Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-miżata u l-ħlas dovut mill-anzjani biex jidħlu fid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Gvern skont l-aħħar reviżjoni?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżata u l-ħlas dovut mill-anzjani meta jidħlu fid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Gvern hija skont l-Avviż Legali 151 tas-sena 2018: ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI (KAP. 318) - Regolamenti tal-2018 dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat.
L-ammont li jitħallas mir-resident bħala parti mill-kontribuzzjoni jkun jiddependi mil-livell ta' trattament li dak ir-resident ikun qiegħed jirċievi u għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti l-livell ta' trattament għandu jitqies bħala:-
(a) Trattament tal-livell 1, fejn jiġi provdut servizz residenzjali bi trattament biss bażiku u minimu; jew
(b) Trattament tal-livell 2, fejn is-servizz residenzjali provdut ikun jinkludi dak il-livell ta' trattament li jkun imur lil hinn minn trattament bażiku u minimu.
Il-livell ta’ kura jiġi determinat u ċertifikat mill-Grupp Interdixxiplinari ta' Valutazzjoni.
Kull persuna li ssir residenti ta’ dan is-servizz residenzjali, meta/jew wara li daħlu b’effett dawn ir-regolamenti, u min qed jirċievi kura ta’ livell 1, għandu jikkontribwixxi 60% minn kull pensjoni, għajnuna soċjali u bonus li jirċievi, nett mit-taxxa fuq l-income, u 60%, minn kull qligħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha l-istima ta' qligħ bħal dak issir għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti, nett mit-taxxa fuq l-income.
Kull persuna li ssir residenti ta’ dan is-servizz residenzjali, meta/jew wara li daħlu b’effett dawn ir-regolamenti, u min qed jirċievi kura ta’ livell 2, għandu jikkontribwixxi 80% minn kull pensjoni, għajnuna soċjali u bonus li jirċievi, nett mit-taxxa fuq l-income, u 60% minn kull qligħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha ssir l-istima ta' qligħ ieħor bħal dak għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti, nett mit-taxxa fuq l-income.
Minkejja dan, il-kontribuzzjoni magħmula mir-resident ma tistax tkun tali li tħalli lir-resident b’anqas minn €1,397.62 fis-sena biex ikunu għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx infurmat dwar dak li ġara fuq ir-rotta tal-karozza tal-linja bin-numru 238 li titlaq mill-Imġarr fl-10.55 a.m. peress li nhar it-Tlieta, 4 ta' Ottubru, il-karozza tal-linja minflok telqet mill-Imġarr, fuq ordni tad-dispatcher telqet mill-Mosta, bil-konsegwenza li l-persuni li kienu qed jistennew l-Imġarr baqgħu l-art, inkluż l-istudenti li kellhom jaslu l-MCAST tal-Mosta, bil-konsegwenza li waslu tard u tilfu l-lectures tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpallent li Transport Malta se tkun qed tinvestiga dan ir-rapport sabiex tistabilixxi x'ġara.
Imġarr – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hijiex informata bil-problema tad-drenaġġ fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda? Huwa maħsub li dan ix-xogħol isir fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm każijiet rapportati riċenti rigward problemi relatati mas-sistema tad-drenaġġ fit-triq indikata minnu. Madankollu għaddejt din l-informazzjoni mressqa minnu lill-uffiċjali tekniċi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex jevalwaw tali informazzjoni u jippjanaw skont il-ħtieġa.
Fid-dawl tal-inċident li sar dan l-aħħar fil-mina ta' Triq Reġjonali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li dawn it-tip ta' vetturi tal-kostruzzjoni jkun imperattiv għalihom bil-liġi, li jkollhom l-arja kondizzjonata?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Imġarr (Malta) – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hix infurmata bil-problema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Sir Harry Luke fl-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda bil-konsegwenza li qiegħed ifur fit-triq? (Wieħed jinnota wkoll li din it-triq għandha bżonn ukoll ta' xogħol infrastrutturali minħabba li tinsab fi stat ħażin u li minnha qiegħed jgħaddi ħafna mit-traffiku li ħiereġ mill-Imġarr minħabba t-tibdil li sar fl-immaniġġar tat-traffiku).
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2208 li kien għamel huwa stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu Visas mill-Ambaxxata fl-Indja għal Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar 12-il xahar, jiġifieri mid-29 ta’ Settembru 2021 sad-29 ta’ Settembru 2022, il-Kummissjoni Għolja Maltija fi New Delhi, l-Indja, ħarġet total ta’ 13,140 viża. Hawn taħt għandek issib tabella bin-numru ta’ viżi li ħarġu xahar b’xahar matul il-perjodu msemmi hawn fuq:
Xahar
Numru ta’ viżi maħruġa
Settembru 2021
164
Ottubru 2021
496
Novembru 2021
1,029
Diċembru 2021
683
Jannar 2022
736
Frar 2022
1,015
Marzu 2022
887
April 2022
614
Mejju 2022
637
Ġunju 2022
2,023
Lulju 2022
2,940
Awwissu 2022
1,759
Settembru 2022
157
TOTAL
13,140
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma qiegħda ssir u x'miżuri qegħdin jittieħdu dwar il-bagħal taż-żunżan (hornet) biex ma jkomplix jagħmel aktar ħsara u jkun ta' detriment għal saħħitna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti l-persentaġġ tal-ħaddiema fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura li ilhom jaħdmu f’dawn l-aħħar ħames snin f'dan id-Dipartiment? X'qed isir biex l-għarfien u l-esperjenza li tinkiseb mill-istess ħaddiema tibqa' miżmuma fid-Dipartiment, bil-għan li nibżgħu għar-riżorsi marittimi (ħut) li Malta mdawra bih?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Imġarr – Triq Sir Harry Luke – problema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex informat bil-problema tad-drenaġġ fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, minħabba li dan mhux qiegħed ilaħħaq mad-domanda? Huwa maħsub li dan ix-xogħol isir fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2044 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li parti mill-binja tal-iskola Post Sekondarja, fil-Gżira, fejn isir il-Programm Edukattiv GEM16+, (Programm Edukattiv elenkat fl-aħħar Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, wegħda nru 281), hix se tittieħed għal skopijiet li jaf bihom id-Dipartiment? Għalfejn intgħażlet din il-binja biex taqdi funzjonijiet oħrajn tad-dipartiment a detriment tal-istess programm? Jista' jgħid jekk dan kienx tentattiv maħsub minn qabel, biex il-Programm li twaqqaf minn Gvern Laburista stess fi żmien il-Ministru Evarist Bartolo, issa jingħata daqqa 'l isfel u eventwalment jasal biex jagħlaq il-bibien tiegħu? Jista' jgħid jekk sitwazzjonijiet bħal dawn humiex qegħdin jgħinu lill-għalliema tagħna biex jaħdmu u jħarsu b'viżjoni għall-futur bi pjan għal uliedna jew jekk humiex qegħdin iżommu lura aktar persuni milli jidħlu bħala għalliema u LSEs fis-settur edukattiv?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-programmi kollha li joffri, inkluż dak tal-ĠEM16+ u ċertament ma hemm l-ebda tentattiv sabiex dan jingħalaq.
Animal Welfare – Klieb li nġabru bl-ambulanza li kienu ċċippjati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1622 u jgħid kemm kien hemm klieb li kienu ċċippjati li nġabru bl-ambulanza? Kemm minnhom ma ngħatawx lura lil sidhom?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 35 kelb li kienu ċċippjati u li nġabru bl-ambulanza fis-sena 2022 s’issa. Minn dawn kien hemm 15-il kelb li ma ngħatawx lura lil sidhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1623 u jgħid kemm ġew ikkonfiskati annimali minn Mejju, 2021 u li ġew addottati qabel bdew il-proċeduri fil-qrati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx l-ħsieb li r-Rotta 109, li tgħaddi (minn u għal) tas-Salib, Għermieri u Binġemma hiex se terġa' ssir, bħalma kienet sentejn ilu (2020), b'servizz kull siegħa mhux kull sagħtejn?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni fuq din ir-rotta qed tiġi studjata sabiex tinstab soluzzjoni li tkun ta' benefiċċju għar-residenti tal-lokalità.
Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali – multi amministrattivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1552 u jgħid kemm ħareġ multi amministrattivi d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali minn Ottubru 2021 sal-lum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1554 u jgħid jekk is-servizz tal-1717 bediex jitħaddem f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni qed jaħdmu f'dan is-servizz kemm dan ilu jopera? Il-persuni li ntgħażlu, fuq liema kriterji ġew ingaġġati?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizz tal-1717 beda jitħaddem mis-16 ta’ Mejju 2022 u hemm erba’ persuni jaħdmu f'dan is-servizz. Il-persuni li qed jaghtu dan is-servizz ingħataw it-taħriġ meħtieġ.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1555 u jgħid kemm inġabru qtates minn Jannar sal-aħħar ta' Mejju mill-Animal Welfare? Kemm kien hemm minn dawn il-qtates li kellhom jitraqqdu?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar sal-aħħar ta’ Mejju nġabru 606 qattus mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali u li minnhom, 149 qattus gew imraqqda. Il-maġġoranza assoluta minnhom kienu involuti f’inċidenti awtomobilistiċi u oħrajn. Id-deċiżjoni dejjem ittieħdet mill-veterinarji abbażi ta’ raġunijiet mediċi u l-kundizzjoni ta’ saħħa li jkun jinsab fiha l-qattus.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1619 u jgħid kemm irziezet waqfu jew għalqu milli jkomplu joperaw f'Malta mill-2016 sal-lum? Jista’ jagħti kemm għalqu sena b'sena, lokalità b’lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1620 u jgħid kemm kien hemm persuni li jagħmlu xogħol ta' Welfare Officers li huma jew mislufin minn dipartiment/dipartimenti oħra u/jew ma daħlux jaħdmu direttament bħala AW Officers?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.