Jista' l-Ministru jara li dawk il-koppji għarajjes li kienu ntitolati li jieħdu appartament/maisonette taħt l-iskema tax-shared ownership u li issa qed jingħad lilhom li jridu jħallsu żewġ terzi tas-somma mill-bidu nett, fil-fatt jingħataw l-opportunita' li jħallsu skond id-dħul li għandhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li l-policy ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar xiri ta' appartamenti/maisonettes taħt l-iskema tax-shared ownership hi li applikanti taħt Kategorija C/C1 (persuna waħedha), Kategorija A (familja bit-tfal) u applikanti għarajjes b'diżabilita' jridu jixtru mill-inqas terz tal-valur tal-proprjeta'. Applikanti taħt Kategorija B (koppja għarajjes) u Kategorija D (żewġ persuni adulti) jridu jixtru mill-inqas żewġ terzi tal-valur tal-propjeta'.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex f'Malta jkun hawn nuqqas serju ta' Avgas li jintuża għal skop ta' avjazzjoni? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan ma jirrepetix ruħu fiż-żmien li ġej?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista'il-Ministru tagħti tagħrif dwar liema proċedura trid jew tista'/tiġi użata biex membru parlamentari jorganizza ħarġiet għat-tfal ta' xi skola governattiva partikolari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ħarġiet li jsiru waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola huma kollha organizzati mill-iskola.
L-ebda persuna jew entita’ ma tista’ torganizza attivita’ mingħajr ma din tkun approvata mill-Kap u parti mill-programm edukattiv tas-sena skolastika.
Persuni jew entitajiet jistgħu jagħmlu suġġeriment lill-Kap ta’ Skola.
Billi matul is-sena kollha, iżda b'mod partikolari bejn Mejju u Ottubru, ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar li joqogħdu bejn ix-Xemxija u Villa Chapelle isibuha diffiċli ferm li jirkbu l-karozza tal-linja f'ħafna ħinijiet tal-ġurnata, speċjalment bejn is-7.30 a.m u l-10.30 a.m., jista' l-Ministru jara li jibdew jitilqu karozzi tal-linja minn fejn il-knisja tal-Kapuċċini u dan biex tittaffa din il-problema, fejn hemm nies li qed idumu jistennew aktar minn siegħa fuq l-istage?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta ser tagħmel stħarriġ biex tistabbilixxi d-domanda eżistenti u jekk hemmx il-ħtieġa li tiġi ntrodotta rotta li titlaq minn ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini kif suġġerit mill-Onor. Interpellant.
Infurmat ukoll li f'każ li l-istħarriġ jirriżulta li jkun vijabbli li tiġi ntrodotta din ir-rotta, l-Awtorita' tibda negozjati ma' l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl perikoluż fit-triq li mill-Mosta twassal għall-Imġarr jinqala' kemm jista' jkun malajr u jinbidel bil-bozza b'kollox għaliex ilu xhur sħaħ f'dan l-istat wara inċident tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm u fejn hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew kmamar tan-nar f'Malta u f'Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm erba’ (4) applikazzjonijiet pendenti għal kmamar tan-nar ġodda f'Malta u Għawdex. Id-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet jinsabu fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew imfittxija applikazzjonijiet li fihom il-kliem "nar" jew "fire" fil-proposta tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex proċeduri legali fil-Qrati tagħna quddiem l-imħallef, li ismu qed jidher separatament, jiġu differiti numru kbir ta' drabi minkejja li iktar minn sentejn ilu suppost kien deċiż li dak kollu li kellu jinġabar mill-perit legali kellu jsir f'seduta waħda u jiġi rappurtat lura immedjatament, iktar u iktar meta mill-informazzjoni li għandi min ħa l-passi legali għadu ma ressaqx ix-xhieda tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħti aktar dettalji tal-każ in kwistjoni.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fuq il-bridge tal-Mistra parti mil-line abjad sħiħ tinbidel f'line maqtugħ li jippermetti l-overtaking għaliex meta l-karozzi jinqabdu wara t-trakkijiet dawn ma jkunux jistgħu jimxu b'ritmu kostanti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali ta' l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta irriżulta li minħabba raġunijiet ta' sigurta' (partikolarment visibilita) it-triq ma tippermettix li jsir "overtaking" fiha.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa (fuq il-bridge tal-Mistra) jiġi rranġat b'mod sew u permanenti, l-ħajt fuq naħa waħda ta' l-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jieħu passi neċessarji biex permezz tat-taqsima tal-beach cleaners fi ħdan il-ministeru tat-turiżmu titnaddaf l-alka, biċċiet ta' dgħajjes u mbarazz ieħor li nġabar fil-Veċċa, San Pawl il-Baħar, wara l-maltempata qawwija li seħħet xi ġimgħat ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kawża tal-maltemp hemm xi dħajjes u bċejjeċ ta’ dgħajjes ta’ sidien privati li jinstabu fuq l-alka. Id-Dipartiment tat-Turiżmu ħa passi biex jinforma lill-Kunsill Lokali biex jinġieb permess ħalli dawn id-dgħajjes jitneħħew. B’hekk jiġu evitati xi talbiet għad-danni mingħand is-sidien tad-dgħajjes meta tkun qed titnaddaf l-alka.
Ninsab infurmat ukoll l-avviż għat-tneħħija ta’ dawn id-dgħajjes ġie affiss fit-13 ta’ Mejju u li t-terminu tiegħu jiskadi l-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2008. Ix-xogħol tat-tindif hu pprogrammat li jibda t-Tnejn 26 ta’ Tnejn 2008.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-għassa ta' San Pawl il-Baħar terġa' tibda tiftaħ kuljum u dan biex jiġi assigurat li ma jsir l-ebda forma ta' abbuż fiċ-ċentru ta' San Pawl il-Baħar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li ser tittieħed l-azzjoni meħtiega biex isiru x-xogħolijiet li hemm bżonn. Pero’ infurmat ukoll li bħal ma jsir is-soltu, anke din is-sena, matul ix-xhur tas-sajf il-Pulizija żżid il-preżenza tagħha permezz ta’ patrols fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll diversi postijiet oħra.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti tat-triq prinċipali f'Tarġa Gap li għadha ma saritx, titlesta billi tinqala' u tinbena mill-ġdid u dan biex l-uniku ftit mijiet ta' metri li fadal mill-Airport sa San Pawl il-Baħar ikunu finalizzati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din il-biċċa triq qiegħda fil-pjani tal-ADT.
Jista' l-Ministru jara li jekk hemm bżonn, bl-għajnuna ta' ministeri oħra, jittieħdu l-passi neċessarji biex il-ħsara li saret fil-Menqa (ħdejn il-Gillieru) f'San Pawl il-Baħar b'riżultat ta' l-aħħar maltempata kbira li seħħet numru ta' ġimgħat ilu, tissewwa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li xogħol ta’ tiswija tal-ħitan tal-Menqa se jsir fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta' arbli tad-dawl msaddin u mkissrin li hemm fit-telgħa tal-Palma l/o Mġarr jinqalgħu u jinbidlu ma' oħrajn ġodda, jew aħjar il-cable jgħaddi taħt l-art?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieg biex jinbidlu l-arbli msemmija diġa nbeda. Sebgħa (7) mill-ħdax (11) il-arblu li kellhom bżonn jinbidlu diġa nbidlu. Il-kumplament għandhom jinbidlu flimkien ma’ xogħolijiet oħra simili.
Jista' l-Ministru jara li permezz tad-dipartiment konċernat jittieħdu l-passi neċessarji biex dawk il-flats tal-gvern li minflok kontrabejt għandhom madum, jiġu rranġati, għaliex qed joħolqu bosta nkonvenjenti lir-residenti tagħhom?
Jista' b'mod partikolari jara li l-bejt fi Block A4, Qasam ta' Pennellu Mellieħa jiġi rranġat għaliex b'riżultat ta' dan il-madum hemm ħafna umdita fil-flats?
Response (DALLI, JOHN)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onorevoli Interpellant lid-Direttorat tal-Bini u Tiswija ta’ Djar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar biex jinvestiga u jieħu l-azzjoni meħtiega.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-arbli tad-dawl li twaħħlu fil-kampanja tal-Wardija, jinqalgħu u minflok il-cablejitqiegħed taħt l-art?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn l-arbli gew installati biex jinbidlu l-arbli l-qodma li hemm f’din il-lokalita. Ir-residenti tal-Wardija u kif ukoll il-Kunsill Lokali kienu jafu b’dan ix-xoghol minn qabel u nbaghatitilhom stima ta’ cable taht l-art li jammonta madwar Lm6,000 imma dan ma giex approvat. Fiċ-ċirkustanzi tbiddlu l-arbli l-qodma u fl-istess ħin issaħħet l-infrasstruttura ta’ l-elettriku f’din il-lokalita minn single phase għal three phase.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-Awtorita' tat-Trasport u dak responsabbli mit-toroq ta' Santa Marija Estate, Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar (naturalment kif rrappurtati lid-dipartiment kkonċernat)? F'liema lokalita' kienu dawn is-siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar, skond kif irrapurtati lid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Pjanti sad-19 ta’ Mejju 2008 hu ta’ 69. Dawn kienu f’dawn il-lokalitajiet:
B’Kara Balzan Burmarrad G’Mangia Gzira
Hamrun Kappara Madliena Mdina Pembroke
Qawra Qormi Sliema San Ġiljan St Lucia
San Pawl il-Baħar St Venera Swieqi Ta’ Xbiex Valletta
Tista' l-Ministru tagħti t-tagħrif dwar fhiex waslu l-preparamenti biex tinbena shooting range internazzjonali biex fiha jkunu jistgħu jsiru l-world championships?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li bħalissa qed isiru dikussjonijiet ma’ l-għaqdiet sportivi ta’ l-isparar biex jiġu esplorati l-possibilitajiet kollha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' nies li qed jirreġistraw għax-xogħol maqsuma skond il-kategoriji ta' l-ETC, f'kull wieħed mill-irħula tas-Seba', l-Ħdax u t-Tnax-il distrett rispettivament?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fuq it-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.