Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqdiet tal-kaċċa – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaqdiet tal-kaċċa li bbenefikaw mill-fondi allokati mill-Baġit tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u dak għal Għawdex meta l-kaċċa kienet taqa' taħt il-Ministeru għall-Ambjent? Jista’ jgħid liema huma dawn l-għaqdiet li bbenefikaw u kemm ingħataw flus mill-baġit allokat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li xieraq li jinnota li l-għan tal-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi mhuwiex limitat għal għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet tal-kaċċa, iżda joffri għajnuna finanzjarja lill-NGOs kollha li jaħdmu fl-oqsma kollha relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Mill-2020, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) saret parti mill-Ministeru għal Għawdex u l-fondi li ngħataw taħt is-sejħa ta’ dan il-Fond fl-2021 ħarġu mil-baġit tiegħu. Is-sejħa għal applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjara minn dan il-Fond toħroġ kull sentejn u l-ammont totali allokat minn dan il-Fond għal kull sejħa huwa ta’ €100,000. Il-fondi li nħarġu lill-għaqdiet tal-kaċċa minn meta beda dan il-fond jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – allokazzjoni ta’ fondi għad-delizzju tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-flus allokati għad-delizzju tal-kaċċa taħt il-Ministeru għal Għawdex minn stima ta' €10,000 fl-2019, din telgħet għal dik ta' €40,000? Jista’ jgħid kif intnefqu dawn il-flus allokati?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi li mill-2020 qed jiġi amministrat mill-Ministeru għal Għawdex, jagħti għajnuna finanzjarja sa massimu ta' €100,000, lill-għaqdiet mhux governattivi, li jkunu konformi mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492), sabiex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet, proġetti, programmi u skemi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Ta’ min jinnota li l-għan tal-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi mhuwiex limitat għal għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet tal-kaċċa, iżda joffri għajnuna finanzjarja lill-NGOs kollha li jaħdmu fl-oqsma kollha relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Taħt dan il-fond, fl-2021 ġew approvati total ta’ €83,504 għall-proġetti li jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Allokazzjoni ta’ fondi għall-kaċċa u l-għaqdiet tal-kaċċa

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex twaqqfu l-fondi li kienu allokati għall-kaċċa u l-għaqdiet tal-kaċċa fis-snin 2021 u 2022? Dawn l-ispejjeż qegħdin jgħaddu jew iddaħħlu taħt spiża oħra li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jew taħt xi ministeru ieħor?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021 ġie mniedi l-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi, li permezz tiegħu ngħatat għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet volontarji, inkluż għaqdiet tal-kaċċa, li huma iskritti skont l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji. Bis-saħħa ta' dan il-fond, l-għaqdiet volontarji jistgħu jwettqu inizjattivi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Mis-sejħa maħruġa fl-2021, erba’ proġetti ta’ konservazzjoni li jappartjenu għal żewġ organizzazzjonijiet tal-kaċċa ngħataw total ta’ €33,952. Din iċ-ċifra tammonta għal 50% tal-għotja totali approvata skont il-linji gwida tal-fond.

Hand held speed cameras — Ħruġ ta’ kontravenzjonijiet -

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet mill-handheld speed cameras minn meta bdew joperaw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dettalji disponibbli dwar kemm inħarġu kontravenzjonijiet bl-użu ta’ handheld speed cameras, huma dawk mis-sena 2019 sal-aħħar ta’ Mejju 2023. F’dan il-perjodu kien hemm erbat elef, mija u sittax-il kontravenzjoni rreġistrati.

Food couriers li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li jaħdmu bħala Food Couriers u jsuqu l-mutur li kienu involuti f'xi inċident tat-traffiku matul is-snin 2021 u 2022, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9903 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat

Kaċċaturi San Ubertu – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-KSU (Kaċċaturi San Ubertu) qattx ingħataw fondi allokati bħala ''Assistance for Hunting Organisations''?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kaċċaturi San Ubertu – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-KSU (Kaċċaturi San Ubertu), humiex jieħdu xi tip ta' fondi taħt il-''Funding of NGOs''?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 9904 li qed tingħata f’din is-seduta.

FKNK – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti) qattx ingħataw fondi allokati bħala ''Assistance for Hunting Organisation''?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

FKNK – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-FKNK (Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti) humiex jieħdu fondi taħt ''Funding of NGOs''? Jekk fl-affermattiv, kemm ħadet l-FKNK matul is-snin 2019, 2020, 2021 u 2022, sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Introduzzjoni ta' karozzi elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se jitnaqqas ic-CO2 bl-introduzzjoni tal-karozzi elettriċi f'Malta? Tista' tgħid jekk sarux studji f'Malta relatati ma' dan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-introduzzjoni ta’ karozzi elettriċi hija parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri mmirati sabiex Malta tilħaq il-miri klimatiċi tagħha skont ir-Regolamenti Ewropew applikabbli, u primarjament dik li sal-2030 tnaqqas l-emissjonijiet b’19% meta mqabbel mal-livell ta’ emissjonijiet tal-2005. Il-pakkett ta’ miżuri għas-settur tat-trasport li hemm fil-Low Carbon Development Strategy huwa stmat li, fl-intier tagħhom ser ikunu qegħdin inaqqsu l-emissjonijiet b’ekwivalenza ta’ 270,000 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fl-2030, u b’hekk għandu jkun kontributur ewlieni għat-tnaqqis li l-pajjiż għandu jagħmel biex jintlaħqu l-miri tiegħu.

Kunsill Lokali tar-Rabat — Pedestrian Crossing

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8058, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3915, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-pedestrian crossing mill-Kunsill Lokali Rabat peress li din diġà ġiet approvata minn Trasport Malta f'Awwissu tal-2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Gorg Borg Olivier ġiet klassifikata bħala triq distributorja u għaldaqstant il-crossing imsemmija ser tkun qed issir mill-gvern ċentrali.

Aġenzija Sapport — Skema tal-Independent Community Living - lista ta' stennija

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8079, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilha, u ċjoè: Fid-dawl li taħt l-iskema tal-Independent Community Living taħt l-Aġenzija Sapport hemm applikazzjoni fuq il-lista ta' stennija għal madwar sena, tista' l-Ministru tgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien kollu peress li ħafna adoloxxenti u żgħażagħ li għandhom bżonn assistenza f'din il-ħtieġa ma jistgħux jistennew dan iż-żmien kollu fi żmien daqstant delikat u kritiku fl-iżvilupp indipendenti tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent it-tim tal-Independent Community Living fi ħdan l-Aġenzija Sapport qed isegwi 328 każ ta’ persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn skemi ta’ sussidju għal carer tal-għażla tagħhom. Dawk li qegħdin fuq lista ta’ stennija sabiex isir l-assessjar meħtieġ, jistgħu jirċievu assistenza ta’ servizzi oħra mill-Aġenzija, skont il-każ u l-ħtieġa, sakemm ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz. Minħabba limitazzjonijet ta’ riżorsi umani, il-prijorità tingħata lil dawk il-każijiet fejn ikun hemm aktar minn wild wieħed b’diżabilità fil-familja, jew il-ġenituri / kustodji legali jkunu anzjani u għalhekk ikollhom bżonn sostenn aktar immedjat, jew f’każijiet fejn hemm riskju li l-persuna b’diżabilità tiġi istituzjonalizzata, jew fejn m’hemmx sapport mill-familjari, kif ukoll każijiet li l-ġenituri ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità. Il-każijiet fuq il-lista ta’ stennija jiġu riveduti b’mod regolari.

Nuqqas ta' edukaturi fl-oqsma tax-Xjenza, Maatematika, Ingliż u Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm nuqqas ta' edukaturi mal-Gvern fl-oqsma tax-Xjenza, il-Matematika, l-Inġliz u l-Malti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-suġġetti msemmija m’hemmm l-ebda nuqqas ta’ edukaturi mal-Gvern.

MCAST — Korsijiet fuq Livelli 3 u 4 - assistenza personali lil studenti bl-awtiżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-istudenti li jaqgħu taħt l-ispettru tal-awtiżmu u jattendu jew jixtiequ jattendu għall-korsijiet fuq il-livelli 3 u 4 fl-istituzzjonijiet edukattivi tal-MCAST, għandhomx jew ikollhomx assistenza personali waqt it-tagħlim?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-MCAST tindirizza l-bżonnijiet ta’ kull student b’mod personali biex kull student jiġi ppreparat għad-dinja tax-xogħol filwaqt li jippromwovi kultura ta’ edukazzjoni inklussiva.

MCAST — post b'ambjent meħtieġ għal studenti bl-awti¿mu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-istituzzjoni post-sekondarja tal-MCAST jeżistix post bl-ambjent meħtieġ u li jaqdi l-ħtiġijiet ta' studenti li jaqgħu taħt l-ispettru tal-awtiżmu b'mod partikolari ħtiġijiet fejn jidħlu ħsejjes eċċessivi u disturbanti oħra fuq campus li dejjem qed jikber u li għal dawn l-istudenti jaf ikun ta' sfida akbar biex jorjentaw ruħhom fih?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8082.

Ħaż-Żebbuġ – Għassa tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn se tiġi allokata l-Għassa tal-Pulizija f'Ħaż-Żebbuġ u jekk din il-binja hijiex se tkun komda biżżejjed biex taqdi l-bżonnijiet kollha meħtieġa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi sal-lum il-pożizzjoni dwar dan is-suġġett għadha kif kien indikat fit-tweġiba għal mistoqsija numru 6920 minn Onorevoli Membru ieħor tal-Kamra. L-għassa ta’ Haż-Żebbuġ bħalissa qed tintuża minn uffiċċjali tal-Pulizija li huma stazzjonati f’dan id-Distrett kif ukoll mill-Pulizija tal-Komunità. Din mhix proprjetà tal-Gvern. Bħal dejjem, jekk u meta l-mument ikun opportun, tittieħed deċiżjoni fl-aħjar interess tal-Korp u l-komunità dwar dak li jkollu bżonn isir.

Kunsill Lokali tar-Rabat — Pedestrian Crossing

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3915, jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-pedestrian crossing mill-Kunsill Lokali Rabat peress li din diġà ġiet approvata minn Trasport Malta f'Awwissu tal-2021?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Remote Working — Logbook

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħaddiema kollha fis-Settur Pubbliku li ser japplikaw għal Remote Working arrangement ser jintalbu jimlew logbook dettaljat li fih jiġi speċifikat ix-xogħol li jkun sar waqt ir-Remote Working?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ċentralment ma ngħatawx struzzjonijiet biex jintużaw logbooks dettaljati. Kull entità hi libera li topera metodi skont l-esiġenzi partikolari tagħha.