Legislature:
Category:
Reset
Active:

Extended Remote Working — logbook

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema kollha fis-Servizz Pubbliku li ser japplikaw għal Extended Remote Working arrangement ser jintalbu jimlew logbook dettaljat li fih jiġi speċifikat ix-xogħol li jkun sar waqt l-Extended Remote Working? Jista' jgħid jekk il-logbook hux imsemmi fil-'Manual on Work-Life Balance Measures' tal-PSMC fejn jidħol remote working? Jekk il-logbook mhuwiex imsemmi f'dan id-dokument, jista' jispjega għalfejn se jintalab mill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 8059.

Aġenzija Sapport — Skema tal-Independent Community Living - lista ta' stennija

Question

Fid-dawl li taħt l-iskema tal-Independent Community Living taħt l-Aġenzija Sapport hemm applikazzjoni fuq il-lista ta' stennija għal madwar sena, jista' l-Ministru jgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien kollu peress li ħafna adoloxxenti u żgħażagħ li għandhom bżonn assistenza f'din il-ħtieġa ma jistgħux jistennew dan iż-żmien kollu fi żmien daqstant delikat u kritiku fl-iżvilupp indipendenti tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel tal-Gvern — nuqqas ta' LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nuqqas ta' LSEs fl-iskejjel tal-Gvern bħalissa, fil-Kulleġġi ta' Malta u f'dak ta' Għawdex, kulleġġ kulleġġ? Jista' jgħid x'wassal għal din il-problema?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ reklutaġġ ta’ LSEs jinsab fil-fażijiet finali u mistennija jiġu ingaġġati 15-il LSE. Barra minn hekk, hemm numru ta’ LSEs li bħalissa jinsabu bil-leave tal-maternità.

Programm GEM16+ — ċaqliq ta' LSEs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux infurmat dwar id-deċiżjoni li ħa d-Dipartiment tal-Edukazzjoni li jċaqlaq LSE mill-programm edukattiv GEM16+ u dan peress li fis-26 ta' Settembru 2022, fl-ewwel jum ta' din is-sena skolastika, il-Ministru ltaqa' mal-istaff tal-programm bl-iskop li jaċċerta lil kulħadd li se ikompli jaqdi d-doveri tiegħu fl-istess programm mingħajr ma kien se jiċċaqlaq għal post ieħor?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kordin Grain Terminal – Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min huwa kompost il-Bord tad-Diretturi ta' Kordin Grain Terminal? Kemm huwa s-salarju tagħhom rispettivament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bord tad-Diretturi ta' Kordin Grain Terminal m’għandhomx salarju iżda għandhom honoraria. Il-Bord huwa kompost minn: Borg Ian Chairman Cuschieri Claudia Director Abela Donatielle Director Galea Jeremy Director Grech Remenda Deputy Chairman, Scicluna Vernalise Director Sharlo Camilleri Company Secretary Zammit Christian Senior Deputy Chairman Farrugia Nathalie Director Gerada Dario Director

Pitkalija – Bord tad-Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qegħdin fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Pitkalija? Kemm huwa s-salarju li jieħdu rispettivament?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Bord tad-Diretturi tal-Pitkalija peress li l-kumpanija tinsab f’xoljiment.

Kordin Grain Terminal — Bord tad-Diretturi - remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri fil-bord tad-Diretturi tal-Kordin Grain Terminal jeħdux remunerazzjoni? Jekk huwa l-każ, dawn kemm jieħdu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord jitħallas abbażi tal-klassifikazzjoni skont il-linji gwida dwar il-klassifikazzjoni tal-Bordijiet.

Pitkalija Limited — Bord ta' diretturi - remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-membri fuq il-bord tad-Diretturi tal-Pitkalija Limited jeħdux remunerazzjoni? Jekk huwa l-każ, kemm jitħallsu dawn?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 7657.

Rabat, Malta – Wied Ħażrun – qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hijiex informata dwar il-qtugħ tal-provvista tad-dawl fuq barra, fil-parti ta' Wied Ħażrun fir-Rabat Malta, li ilu hekk għal dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta m’għandha ebda rapport mill-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar qtugħ fil-provvista tad-dawl fl-inħawi ta’ Wied Ħażrun. L-aħħar rapport li l-Enemalta kellha mill-Kunsill tar-Rabat dwar lampi mitfija fiż-żona sar fl-20 ta’ Marzu 2023 u l-għada ġew iċċekkjati u l-kunsill ġie infurmat fit-22 ta’ Marzu li l-lampi kienu qed jixegħlu.

Mediċina Xarelto li tingħata mingħajr ħlas

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qegħdin jingħataw ix-Xarelto mill-Gvern mingħajr ħlas?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 6,643 persuna bħalissa qegħdin jingħataw ix-Xarelto mill-Gvern mingħajr ħlas.

Persuni li jingħataw il-mediċina Xarelto

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern hux se jonora l-wegħda elettorali tiegħu u l-mediċina Xarelto jagħtiha b'xejn ukoll lil dawk kollha li llum jixtruha u mhux biss lil dawk il-persuni għall-kura tal-kanċer?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 6978, ninformah ukoll illi l-mediċina Rivaroxaban ma tingħatax biss għall-pazjenti li qed ibatu b’kanċer imma wkoll għal kundizzjonijiet oħra.

Akkomodazzjoni Soċjali — lista ta' stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6573 u jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qegħdin jistennew post tal-Housing? Kemm minn dawn il-persuni huma barranin li jgħixu Malta?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4233. Minn dawn, 72 huma persuni barranin li jgħixu Malta. Sabiex persuna barranija tkun tista’ tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali, irid ikollha status ta’ refuġjat, ġejja minn pajjiż mill-Unjoni Ewropea jew miżżewġa ċittadin/a Malti.

Imġarr — Skola Primarja - Tqassim ta' Frott u ħxejjex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6571 u jgħid x'inhi r-raġuni li ma tqassamx frott u ħaxix lit-tfal fl-iskola primarja tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk iċ-ċirkolari dwar tqassim ta’ frott u ħaxix waslitx għand il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni ġiet solvuta.

Barranin jgħixu f'post tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6574 u jgħid kemm kien hemm barranin jgħixu f'post tal-Gvern fis-snin 2020, 2021 u 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma jkollhiex informazzjoni fuq in-nazzjonalità tal-persuna li tkun qed tgħix, jekk ikun il-każ, mal-persuna li tkun allokata l-post wara li jkunu ġew sodisfatti l-kriterji tal-eleġibilità.

Anzjani intitolati għall-għotja ta’ €350

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux l-anzjani kollha intitolati għas-somma ta' €350 li ngħatat fil-bidu ta' Jannar li għadda rċevew il-flus dovuti lilhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-għotja tal-anzjani tħallset fil-bidu ta’ Frar. Din l-għotja tammonta għal €400 għal min għandu aktar minn 80 sena u €300 għal min għandu anqas minn 80 sena. Din titħallas lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fil-komunità jew inkella f’dar tal-anzjani fejn iħallsu privatament. Dawk kollha li mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali kellhom kont bankarju tħallsu, però kien hemm xi każijiet li l-pagament wasal lura d-Dipartiment minħabba li forsi l-kont bankarju ma kienx tal-benefiċjarju. Madanakollu, qiegħed isir kuntatt mal-benefiċjarji kkonċernati sabiex jipprovdu numru ta’ kont bankarju u fejn dan mhux possibbli, ser naraw li jitħallsu xorta waħda.

Pensjoni — notifika lill-anzjani permezz ta' SMS

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li d-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali jerġa' jibda jinforma lill-anzjani permezz ta' SMS meta dawn tkun daħlitilhom il-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma waqqafx is-servizz li jintbagħat SMS lill-benefiċjarji. Minn aktar investigazzjoni rriżulta li sar xi upgrade fuq is-sistema minn terzi li jieħdu ħsieb li l-SMSs jitwasslu lis-service provider tal-benefiċjarji, fejn dan affettwa li l-benefiċjarji ma waslulhomx l-SMSs. Qegħdin isiru l-komunikazzjonijiet meħtieġa biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal.

Rabat — Skola Primarja - allokazzjoni ta' studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti li kienu jattendu l-Iskola Primarja tal-Imtarfa u li issa qegħdin jattendu l-iskola tal-Imsida humiex se jiġu allokati fl-Iskola Primarja "A" fi Triq il-kulleġġ, ir-Rabat, f'Settembru li ġej?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena skolastika li jmiss, l-istudenti msemmija ser jiġu allokati fl-Iskola Primarja “A” tar-Rabat.

Rabat – Triq Ġorġ Borg Olivier – ċitazzjonijiet lil sewwieqa ta’ inġenji kbar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6387, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet, matul is-snin 2021 u 2022 u matul din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fi Triq Ġorġ Borg Olivier (Buschetto Road), fir-Rabat, minn uffiċjali tal-LESA u mill-Pulizija lil sewwieqa ta' inġenji kbar li għaddew minn din it-triq kontra r-regolamenti tat-traffiku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn verfiki li saru mis-sistema LESA, fi Triq Ġorġ Borg Olivier (Buschetto Road), fir-Rabat, inħarġet ċitazzjoni waħda mill-Pulizija lil sewwieqa ta' inġenji kbar li għaddew minn din it-triq kontra r-regolamenti tat-traffiku, fil-perjodu indikat.