnomina persuna wahda fuq dan il-Kunsill.

Sovrintendenza għall-Wirt Nazzjonali - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi allokati għas-Sovrintendenza għall-Wirt Nazzjonali fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dan il-finanzjament ġie utilizzat u fejn sar l-investiment finanzjarju fl-oqsma kollha li jaqgħu taħt Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għar-rapporti annwali tas-Sovraintendenza għall-Patrimonju Kulturali li jiġu ppreżentati kull sena fuq il-Mejda ta' din l-istess Kamra.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema li ngħataw aktar minn promozzjoni waħda (inkluż career progression) fil-Ministeru, awtoritajiet jew fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li hu responsabbli għalih mis-sena 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 16515.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – bordijiet u kumitati - persuni

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha tal-persuni li f'Ottubru 2025, huma membri ta’ bordijiet u kumitati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi rwol għandhom fi ħdan il-bord jew kumitat? Jista’ jgħid x’inhi r-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu? Jista’ jgħid x’inhi l-esperjenza ta' kull wieħed u waħda minnhom, fuq il-bord u l-kumitat imsemmi u l-kompetenzi fejn jidħol is-settur/qasam ikkonċernat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22680. B’referenza għal dik it-tweġiba, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, lista b’aġġornament ma’ dik it-tweġiba mmarkata tabella A. Addizzjonalment, peress li dan il-Ministeru żied id-dekasteri tiegħu, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ boardijiet oħra li saru formanti parti minn dan il-portafoll mmarkata tabella B.

Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali - rendikont

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' fejn u meta s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, offriet s-servizzi tagħha għal evalwazzjoni arkeoloġika sewwa fuq l-art kif ukoll taħt il-baħar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li skont it-termini ta’ Artiklu 65 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, is-Sovrintendenza għandha id-dritt esklussiv li twettaq skavi kif ukoll evalwazzjonijiet arkeoloġiċi. Għaldaqstant, kull investigazzjoni arkeoloġika li saret mill-2003 ‘il quddiem, hija meqjusa li saret mis-Sovrintendenza jew minn arkeologi approvati mill-istess Sovrintendenza u li jaħdmu taħt id-direzzjoni tagħha.

Kumitati, panels u bordijiet - Deputati tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk id-Deputati tal-Gvern li matul l-aħħar 12-il xahar għamlu parti minn xi kumitat jew kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli?  Jista’ jgħid ukoll fejn kienu qegħdin iservu fil-kariga li kienu qed jokkupaw, b'liema mod kienu impjegati, jekk hux b'sejħa pubblika jew le,  u kemm kien il-ħlas/onorarja tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 28661.

Wirt għall-Patrimonju Kulturali - strateġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġiet ippubblikata l-aħħar strateġija tal-Wirt għall-Patrimonju Kulturali? X'inhi l-viżjoni u l-pjan tal-Gvern sas-sena 2030 fit-twettiq tar-riformi neċessarji li jridu jsiru f'dan il-qasam? Jista' jagħti rendikont dettaljat tal-ħidma tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatment fl-irwol tiegħu ta' strateġija u tfassil f'viżjoni għall-Wirt Nazzjonali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2021, wara konsultazzjoni pubblika, il-Ministeru ippubblika l-Politika Kulturali Nazzjonali li fiha diversi miżuri li jittrattaw il-patrimonju kulturali immobbli u mobbli, intanġibbli kif ukoll dak performattiv u kreattiv.

Ambaxxatur tal-Kultura – Benefiċċji remuneratorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul it-terminu fl-irwol ta' Ambaxxatur tal-Kultura, l-ambaxxatur preżenti ngħatax xi tip ta' benefiċċji remuneratorji? Jekk fl-affermattiv, kemm? Jista' jagħti rapport dettaljat tal-benefiċċji mid-data tal-ħatra tiegħu sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2036.

Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'beħsiebu jagħmel matul id-disa' xhur li ġejjin biex ikompli jsaħħaħ is-servizzi b'rabta mas-saħħa mentali fil-komunità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat żdiedu iżjed infermiera, inkluz infermiera specjalizzati fis-saħħa mentali, fil-komunità. Infurmat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jiżdiedu ukoll psikjatri li jagħtu servizz fil-komunitàa.  Dan bl-iskop li tingħata kura iżjed fil-viċin ta’ min għandu bżonnha. Naturalment, l-Istrategija Nazjonali ghal Prevenzjoni tas-Suwicidju 2025-2030 se tkun qed qed tiġi attwata. Infurmat li hemm tlett ċentri ġodda, li huma f’Bormla, Reġjun Ċentrali u Reġjun Tramuntana li qegħdin jiġu ppreparati biex jinghata servizz minn timijiet ta’ professjonist fil-komunità. Dan minbarra li qed isir pjan ta’ taħriġ għal iżjed servizzi speċjalizzati fil-komunità.