Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-inħawi ta' San Pawl Milqi, f'Burmarrad, jingħataw upgrade biex dan il-monument nazzjonali jkun jista' jiġi apprezzat u mħares ferm aħjar milli qed jiġri s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
San Pawl Milqi huwa sit arkeoloġiku importanti u Heritage Malta qed tagħmel dak kollu li tista’ sabiex tattira l-fondi neċessarji sabiex is-sit ikun jista’ jsir fih ix-xogħol meħtieġ. Sadanittant qed jiġi żgurat li s-sit ma jsofrix ħsarat sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri. Madanakollu s-sit jinfetaħ regolarment għal viżitaturi individwali jew fi gruppi li jagħmlu domanda sabiex iżuruh. Ġew ukoll organizzati open days u attivitajiet oħrajn għall-apprezzament ta’ dan is-sit b’kollaborazzjoni mall-Kunsill Lokali.
kunsilli lokali — talbiet pendenti għad-devuluzzjoni ta' proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet pendenti għad-devoluzzjoni ta' proprjetà lill-kunsilli lokali?
Fejn huma dawn it-talbiet pendenti, u meta hu mistenni li jiġu deċiżi l-istess talbiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għandha 62 talba pendenti għad-devoluzzjoni ta’ proprjetà lill-kunsilli lokali. Minn dan it-total hemm 19 li qegħdin jistennew l-eżitu tal-permess tal-Mepa qabel ma jiġu proċessati, 5 li waslu biex jiffirmaw il-Ftehim tal-Kirja filwaqt li l-kumplament qegħda tinġabar l-informazzjoni kollha neċessarji biex dawn jistgħu jiġu proċessati.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ talbiet li hemm pendenti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' banek tal-lottu li għandna madwar Malta u Għawdex illum?
Fejn jinsabu dawn il-banek u x'inhi l-proċedura li trid tintuża biex għaqda jew individwi filfatt jiftħu banka tal-lottu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi preżentament hemm 216 banka tal-lottu madwar Malta u Għawdex. Bħala regolatur l-Awtorità tal-Lotteriji u logħob ma żżommx informazzjoni tal-lokalità fejn dawn jinsabu. Għaldaqstant hu mitlub li l-informazzjoni dwar il-lokalità u l-proċeduri meħtiega biex jinfetħu banek tal-lottu tiġi riferuta lil Maltco Lotteries, l-operatur tal-lotterija nazzjonali.
ċimiterji — estensjoni jew bini - talbiet pendenti
Question
Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-lokalitajiet li preżentement għandhom talba għal estensjoni jew bini ta' ċimiterji madwar Malta u Għawdex?
Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu u fejn huma l-lokalitajiet li fihom hemm talbiet għal bini ta' irziezet tal-majjali u tal-baqar rispettivament u li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li talbu u li ħadu għajnuna għall-bini ta' manure clamps, fl-irziezet f'Malta u f'Għawdex?
X'kienet ir-raġuni, jekk kien il-każ, li xi persuni li talbu għal din l-għajnuna, baqgħu ma ħaduhiex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ħarġu żewġ skemi taħt il-Programmi għall-Iżvilupp Rurali minn Fondi Ewropej għall-għajnuna għall-bini ta’ demmiela fl-irziezet f’Malta u Għawdex.
Fl-ewwel skema taħt il-programm Rurali 2004 – 2006 inħarġu żewġ sejħiet u r-riżultat ta’ dawn is-sejħiet huwa kif indikat hawn taħt:
Miżura Meeting Standards (l-ewwel sejħa) Programm għall-iŻvilupp Rurali għall-
Malta 2004-2006
Applikaw 58
Ħadu l-Fondi 58
Miżura Meeting Standards (it-tieni sejħa) Programm għall-iŻvilupp Rurali għall-Malta 2004-2006
Applikaw 143
Ħadu l-Fondi 102
Ma ħadux il-Fondi għax mhux eliġibbli 41
Il-41 mhux eliġibbli ma kellhomx il-permessi neċessarji mill-MEPA.
Taħt il-Programm tal-Iżvilupp Rurali 2007 – 2013, ir-raħħala setgħu japplikaw taħt sotto miżura 3 tal-Miżura 121 – Modernizzar ta’ Strutturi Agrikoli.
Skont il-fondi allokati għal din il-miżura, l-ewwel 180 applikazzjoni minn 344 fosthom 9 raħħala, ħadu l-għajnuna sabiex jagħmlu investiment fuq demmiela. Hemm 5 raħħala oħra li jistgħu jikkwalifikaw għal din l-istess għajnuna jekk aktar fondi jiġu allokati taħt din il-mizura fix-xhur li ġejjin.
Min ħa l-fondi taħt il-Miżura tal-Meeting Standards ma setgħax jerġa’ japplika għall-istess investiment taħt il-Miżura 121.
Raħħal wieħed ma kienx eliġibbli għal din il-miżura għaliex ma kellux il-permess tal-MEPA.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' serqiet li ġew rapportati matul is-sena li għaddiet f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar rispettivament? Kemm minn dawn is-serqiet ġew solvuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi r-rapporti ta' serq li saru lill-Pulizija matul l-2009 kienu; 529 minn San Pawl il-Baħar, 170 mill-Mellieħa u 107 minn Naxxar. Ninforma l-Onorevoli Membru li l-informazzjoni għall-aħħar parti tad-domanda għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inċidenti tat-traffiku li fihom issejħu l-membri tal-protezzjoni ċivili biex jagħtu l-għajnuna tagħhom matul l-2009? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-informazzjoni li tinġabar minn fuq is-siti li fihom iseħħu l-inċidenti fil-fatt jgħaddux għand l-Awtorità dwar it-Trasport biex possibilment jittieħdu passi fuq l-istess lokalitajiet, f'dik li hi kostruzzjoni ta' toroq?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa biex jintervjenu f'144 inċident tat-traffiku. Infurmat ukoll li l-Pulizija tgħaddi rapport tal-inċident fuq formola (Accident Record Sheet) lill-Awtorita' dwar it-Trasport. Dan ir-rapport jinkludi l-istat u l-kundizzjoni tat-triq fejn ikun seħħ l-inċident.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-Qrati tagħna tinżammx informazzjoni dwar x'inhuma r-raġunijiet li per eżempju, informazzjoni li jkollha tinġabar għall-użu tal-Qorti, liema informazzjoni tkun trid tinġabar għal seduta partikolari ddum snin sħaħ biex tasal fil-Qorti, bil-konsegwenza li l-proċeduri fil-Qrati jitwalu sostanzjalment?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Fil-Qorti ma tinżammx informazzjoni dwar x'inhuma r-raġunijiet għala informazzjoni li jkollha tinġabar għall-użu tal-Qorti ddum biex tasal. Meta l-Qorti jkollha bżonn li tinġabar xi evidenza f'xi kawża partikolari, dana jiġi verbalizzat fl-atti tal-istess kawża u l-Qorti ssegwi minn seduta għal oħra jekk din tiġix ippreżentata jew le. Hija l-Qorti stess li tieħu dawk il-passi neċessarji sabiex tara li l-informazzjoni li tkun trid, tasal għandha fiż-żmien li hija tistabilixxi.
breathalyser tests — passi fil-konfront ta' min jikser ir-regolamenti
Question
Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' breathalyser tests li saru matul l-2009? X'passi jittieħdu fil-konfront ta' min jinstab li kien qed jikser ir-regolamenti dwar il-limitu tax-xorb?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2009 kien hemm 95 sewwieq li sarlu it-test tan-nifs mill-Pulizija. Minn dawn 61 kienu posittivi, waqt li 34 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F’kull każ fejn it-test jirriżulta pożittiv jew ma kienx komplut, inbdew proċeduri kriminali skont il-liġi.
Attivitajiet lokali f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar — Permessi rifjutati
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talba għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet lokali f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa u Naxxar, liema talbiet saru minn individwi jew għaqdiet mhux governattivi u li ġew rifjutati l-permessi għalihom matul l-2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Matul l-2009 kien hemm żewġ talbiet għall-organizzazzjoni ta' attivitajiet fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar li saru lill-Pulizija u li ġew rifjutati. Waħda minn dawn kienet tikkonċerna tiġrija ta' żwiemel fi Triq it-Trinċetta u oħra party quddiem Ta' Fra Ben.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema kienu t-tenders dwar ix-xogħol maħsub fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, min-naħa tat-turiżmu li fil-fatt għalqu? Kemm kien hemm kuntratturi li ssottomettew it-tender tagħhom? Fiex wasal il-proċess tal-aġġudikazzjoni ta' dawn it-tenders?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-proġetti maħsuba għaż-żona ta’ San Pawl il-Baħar mill-Awtorità tat-Turiżmu huma kif ġej:
· Żvilupp ta’ Attrazzjoni għall-viżitaturi fiż-żona tal-Qawra (Akkwarju Pubbliku).
Tender
b’metodu ta’
Competitive Dialogue
li għadu għaddej u li ġew
short-listed
żewġ kuntratturi.
· Tisbiħ fil-
promenade
ta’ San Pawl bejn l-iskola primarja u l-Menqa.
Tender
li għalaq fl-20 ta’ Ottubru u li daħlu għalih 4
tenderers
. Il-proċess tal-aġġudikazzjoni għadu għaddej.
Tenders
għat-titjieb tal-aċċessibiltà għal fuq il-bajja u għal ġewwa l-baħar għall-għawwiema u għaddasa.
Tenders
ħarġu u ġew aġġudikati. Ix-xogħol beda u mistenni jitlesta sa qabel is-sajf 2010. Biex isir dan ix-xogħol l-MTA ħarġet 3
tenders
li għalihom daħlu 24
tenderer
u kollha ġew aġġudikati.
Awtorità Marittima ta' Malta — ħaddiema sospiżi mix-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13485 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' ħaddiema tal-Awtorità Marittima ta' Malta li huma sospiżi mix-xogħol? Kemm ilhom sospiżi? X'inhi r-raġuni li għaliha ġew sospiżi mix-xogħol dawn il-ħaddiema?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorità Marittima ta’ Malta għandha mpjegat wieħed li huwa sospiż mix-xogħol. Dan l-impjegat ilu sospiż sentejn u nofs (minn Ġunju 2007).
Dan l-impjegat ġie akkużat quddiem il-Qorti tal-Maġistrati b’diversi reati.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinbnew biċċeriji (slaughter houses)? Jekk iva, f'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha applikazzjoni waħda fir-Rabat Malta għal sanzjonar ta' estensjoni u żidiet ma’ biċċerija eżistenti.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "biċċerija" jew "
slaughter house
".
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' impjegati fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent l-Ippjanar li fil-fatt jagħmlu xogħol marbut mal-ippjanar u kemm hu n-numru ta' persuni li jagħmlu xogħol marbut mal-ambjent? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-ammont ta' flus li ddaħħal l-Awtorità mix-xogħol tagħha relatat mal-ambjent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ impjegati li jagħmlu xogħol marbut ma’ l-ippjanar hu ta' 207, dawk li jagħmlu xogħol marbut ma’ l-ambjent hu ta' 91, fil-waqt li n-numru ta’ impjegati li jagħmlu xogħol marbut kemm ma’ l-ambjent kif ukoll ma’ l-ippjanar hu ta' 25.
B'referenza għat-tieni mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' flus li daħħlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, mix-xogħol tagħha relatat mal-ambjent, għall-perjodu finanzjaru ta' 15-il xahar li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2008, huwa ta' €1,877,650. Għall-ewwel 9 xhur tas-sena finanzjarja li ħa tintemm fil-31 ta' Diċembru 2009, id-dħul relatat mal-ambjent jammonta għal €316,604.
applikazzjonijiet pendenti biex jinfetħu public service garages
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jinfetħu public service garages? Fejn jinsabu dawn l-applikazzjonijiet li hemm pendenti ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha ħamsa u tletin (35) applikazzjoni għal "public service garages" madwar Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "
towing
", "
chauffeur
", "
taxi
", "
bus
", "xarabank", "
coach
", "
public service
", "servizz pubbliku", "
hire
" jew "kiri".
Jista' l-Prim Ministru jagħtit tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' suldati neqsin mill-compliment sħiħ li għandha bżonn l-Armata Maltija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Complement sħiħ tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa ta’ 129 Fizzjal u 1,825 Rangi. Bħalissa, hemm 96 Fizzjal u 1,589 Regulari. Jiġifieri, hemm neqsin mill-Complement 33 Fizzjal u 236 Regulari (uffiċjali mhux kommissjonati Gunners u rekluti).
lukandi u kumplessi turistiċi — applikazzjonijiet għall-bini u estensjonijiet
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet għall-bini, estensjonijiet jew titjib tal-faċilitajiet f'dawk li huma lukandi, jew kumplessi turistiċi li għandna f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha dawn l-applikazzjonijiet għall-bini, estensjonijiet jew titjib tal-faċilitajiet f’dawk li huma lukandi, jew kumplessi turistiċi li għandna f’Malta u Għawdex:
Applikazzjonijiet għall-bini: 45
Applikazzjonijiet għall-estensjonijiet: 25
Applikazzjonijiet għall-titjib tal-faċilitajiet: 2
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti approvati fil-passat mill-Planning and Priorities Coordination Division fil-fatt għad iridu jiġu implimentati? Meta hu mistenni li dawn ikunu jistgħu jitwettqu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti approvati mid-Diviżjoni għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prijoritajiet bdew jiġu implimentati. Xi wħud għadhom f’fażi bikrija bħall-appalt, filwaqt li oħrajn diġa’ jinsabu fil-fażi ta’ implimentazzjoni attwali.