Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skola Primarja tal-Imġarr – ħtieġa ta’ manutenzjoni

Question

Jista' jgħid il-Ministru jekk huwiex infurmat dwar l-istat ħażin tat-toilets tal-iskola primarja fl-Imġarr, tant li t-tfal qegħdin jirrifjutaw li jinqdew fihom? Huwa infurmat il-Ministru dwar klassijiet fl-istess skola li kellhom l-ilma jċarċar mal-ħitan fejn għaddejjin il-wires tal-interective whiteboards u sal-lum ma kien hemm ebda intervent dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward it-toilets fl-iskola msemmija, il-problema ġiet riżolta immedjatament. Rigward id-dħul ta' ilma, qed tittieħed l-azzjoni neċessarja biex isiru t-tiswijiet neċessarji.

Skola Primarja tal-Imġarr – ħin tal-break

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li fl-iskola Primarja tal-Imġarr il-brejk tat-tfal huwa biss ta' kwarta, meta għandna l-obbligu li nippromwovu l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel u meta f'Malta l-problema tal-obesità hija waħda kbira?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet tal-break fl-iskola msemmija huma skont il-prassi bħal kull skola oħra f’Malta u f’Għawdex.

Skola Primarja tal-Imġarr – tqassim ta’ frott u ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma tqassamx frott u ħaxix lit-tfal fl-iskola primarja tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk iċ-ċirkolari dwar tqassim ta’ frott u ħaxix waslitx għand il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skola Primarja tal-Imġarr – Relievers għal tfal tal-Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn fl-iskola primarja tal-Imġarr ma titħaddimx l-istess prassi li hemm fi skejjel oħra fil-Kulleġġ San Nikola, fejn meta t-tfal tal-kindergarten jitqassmu, jintbagħtu relievers biex jagħmlu dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull skola titħaddem l-istess prassi.

Sptar Mater Dei – ART Clinic – post vakat

Question

Jista' jgħid l-Prim Ministru jgħid għalfejn inħarġet espressjoni ta' interess għall-post li reċentement spiċċa vakat fl-inkarigu ta' responsible person tal-ART Clinic (Assisted Reproductive Technology) fl-Isptar Mater Dei u ma saritx sejħa pubblika normali ġewwa l-Isptar Mater Dei? Ma jaħsibx li sejħa pubblika tattira aktar persuni adatti għal din il-kariga importanti?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Mater Dei – ART Clinic – post vakat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn inħarġet espressjoni ta' interess għall-post li reċentement spiċċa vakat fl-inkarigu ta' responsible person tal-ART Clinic (Assisted Reproductive Technology) fl-Isptar Mater Dei u ma saritx sejħa pubblika normali ġewwa l-Isptar Mater Dei? Ma jaħsibx li sejħa pubblika tattira aktar persuni adatti għal din il-kariga importanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-post ta' Responsible Person tal-ART Clinic ser jimtela bi proċess kompetittiv intern.

Rabat – Triq Ġorġ Borg Olivier – ċitazzjonijiet lil sewwieqa ta’ inġenji kbar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet, matul is-snin 2021 u 2022 u matul din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fi Triq Ġorġ Borg Olivier (Buschetto Road), fir-Rabat, minn uffiċjali tal-LESA u mill-Pulizija lil sewwieqa ta' inġenji kbar li għaddew minn din it-triq kontra r-regolamenti tat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6387 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6128 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riforma u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri barranin fuq bail u kemm hemm minnhom li qegħdin jistennew li jgħaddu ġuri fuq attentat ta' qtil, fuq qtil, serq aggravat u traffikar tad-droga?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sas-17 ta’ Frar 2023 fil-Qorti ta’ Malta hemm 28 persuna barranija fuq libertà proviżjorja jistennew li jgħaddu ġuri fuq attentat ta’ qtil, qtil, serq aggravat u traffikar ta’ droga.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri barranin fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fis-snin 2017, 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 sal-lum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ priġunieri barranin fis-snin imsemmija huma dawn: 2017 – 264 priġunier, 2018 – 283 priġunier, 2019 – 531 priġunier, 2020 – 673 priġunier, 2021 – 475 priġunier, 2022 – 259 priġunier.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri barranin fuq bail u kemm hemm minnhom li qegħdin jistennew li jgħaddu ġuri fuq attentat ta' qtil, fuq qtil, serq aggravat u traffikar tad-droga?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat

Korpi Dixxiplinati — Persuni li taw il-25 sena servizz - pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5384 u jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li l-pulizija, il-membri tal-Armata u l-bqija li wettqu l-25 sena servizz, ikollhom iċ-ċans għal pensjoni sħiħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li, kontra l-premessa żbaljata tiegħu, kemm il-membri tal-Korp tal-Pulizija u anke dawk tal-Forzi Armati ta’ Malta minn dejjem jieħdu l-pensjoni sħiħa wara 25 sena servizz, skont ir-regoli rispettivi. Minbarra hekk, uffiċjali (gwardjani) tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin bdew igawdu minn pensjoni sħiħa sa mill-1999, b’emenda seba’ snin wara fl-2016, waqt li l-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili bdew jingħataw l-istess trattament minn Marzu tal-2015. Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħah il-penzjoni tas-servizz billi jimplimenta dak li wieghed fil-manifest elettorali.

Korpi dixxiplinati – persuni li taw il-25 sena servizz — pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li l-pulizija, il-membri tal-Armata u l-bqija li wettqu l-25 sena servizz, ikollhom iċ-ċans għal pensjoni sħiħa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-din il-Mistoqsija Parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Rabat, Malta – taċ-Ċgħaki – Skola Primarja “B”

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4786 u 5365 u jgħid meta se jkun lest ix-xogħol fl-Iskola Primarja ‘B' f' Taċ-Ċgħaki, ir-Rabat, Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-iskola msemmija se jkunu lesti għas-sena skolastika li jmiss.

Annimali Addottati li ġew ikkonfiskati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari , 1623 u 1966 u 5363 u jgħid kemm ġew ikkonfiskati annimali minn Mejju, 2021 u li ġew addottati qabel bdew il-proċeduri fil-qrati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Mejju 2021 sa Diċembru 2022, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali kkonfiska total ta’ 294 annimal li jikkonsistu minn poni, papri, qtates, għasafar, tiġieġ, summien, fniek tal-indi u fniek kif ukoll klieb, wiżż, pluvieri, sriedaq, tiġieġ u amorini. Minn dawn, 285 annimali ġew addottati .

Xiri ta' Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5376 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm qegħdin jinxtraw dawn il-mediċini bħalissa mill-ispiżeriji u kemm kien il-prezz tagħhom f'Jannar 2022: Actifed, Keral, Broncho/Influtuss, Flodol Heat/Ice, Paracetamol, Hysan, Muciclar syrup, Solpadiene caps (30 tabs), Medofed Syrup u Ventolin inhaler?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità dwar il-Mediċini tissalvagwardja s-saħħa tal-pazjent billi tassigura l-kwalità, is-sigurtà u l-effikaċja ta’ prodotti mediċinali. Filwaqt hu dmir ukoll ta’ l-Awtorità li tassigura li l-mediċini ikunu affordabbli, il-prezzijiet huma kummerċjalment sensittivi.

Binja tal-GEM16+ – gym u showers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru x-showers u l-gym fil-binja tal-programm edukattiv GEM16+, u dan wara li l-gym u x-showers li kien hemm qabel, ittieħdu biex jinstab spazju għall-Education Hub?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-post ta’ rilokazzjoni ġie identifikat u x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Ir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imġarr, Ħaż-Żebbuġ u l-Imtarfa – rapporti ta’ serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serq irrappurtat fil-lokalitajiet tar-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imġarr, Ħaż-Żebbuġ u l-Imtarfa minn Mejju 2022 sal-lum? Kemm minn dawn il-każijiet sal-lum għadhom ma ġewx riżolti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi bejn Mejju 2022 u 31 ta’ Diċembru 2022 ġew rapurtati 135 każ li minnhom għadhom għaddejin l-investigazzjonijiet fuq 110 każ.