Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina Atomoxetina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-mediċina fuq il-formularju tal-Gvern Atomoxetina hijiex out of stock? Jekk din il-mediċina hija out of stock, kemm ilha mhux disponibbli u meta huwa previst li tidħol lura fis-suq? Jista’ jgħid ukoll jekk din il-mediċina tistax tinxtara mill-ispiżeriji privati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-dipartiment jixtri 3 dożi ta’ Atomoxetina. F’Jannar u Frar 2024, il-POYC ngħataw d-domanda kollha u tqassmu lill-pazjenti.

Mġarr – Il-Bokka taċ-Ċarċara — Drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 16437 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir id-drenaġġ li ilu mwiegħed għal numru ta' snin fil-parti tal-Bokka taċ-Ċarċara fl-Imġarr, viċin ta’ Kastell Zammitellu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ż-żona indikata hija meqjusa bħala waħda rurali u li l-prassi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma tippermettilhiex li twassal drenaġġ min-network prinċipali tagħha għal żoni rurali.

Mġarr – Il-Bokka taċ-Ċarċara — Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir id-drenaġġ li ilu mwiegħed għal numru ta' snin fil-parti tal-Bokka taċ-Ċarċara fl-Imġarr, viċin ta’ Kastell Zammitellu?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Awstralja – Konsulat Ġenerali ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Konsulat ta' Malta f'Sydney, l-Awstralja għadux miftuħ? Jekk dan għalaq, jista’ jgħid x'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Konsulat Ġenerali ta’ Malta f’Sydney huwa miftuħ. Ma hemm l-ebda pjan biex dan jingħalaq.

Kuntratt għal Ambulanzi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq xiex huwa bbażat il-kuntratt tal-ambulanzi l-ġodda? Kif ingħata dan il-kuntratt u liema kriterji ġew addottati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li dan il-kuntratt intrebaħ wara proċess kompettiv u dawn l-ambulanzi ġew disinjati speċifikament għall-ħtiġijiet tas-servizz tas-Saħħa Malti.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu minn Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, tinqabeż l-advisory cost.

Kunsilli Lokali – Rendikont finanzjarju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15554, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha peress li ngħatat parti biss mill-informazzjoni rikjesta u ċjoè jgħid kif kienet il-qagħda finanzjarja tal-Kunsilli Lokali hawn taħt imsemmija sa Diċembru 2023, u jagħti rendikont finanzjarju li jagħti stampa ċara ta' dan, li jinkludi surplus jew defiċit: a. Kunsill Lokali Mġarr; b. Kunsill Lokali Ħad-Dingli; u c. Kunsill Lokali Rabat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Divizjoni għall-Gvern Lokali li l-Kunsilli Lokali tal-Imġarr, Ħad Dingli u r-Rabat ma provdewx l-informazzjoni mitluba għax l-istqarrijiet finanzjarji relattivi għadhom qed jiġu preparati. Infurmat ukoll li dawn l-istqarrijiet finanzjarji huma mistennija li jaslu sad-data tal-għeluq tat-23 ta’ Frar 2024 hekk kif mitlub permezz ta’ Ċirkulari Nru. 17 tal-2023 maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.

Kunsilli Lokali – Attendenza ta’ sindki u kunsilliera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15555, jista’ l-Ministru issa jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari u ċjoè jipprovdi lista ta' attendenza tas-Sindki u tal-Kunsilliera, laqgħa laqgħa minn Lulju 2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: a. Kunsill Lokali Ħad-Dingli; u b. Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

BCRS – flus lill-ħwienet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm jgħaddi żmien biex il-ħwienet jieħdu lura l-flus dovuti lilhom mill-iskema tar-rifużjoni tal-fliexken kif imħaddma mill-BCRS?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t- termini ta’ ħlas lill-operaturi huwa determinat mill-operatur BCRS Malta Ltd. Ninsab infurmata li l-ħwienet li għandhom Reverse Vending Machine (Magna tal-BCRS) u ħwienet oħra li jsarrfu vawċers tal-BCRS għandhom 90 jum (mit-tmiem ta’ xahar) għal rifużjoni tal-vawċer tad-depożitu. Filwaqt li l-ħwienet li jużaw is-servizz tal-ġbir manwali offrut mill-operatur u l-ħwienet li jużaw il-card Business to Business f'magna (RVM) għandhom 30 jum (mit-tmiem ta’ xahar ) għal rifużjoni tad-depożitu.

Ir-Rabat (flimkien mal-Baħrija u l-madwar), Ħaż-Żebbuġ u l-Imġarr Malta — Lista ta' toroq li sejrin jiġu asfaltati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li sejrin jiġu ristrutturati fil-lokalitajiet tar-Rabat (flimkien mal-Baħrija u l-madwar), Ħaż-Żebbuġ u l-Imġarr Malta matul din is-sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja jew ser twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħolijiet jikkonsisti f’bini tat-triq mill-ġdid, ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-bankini, it-tisħiħ tas-sottobażi eżistenti u s-saffi tal-asfalt tul il-medda kollha tat-triq flimkien mas-sinjali tat-toroq u l-marki tal-linji meħtieġa. Ix-xogħol jibda skont l-esiġenzi tal-Kunsilli Lokali u l-Awtoritajiet ikkonċernati.

Każin Laburista tar-Rabat — Mediċina tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux infurmat dwar mediċina tal-Gvern, POYC li ddaħħlet fil-każin Laburista tar-Rabat, nhar il-Ħamis, 18 ta' Jannar fid-9.30 a.m. biex tiġi mqassma minn hemmhekk? Jista' jgħid għaliex dan l-aħħar kien hemm numru ta' persuni li ngħataw mediċini tal-Gvern (POYC) minn membri tal-Kumitat Laburista fir-Rabat u jekk dan hux qiegħed isir bil-barka tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-allegazzjoni hi bla bażi u ma tagħmilx sens. Il-Unit tal-Pharmacy of Your Choice iqassam il-mediċini b’mod esklussiv lill-pazjenti intitolati permezz tal-ispiżeriji li huma fil-komunità permezz tal-Iskema POYC.

Skola Medika ta’ Malta — Studenti barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hawn studenti barranin fl-Iskola Medika ta' Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm minn dawn kienu eżenti mill-ħlas għall-istudji tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ir-Rabat Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier – zebra crossing jew traffic lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir zebra crossing jew traffic lights fi Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat Malta, minħabba l-fatt li t-triq hija dejqa u qiegħed ta' kuljum ikompli jeħel it-traffiku fiha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jirrizulta li minn naħa ta’ Transport Malta hemm approvazzjoni għal zebra crossing fi Triq Borg Olivier. Inoltre, l-Awtorità evalwat il-possibbiltà li parti minn Triq Borg Olivier issir one-way. Dwar din il-proposta għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet ikkonċernati u hija ukoll prevista konsultazzjoni pubblika fil-ġimghat li ġejjin. Inzid ukoll li l-approvazzjoni għal zebra crossing ser tkun inkluża mal-proposta tal-one-way sabiex is-sitwazzjoni f’din it-triq tiġi ndirizzata b’mod ħolistiku.

Skola Medika ta’ Malta — Studenti barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti barranin fl-Iskola Medika ta’ Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar? Kemm minn dawn l-istudenti kienu eżentati mill-ħlas?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul is-sena 2020, 2021, 2022, 2023 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u l-ammont totali tal-valur tagħhom, fil-perjodu bejn is-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiem barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema barranin li jaħdmu ma' dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-irwol tagħhom u f'liema entità qed jaħdmu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 20 -il ħaddiem ta’ nazzjonalità mhux Maltija li jaħdmu ma' dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Ħaddiema barranin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema barranin li jaħdmu ma’ dipartimenti tal-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid ukoll x’inhu l-irwol tagħhom u f’liema entità qed jaħdmu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ ħaddiema li m’humiex ta’ nazzjonalità Maltija li bħalissa qed jaħdmu fil-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi d-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Il-ħaddiema msemmija, li huma ġejjin minn pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea jew anke minn pajjiżi terzi, huma assenjati rwoli differenti f’livelli varji ta’ responsabbiltà skont is-settur u l-entità fejn huma mpjegati.