Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern għat-trasport pubbliku minn meta n-noll tal-linja sar mingħajr ħlas, u jaqsam din l-informazzjoni xahar b'xahar?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’seħħ mill-1 ta’ Ottubru 2022, id-detenturi tal-card Tallinja personalizzata ġew intitolati għall-użu tas-servizz tat-trasport pubbliku bla ħlas. Fit-tabella t’hawn taħt tinsab in-nefqa tal-Gvern fuq din il-miżura xahar b’xahar mill-1 ta’ Ottubru 2022 sal-31ta Diċembru 2023.
Sena
Xahar
Nefqa (€)
2022
Ottubru
€1,800,278.5
Novembru
€1,817,686.3
Diċembru
€1,800,264.0
2023
Jannar
€1,810,595.3
Frar
€1,775,247.3
Marzu
€2,135,046.3
April
€1,998,887.8
Mejju
€2,208,444.0
Ġunju
€2,192,741.8
Lulju
€2,282,134.5
Awwissu
€2,235,134.8
Settembru
€2,275,248.0
Ottubru
€2,597,521.8
Novembru
€2,455,001.0
Diċembru
€2,232,008.0
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-Gvern mit-Trasport Pubbliku minn dawk il-persuni li ma kellhomx Tallinja card?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz tat-trasport pubbliku mhuwiex operat mill-Gvern iżda minn kumpanija privata. Għaldaqstant il-Gvern ma daħħal l-ebda flus minn dawk il-persuni li ma kellhomx Tallinja card.
Ħaddiema mal-privat jaħdmu ma' entitajiet tal-Gvern
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema Maltin kif ukoll barranin impjegati mal-privat u li qegħdin jaħdmu ma' entitajiet tal-Gvern, fil-qasam tal-kura, Wasteserve, Security, Cleaners et al?
Rabat, Malta — Triq il-Fiddien u parti minn Bieb ir-Ruwa - Xogħlijiet infrastrutturali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal għal tant dewmien biex ix-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Fiddien u parti minn Bieb ir-Ruwa fil-limiti tar-Rabat, Malta jsiru fi żmien raġonevoli, meta x-xogħol kellu jitlesta sal-ewwel ġimgħa ta' Jannar? Fid-dawl li Infrastructure Malta qalet li sal-5 ta' Frar, 2024, ix-xogħol ser jitlesta biex b'hekk ir-residenti tal-Baħrija u l-madwar ikunu jistgħu jieħdu ftit tar-ruħ, jista' l-Ministru jagħti garanzija li d-data miftiehma ser tinżamm?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt x-xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Fiddien u parti minn Bieb ir-Ruwa fil-limiti tar-Rabat, beda f’Ottubru tas-sena li għaddiet u mistenni jkun lest Frar li ġej.
Iltqajna ma’ numru ta’ sitwazzjonjiet li ma kinux prevvisti fejn il-materjal tal-pedament tat-triq irriżulta li ma kienx b’saħħtu biżżejjed u b’hekk kellu jsir iżjed tħaffir u jinġarr iktar materjal. Barra minn hekk, iż-żona hija waħda arkeoloġika u x-xogħol kellu jsir kollu b’makkinarju iżgħar/bl-idejn.
Dan il-proġett, jinkludi tqegħid ta’ servizzi ġodda tal-ilma, tal-elettriku, tal-komunikazzjoni, xogħol ta’ asfalt u tisħiħ eżistenti tas-sistema tal-istorm water. B’dan l-investiment qed tiġi aġġornata s-sistema tad-drenaġġ, b’familji f’dawn l-inħawi ser ikollhom servizz fiss għall-ewwel darba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14752 u 14909 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali rispettivament u jgħid kemm-il medda ta' art ittieħdet li kellha użu agrikolu biex minnha jsiru toroq ġodda?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Teħid ta' Art agrikola biex isir żvilupp ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14753 u 14910 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali rispettivament u jgħid kemm matul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar minn Diċembru 2021 sal-lum, ittieħdet art agrikola biex fiha sar jew se jsir żvilupp ta' kostruzzjoni?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid meta Wied il-Qlejgħa fir-Rabat ser jingħata l-importanza li tixraqlu billi ssir il-manutenzjoni meħtieġa, bħalma kien sar bejn l-1996 u l-1998 minn Gvern Laburista, peress li hemm telqa u abbandun, qagħda u sitwazzjoni prekarja li hija ta’ periklu minħabba l-fatt li hemm siġar miksurin u ħitan imwaqqa' kull fejn tħares?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2019 u l-2023 saru xogħlijiet estensivi fil-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa (il-parti tal-wied magħrufa popolarment bħala Chadwick Lakes) fejn tneħħiet veġetazzjoni invażiva u sediment li kien akkumula matul is-snin sabiex ġiet ristabbilita l-kapaċità tal-ilqugħ li jilqgħu l-ilma fil-wied kif ukoll ingħata spazju għall-veġetazzjoni naturali tal-wied biex tikber. Fil-fatt, il-kapaċità tal-ilqugħ tal-ilma fil-wied permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet żdiedet bi 30,000,000 litru, filwaqt li l-ekoloġija tal-wied saret tirrifletti l-karatteristiċi naturali ta’ pajjiżna. L-interventi f’din il-parti tal-wied kienu jinvolvu wkoll it-tiswija ta’ diversi sezzjonijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ li waqgħu u reġgħu nbnew. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ekoloġiku għadhom għaddejjin u qed jigu kordinati minn Nature Trust Malta.
Sakemm kienu qegħdin isiru dawn ix-xogħolijiet kien hemm parti mit-triq ta’ matul l-ilqugħ prinċipali li ċediet. Minħabba li studji li saru fis-sit indikaw deterjorazzjoni matul l-ilqugħ kollu, ġie deciz li din it-triq tinbena mill-ġdid u x-xogħlijiet li nbdew is-sena li għaddiet jinsabu għaddejjin.
Ix-xogħlijiet fuq il-parti t’isfel ta’ Wied il-Qlejgħa huma mistennija li jinbdew fit-tieni kwart ta’ din is-sena wara li sar studju u ġew identifikati l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu.
Persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD — Mediċina Concerta
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru ta' persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-ADHD mhux qed jieħdu l-mediċina Concerta imma dik ġenerika mill-POYC? Din mhix kwistjoni tal-aħjar għażla finanzjarja imma l-aħjar servizz mediku, iżda peress li ħafna minn dawn il-pazjenti saħqu li l-mediċina ġenerika mhux qed tkun effettiva, għaldaqstant, jista’ l-Ministru jara li dawn il-persuni jieħdu l-mediċina tassew meħtieġa għalihom?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser jitwaqqaf Bord ta’ Reviżjoni magħmul minn esperti, biex speċifikalment jikkunsidra mediċini relatat mas-saħħa mentali. Il-Bord ikollu fost l-oħrajn, fit-terms of reference, li jikkunsidra kull każ għalih (on a case-by-case basis).
Dan il-Bord għandu ukoll jieħu kunsiderazzjoni tal-proposti mressqa mill-Fakultà għall-Benesseri Soċjali tal-Università ta’ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser issir l-applikazzjoni għall-fondi biex il-Villaġġ tal-Karnival li ilu mwiegħed għal aktar minn 15-il sena jkun jista' jinbeda?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li nikkonferma li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista qatt ma sar il-proġett imsemmi mill-Onor Interpellant, ninforma lill-istess Onor Interpellant li l-applikazzjoni se tkun qed tiġi sottomessa skont u fil-perjodi rikjesti tas-sejħa.
Ninsab infurmat illi s-sejħa għall-applikazzjonijiet tal-fondi ewropej se tagħlaq f’April tas-sena 2024, u għaldaqstant infurmat li l-applikazzjoni se tiġi sottomessa sa¿-zmien stipulat.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont approssimattiv ta' kemm il-Gvern ser joħroġ flus għall-Karnival 2024 li sejjer jiġi ċċelebrat bejn id-9 u t-13 ta' Frar li ġej u jgħid kemm hi n-nefqa antiċipata bħala total sħiħ? Jista’ jgħid ukoll kemm ser jiġu vvutati fondi għall-attivitajiet fi bliet u rħula oħra b'rabta mal-karnival Malti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-nefqa kumplessiva għall- Karnival ta' Malta li sejjer jiġi ċċelebrat bejn id-9 u t-13 ta' Frar 2024 mistennija tilħaq l-ammont ta’ €500,000.
Intant infurmat illi diversi kunsilli lokali jagħmlu avvenimenti oħra marbuta mal-Karnival uħud minnhom b'koperazzjoni ma' Festivals Malta u oħrajn wara li jiksbu finanzjament minn entitajiet oħra.
Karnival 2024 — Pjazza San Ġorġ - Biljetti kumplimentari
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħataw biljetti kumplimentari għad-dħul fi Pjazza San Ġorġ waqt l-isfilata tal-Ħadd tal-Karnival u kemm huwa l-ħsieb li jkun dan l-ammont?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Festivals Malta se tagħti 250 biljett kumplimentari għall-isfilata tal-Ħadd , li jirraprezentaw madwar 25% tal-biljetti fil-pjazza il-maġġoranza assoluta ta’ tali biljetti kumplimentari jingħataw lill-parteċipanti tal-karnival infushom.
Intant infurmat ukoll li din il-prattika ilha titħaddem ghal diversi snin, tant illi l-ammont ta’ biljetti kumplimentari allokati fi zmien amministrazzjonijiet ta' qabel l-2013 kien ikun aktar minn dak li qed isir preżentament.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi żmien stipulat minn meta ssir it-talba minn sid il-post biex jinħareġ il-Compliance Certificate min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma toħroġx Compliance Certificates.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14752 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u jgħid kemm-il medda ta' art ittieħdet li kellha użu agrikolu biex minnha jsiru toroq ġodda?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Teħid ta' Art agrikola biex isir żvilupp ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14753 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u jgħid kemm matul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar minn Diċembru 2021 sal-lum, ittieħdet art agrikola biex fiha sar jew se jsir żvilupp ta' kostruzzjoni?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Persuni Maltin u Barranin li tressqu l-Qorti — każijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14756 u jgħid kemm persuni Maltin u kemm barranin tressqu l-Qorti matul is-sena 2019, 2020, 2021 u 2022 u kemm minn dawn il-każijiet għad m'hemmx deċiżjoni tal-Qorti fuqhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-15 ta’ Jannar 2024.
Tehid ta' Art agrikola biex isir żvilupp ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul dawn l-aħħar sentejn, xahar b'xahar minn Diċembru 2021 sal-lum, ittieħdet art agrikola biex fiha sar jew se jsir żvilupp ta' kostruzzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
liċenzji ġodda tas-sewqan lir-residenti barranin f'Malta
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont xahar, b'xahar ta' kemm kien hawn liċenzji ġodda tas-sewqan lil residenti barranin f'Malta u li mhux bilfors għadhom sal-lum jgħixu Malta, mill-2017 sal-lum?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum, 36,880 resident barrani ngħataw liċenzja tas-sewqan Maltija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-figuri relattivi għal kull sena u xahar b’xahar.
Attachments:PQ 14574 - Liċenzji ġodda tas-sewqan lir-residenti barranin f Malta.pdf
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu Y Plates matul l-aħħar tliet xhur tal-2023?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ “Y plates” għal vetturi żgħar għal ġarr ta’ passiġġieri li ġew irreġistrati fl-aħħar tlett xhur tas-sena 2023 kien kif isegwi:
Xahar
Ammont
Ottubru 2023
232
Novembru 2023
51
Diċembru 23
36