Legislature:
Category:
Reset
Active:

Annimali — Rapporti dwar abbu jew negliġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jgħaddi żmien minn meta jiddaħħal rapport fuq suspettat abbuż jew negliġenza fuq l-annimali minn xi membru tal-pubbliku, sakemm issir spezzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jikklassifika r-rapporti skont l-urġenza li joħroġ mir-rapport, u spezzjonijiet jiġu ppjanati skont dik l-urġenza.

Animal Welfare – qtates fostered

Question

Peress li bħalissa jidher li hemm madwar 200 qattus għand il-“foster care” tal-Animal Welfare, jista’ l-Ministru jgħid, fuq tul ta' żmien, x'jiġri minn dawn il-qtates li ma jiġux addottati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern investa f’cattery ta’ 900 metru kwadru biex ikun jista’ jieħu aktar qtates stray. Dawk il-qtates li ma jiġux adottati permezz ta' fosterers se jittieħdu lura. Id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qed jaħdem biex jiżdied in-numru ta' adozzjonijiet.

Animal Welfare Department – ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba matul dawn l-aħħar sitt xhur intalab is-servizz tal-ambulanza tal-Animal Welfare? L-ambulanza dejjem ikollha fiha persuni kompetenti li jagħtu s-servizz immedjat mediku tagħhom fuq il-post, f'każ ta' bżonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar sitt xhur saru 2,285-il talba għas-servizz tal-ambulanza tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Fl-ambulanza dejjem ikun hemm Animal Welfare Officer ta’ esperjenza.

Welfare Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li jagħmlu xogħol ta' Welfare Officers li huma jew mislufin minn dipartiment/dipartimenti oħra u/jew ma daħlux jaħdmu direttament bħala AW Officers?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Rabat – Triq Mons. G. Depiro – tibdil ta’ kanna tal-ilma

Question

Peress li l-provvista tal-ilma fi Triq Mons. G. Depiro, fir-Rabat Malta, ilha għal dawn l-aħħar xhur ħażina ħafna u meta f’dawn l-aħħar jiem numru ta' ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) kienu fuq il-post, raw li l-problema hija li l-kanna tal-ilma li għandha ’l fuq minn 40 sena trid tinbidel, anke minħabba l-ilma maħmuġ li kontinwament qiegħed jasal fid-djar tar-residenti, għaldaqstant. tista' l-Ministru tgħid meta din il-kanna sejra tinbidel ħalli jissolva l-inkonvenjent għar-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq ndikata tifforma parti mill-pjan ta’ ħidma tal-Korporazzjoni għas-snin 2020-2023 biex jinbidlu 'l fuq minn 50 kilometru ta’ servizzi tal-ilma antiki ħalli ntejbu l-kwalità tal-ilma. It-tender għal din it-triq hu mistenni li joħroġ iżjed tard matul din is-sena, bix-xogħlijiet ippjanati li jkunu kompluti s-sena d-dieħla. Ħa nkomplu naħdmu sabiex dak li ma sarx f’40 sena nwettquh ħalli nagħmlu d-differenza.

Servizz 1717

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz tal-1717 bediex jitħaddem f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni qed jaħdmu f'dan is-servizz kemm dan ilu jopera? Il-persuni li ntgħażlu, fuq liema kriterji ġew ingaġġati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħruq tan-nar fil-festi — Spejjeż relatati ma' permessi u garanziji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-dilettanti tan-nar tal-festi jiġu megħjuna fl-ispejjeż kbar li għandhom fejn jidħlu permessi u garanziji marbuta mal-ħruq tan-nar? Jista' jtaffi l-burokrazija żejda fejn jidħol il-ħruġ tal-permessi għal dan il-logħob tan-nar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Kunsilli Lokali — Segretarji Eżekuttivi u skrivani klerikali nieqsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Segretarji Eżekuttivi u skrivani klerikali nieqsa mill-kunsilli lokali? Kif ilhom dawn nieqsa fil-kunsilli ikkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Sptar Mount Carmel – MW2 – xogħol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu ntefqu flus biex sar ix-xogħol fis-sala numru 2 tal-irġiel fl-Isptar Mount Carmel (MW2)? Huwa minnu li s-saqaf instab li kien ikkundannat wara li kien sar ix-xogħol u ntefqu l-flus?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa għaddej xogħol estensiv ta rinovar fl-isptar Monte Karmeli. Fil-fatt diġa gew renovati u infetħu numru ta swali. Ix-xogħol fuq is-sala MW2 għadu għaddej.

Ċekkijiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iċ-ċekkijiet ta' qabel l-Elezzjoni Ġenerali kienx eleġibbli għalihom kulħadd? X'kienu l-kriterji? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni ma kinux eleġibbli?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċekk ta’ stimolu ngħata lil persuni li d-dħul tagħhom ma jaqbizx €60,000. Għall-kumplament tal-mistoqsijiet nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi ghat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 323.

Skema għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjetà tal-Gvern jew proprjetà mikrija bħala residenza ordinarja jew villeġġjatura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta' Proprjetà tal-Gvern jew Proprjetà mikrija wżata bħala residenza Ordinarja jew villeġġjatura, għadhiex fis-seħħ? Kemm persuni bbenefikaw minn din l-iskema?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari Nu.278, l-iskema tal-2012 għal xiri tad-Dirett Dominju Temporanju (DDT) ta’ Proprjeta’ tal-Gvern jew Proprjeta’ mikrija/w¿ata bħala residenza ordinarja/villeġġjatura kienet limitata għal perjodu ta’ sitt xhur (20 ta’ Frar – 20 ta’ Awissu 2012), u għaldaqstant l-iskema 2012 hija llum magħluqa. In-numru ta’ applikazzjonijiet sottomessi taħt din l-iskema kienu jammonta għal 1444.

Ministri, Segretarji Parlamentari u Assistenti — benefiċċji għal użu tal-mobile

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'benefiċċji jieħdu l-Assistenti Personali tas-Segretarji Parlamentari u l-Ministri, fejn jidħol l-użu tal-mobajl? Dawn il-benefiċċji żdiedu matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 184. Rigward dawn il-benefiċċji, ninsab nfurmat li din l-allokazjoni kienet l-istess f'leġiżlaturi preċidenti.