Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lifelong Learning – call/talba għal post ta’ Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx il-call/it-talba għall-post li kien vakat mid-Direttur, Lifelong Learning, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-call/talba msemmija ħarġet skont iċ-ċirkulari OPM numru 16/2022 – Headship Position.

Skejjel tal-Gvern — tuck shops

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jingħataw it-tuck shops jew kif jintgħażel min jieħu ħsieb biex imexxi dawn fl-iskejjel tal-Gvern?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura użata hi l-istess bħall kull proċedura oħra ta’ procurement system.

Wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi — tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jitnaddaf il-wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi minħabba li qiegħed iżomm mill-ilma biex ikun jista' jiskula a detriment tal-infrastruttura tal-inħawi kif ukoll isir it-tindif biex wieħed ikollu aċċess biex ikun jista' jgħaddi minnu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Parks Malta twettaq tindif, fuq bażi regolari, ta’ skart li jakkumula f ‘dan il-wied. Sar ukoll tħammil ta’materjal u qlugħ ta’ qasab fuq il-parti ta’ fuq t’Għajn il-Kbira (taħt il-Palazz tal-Girgenti) kif ukoll f’parti oħra minn Għajn il-Kbira (f’parti minn mat-triq). Dan ix-xogħol sar biex jiġi kkontrollat il-qasab li huwa speċi invażivi u biex tiżdied il-ħażna tal-ilma tax-xita. Dan l-ilma jkun jista’ jintuża’ mill-bdiewa tal-madwar u jikkontribwixxi għall-ilma tal-pjan. It-tindif tal-Widien huwa ta’ prijorità għall-Parks Malta u din is-sena waqt il-Kampanja ta’ Tindif inġabru 1800 tunellata ta’ skart. Meta kkumparat mas-sena 2021 l-ammont ta’ skart miġbur matul din is-sena huwa aktar minn doppju. Hekk kif kien imwiegħed dawn it-tunellati ta’ skart ser jissarfu f’tħawwil ta’ siġar.

Rabat – Triq Borg Olivier – zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Malta, dwar iż-zebra crossing fi Triq Borg Olivier (Buschetto Road), approvata li ssir minn Transport Malta aktar minn sena ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Dipartiment tal-Gvern – Assistenti Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Gvern wasal għad-deċiżjoni fejn f'Dipartiment partikolari tal-Gvern ikun hemm biss Assistent Direttur wieħed minflok tlieta kif kien hemm qabel ma' kull Direttur? Jekk qabel f'Dipartiment kien hemm tliet Assistenti Diretturi li jaħdmu flimkien ma' Direttur wieħed u issa jirriżulta li hemm Assistent Direttur wieħed, min sejjer jagħmel ix-xogħol li kienu jagħmlu ż-żewġ Diretturi l-oħra fid-Dipartiment?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Ħaddiema fil-General Service Grades

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu jaħdmu ħaddiema fil-General Service Grades bħala Assistant Manager, Manager 1, Manager 2 u Senior Manager?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema General Service Grade u Departmental Grade

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ħaddiem li qiegħed f’General Service Grade fuq l-istess skala tas-salarju ta' ħaddiem li għandu Departmental Grade, jistax imexxi u jawtorizza lil dan tal-aħħar jekk it-tnejn li huma jaħdmu fl-istess uffiċċju? Jista' jgħid kemm hemm sitwazzjonijiet ta' ħaddiema b’Departmental Grade li qegħdin jaħdmu f'din is-sitwazzjoni fid-Dipartimenti tal-Gvern, fis-Servizz Pubbliku? Ladarba din hija inġustizzja, il-Gvern se jkun qiegħed jindirizzaha? X'miżuri se jittieħdu biex dawn is-sitwazzjonijiet jieqfu?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara aktar fid-dettall il-mistoqsija tiegħu.

Bejgħ ta’ Units tal-Housing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika ta' dan il-Gvern dwar il-bejgħ tal-Units tal-housing, (b’referenza għall-units li qed jingħataw separatament)? Jista' jgħid jekk hux minnu li hemm units tal-Gvern f'Santa Luċija li dawn ingħataw iċ-ċans li jinxtraw u qegħdin fil-proċess li jinbiegħu mill-Gvern?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-appartamenti qed jitwettaq proġett ta’ twaħħil ta’ lift u tisbiħ tal-partijiet komuni. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru permezz ta’ fondi miksuba mill-Unjoni Ewropea taħt proġett ERDF. Waħda mill-kundizzjonijiet marbuta mal-għotja kienet li l-Awtorità tad-Djar ma tbigħx l-appartamenti mikrija fil-blokok fejn qed jitwettaq dan il-proġett għal tmien snin mit-twettiq tal-proġett. L-inkwilini li applikaw minn dawn l-appartamenti u appartamenti simili kollha ġew informati b’dan permezz ta’ ittra.

Rabat – Triq Borg Olivier – zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2776 u ċjoè: B’referenza għad-dokument ‘Re: Request for a New Zebra Crossing in Triq Ġorg Borg Olivier, Rabat’, Ref. No: 50/0350/21, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir, meta din ilha sena li ġiet approvata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta approvat “pedestrian crossing” fin-naħa t’isfel ta’ Triq Ġorg Borg Olivier, Rabat. It-talba ġiet min-naħa tal-kunsill u għaldaqstant huwa l-kunsill li jrid jagħmel x-xogħol neċessarju.

Barranin li għandhom karozza privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn barranin f'Malta li għandhom karozza privata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta hawn 30,060 vettura reġistrati mal-Awtorità għat-Trasport ta’ Malta li jsejħu persuni ta’ nazzjonalità barranija iżda li jgħixu u għandhom residenza Maltija.

Karozzi li jintużaw bħala Cabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi li sa Ottubru 2022 kienu qed jintużaw bħala Cab?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Ottubru 2022, kien hawn 3,447 vettura fil-Kategorija M1, liċenzjata sabiex tintuża għall-ġarr tal-passiġġieri.

Childcare Centre tal-Isptar

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li ċ-Childcare Centre tal-Isptar se jieqaf jopera? Se jkun hemm alternattiva oħra ta' childcare centre fil-viċinanzi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-childcare centre ser jerġa’ jibda jopera minn din il-ġimgħa stess.

Ħaddiema ttrasferiti mill-AirMalta għal RSSA — COLA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li ġew trasferiti mill-Air Malta għal mal-RSSA fis-snin bejn 2018-2019 u li kienu mwiegħda li jieħdu t-take home pay humiex sejrin ikunu intitolati għall-COLA?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Rabat – Triq Borg Olivier – zebra crossing

Question

B’referenza għad-dokument ‘Re: Request for a New zebra Crossing in Triq Ġorg Borg Olivier, Rabat’, Ref. No: 50/0350/21, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir, meta din ilha sena li ġiet approvata?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tigi mwiegba seduta ohra.

Ir-Rabat – Triq ir-Rebħa – triq pedonali

Question

Peress li Transport Malta approvat li l-parti d-dejqa fi Triq ir-Rebħa, fir-Rabat, ssir pedonali, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din għadha ma saritx? Hemm xi ħadd li qiegħed iżomm milli dan isir għalkemm tinsab l-urġenza minħabba l-periklu kbir u l-ħsarat li sofrew r-residenti li jinsabu f'din il-parti tat-triq minħabba l-vetturi kbar li jgħaddu ta' spiss minnha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikazzjoni li ntalbet ghal-Triq ir-Rebha fir-Rabat kienet ghal U Bar (Barrier). L-Awtorita’ irrifjutat din l-applikazzjoni izda irrakomandat illi t-triq issir wahda pedonali. L-Awtorita’ qatt ma rceviet applikazzjoni biex it-triq issir pedonali.

BiCal bank — pagament

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni meta l-BiCAL bank sejjer jagħmel il-pagament tiegħu li jmiss?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-BICAL Bank huwa għaddej minn proċedura ta’ xoljiment u stralċ ai termini tal-Att dwar Kumpanniji Kontrollati (Proċedura ta’ Stralċ) (Kap. 383 tal-liġijiet ta’ Malta). Għal dan ix-xogħol, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta appuntat kontrullur sabiex jieħu kontroll ta’ ta dan il-Bank skont l-Artikolu 29(1)(h) tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-liġijiet ta’ Malta). Kull pagament relatat ma’ dan il-Bank għandu jsir mill-kontrollur ai termini tal-liġi hawn fuq ċitata. Il-proċess ta’ xoljiment u stralċ tal-imsemmi Bank jinsab fi stadju avvanzat. Madankollu, dan għadu ma ġiex finalizzat minħabba diversi kawżi li għadhom pendenti quddiem il-qrati.

Liċenzji tas-sewqan maħruġa liċ-ċittadini barranin li jgħixu Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm hawn liċenzji tas-sewqan maħruġa lil ċittadini barranin li jgħixu Malta? Kemm hawn residenti barranin li għandhom karozza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.