Jista' l-Prim Ministru jara li l-gżejjer ta' San Pawl (kif inhuma komunament magħrufa) igħaddu minn taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għal dak ta' San Pawl il-Baħar, għaliex dawn huma magħrufa bħala li jiffurmaw parti minn San Pawl il-Baħar iżda uffiċjalment mhumiex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gżejjer ta’ San Pawl jagħmlu parti mil-lokalità tal-Mellieħa imma ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill Lokali Mellieħa għaliex dawn il-Gżejjer huma elenkati fir-Raba’ Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) bħala esklużi mir-responsabbiltà tal-Kunsilli Lokali.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 398, nitlob lill-Ministru jara x'wassal għad-dewmien li semmejt f'dik il-mistoqsija? Il-każ li qed nagħmel riferenza għalih jikkonċerna l-każ 402/2005 fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li l-kawża ġiet istitwita fis-27 t'April 2005 u l-ewwel data ta' smiegħ tagħha kienet it-12 ta' Diċembru 2005. Dakinhar kienet ġiet appuntata Assistenta Ġudizzjarja sabiex tisma' l-provi.
Minn dakinhar, l-Assitenta Ġudizzjarja żammet 17-il seduta sabiex jiġu prodotti l-provi ta' l-attur. Fl-aħħar seduta tas-7 ta' Mejju 2008, l-attur iddikjara illi m' hemmx aktar provi da parti tiegħu.
Hemm seduta ffissata quddiem l-Assistenta Ġudizzjarja għall-4 ta' Lulju 2008 sabiex il-konvenuti jibdew jipproduċu l-provi tagħhom.
Il-modalita' dwar kif titmexxa kawża u s-seduti tagħha huma prerogattiva ta' l- Imħallef sedenti li miegħu tikkonsulta l-Assistenta Ġudizzjarja tiegħu.
Il-kawża issa tinsab differita għas-seduta tad-29 t'Ottubru 2008.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern għaddiex xi allokazzjoni partikolari wara l-maltempata kbira li saret xi snin ilu, lill-kunsilli lokali?
Kemm kien hemm kunsilli lokali li talbu li jingħataw fondi wara dan il-maltemp?
Billi kien hemm kunsilli lokali li ħallsu għat-tiswija tal-ħsarat minn fondi oħra, jista' l-gvern jieħu l-passi biex isiru l-ħlasijiet lura?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-dwal taż-żewġ pelican lights fix-Xemxija jiġu mixgħula kemm jista' jkun malajr? Jista' fl-istess ħin jara wkoll li jiġu nstallati pelican lights fin-naħa t'isfel ta' l-istess telgħa, fejn kienu maħsuba li jsiru skond ix-xogħol li sar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ir-rapport ta' inċident li seta' nqala' iktar minn sena ilu bejn ajruplan ta' l-Air Malta u ajruplan privat żgħir fil-fatt issa tlestiex minn dawk li kienu qed jagħmlu l-investigazzjonijiet? Jista' jgħid jekk dan ir-rapport hux se jiġi ppubblikat meta jkun lest?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-investigazzjoni fuq dan l-inċident waslet biex tiġi konkluża u malli din titlesta, ir-rapport ikun ippubblikat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' self drive garages li hemm liċenzjati fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Mġarr, Rabat u Mosta rispettivament? X'inhu n-numru totali ta' karozzi li għandhom liċenzjati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tara li l-ministeru jkollu għad-dispożizzjoni diversi għaqdiet reliġjużi/kulturali li għandna madwar Malta u Għawdex numru ta' palkijiet li jistgħu jintramew mill-istess dipartiment tal-kultura f'diversi nħawi, skond il-bżonn mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm min jidher qisu qed jagħmel xi pjaċiri liberi?
Tista' tara li jitfasslu u jiġu pubblikati kriterji ċari kif dawn jistgħu jsiru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, li erba’ snin ilu kien id-Dipartiment tal-Kultura, sellef bosta palkijiet mingħajr introjtu lil diversi organiżazzjonijiet u għaqdiet reliġjużi u kulturali. Dawn jingħataw fuq bażi ta’ first come first served fil-limiti li jippermettu l-mezzi u l-ħaddiema li għandu l-Kunsill. B’danakollu il-policy tal-Kunsill hi li l-prijorita’ tingħata l-ewwel għal attivitajiet li jiġu organizzati minnu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu llum in-numru ta' propretajiet li għad għandhom requisition order fuqhom f'kull belt u raħal? Kemm minn dawn il-propjetajiet huma tal-Gvern u tal-privat?
Kemm kien in-numru totali ta' rekwiżizzjonijiet li kellu d-Dipartiment tad-Djar fl-1992,meta inbeda l-proċess tal-komputeriżazzjonijiet f'Malta u Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-ewwel rekord tan-numru globali ta’ postijiet rekwiżizzjonati jmur lura għas-sena 1995 u juri li kien hemm 25,217 post rekwiżizzjonat. Illum, dan in-numru hu 1,759. Infurmat li r-rekords ma jindikawx kemm minn dawn il-postijiet huma tal-privat jew tal-Gvern.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' burdnara awtoriżżati li jaħdmu fil-portijiet tagħna?
Jista' jgħid jekk dawn hux inqas min-numru ta' liċenzji/permessi li kien awtoriżżat fi żmien it-taħdidiet ma' l-Unjoni Ewropea? Xi ħsieb hemm biex in-numru stabilit jibqa' dejjem konstanti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil present in-numru ta' burdnara awtoriżżati li jaħdmu fil-portijiet tagħna hu ta’111. In-numru ta' liċenzji/permessi li kien awtoriżżat fi żmien it-taħdidiet ma' l-Unjoni Ewropea kien ta’ 113 pero żewġ liċenzji/permessi ġew revokati wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Rigward l-aħħar mistoqsija, s’issa dejjem kienet il-proċedura li liċenzji/permessi ta’ burdnara jinħarġu mill-ministeru responsabbli għad-Dwana.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA biex isiru golf courses f'Malta u f'Għawdex? Meta saru dawn l-applikazzjonijiet u f'liema lokalitajiet jinsabu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha żewġ (2) applikazzjonijiet għal golf courses madwar Malta u Għawdex. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-dettalji mitluba.
Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta l-kelma “golf”.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa (fuq il-bridge tal-Mistra) jiġi rranġat b'mod sew u permanenti, l-ħajt fuq naħa waħda ta' l-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li quddiem parti minn dan il-ħajt li waqa' ttella' ħajt bil-blokki tal-konkos. Partijiet oħra li jinsabu fi stat li jistgħu jaqgħu ser jiġu rranġati matul is-sajf.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex f'Malta jkun hawn nuqqas serju ta' Avgas li jintuża għal skop ta' avjazzjoni? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan ma jirrepetix ruħu fiż-żmien li ġej?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ Avgas li kellna għal ġimgħa u nofs ta’ qabel is-sbatax ta’ Mejju kienet dovuta għal domanda mhux normali għal dan it-tip ta’ fuel, liema domanda ġiet minn ajruplan wieħed. Sfortunatament l-Enemalta ma kienetx ġiet avżata minn qabel u għalhekk ma setatx tipprepara ruħha għalih. Tajjeb wieħed jgħid li dan it-tip ta’ fjuwil, li l-użu tiegħu qiegħed kull ma jmur jonqos drastikament, hawn Malta jintuża biss minn xi ajruplani ta’ l-AFM, kif ukoll minn numru żgħir ta’ ajruplani żgħar privati. L-ajruplan imsemmi aktar il-fuq żied il-konsum ta’ l-avgas minn ajruplani mhux ta’ l-AFM b’mitejn u tletin fil-mija għall- ġimgħa ta’ bejn it-12 u it-18 ta’ April, u b’erba’ mija u tmienja u ħamsin fil-mija għal-ġimgħa ta’ wara. Dan wassal biex ħażna li kienet ikkalkulata li kellha sservi għal madwar tlettax il-ġimgħa oħra, spiċċat biex ġiet mnaqqsa għal-madwar ħames ġimgħat. L-Enemalta ppruvat li tavvanza il-konsenja ġdida li kienet pprogrammat li tasal fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju, pero minħabba raġunijiet loġistiċi dan ma setax isir. Għaldaqstant, minħabba li kien mistenni li l-attivitajiet ta’ l-AFM kellhom jiżdidu minħabba l-għassa għall-immagrazzjoni rregolari, kellha titieħed id-deċiżjoni sabiex il-provvista ta’ avgas fil-ħażna ta’ l-Enemalta tiġi riservata għall-bżonnijiet ta’ l-AFM biss. Fill-fatt sal-ġurnata tas-sbatax ta’ Mejju, meta sitwazzjoni reġgħet ġiet għan-normal, l-AFM qatt ma ġiet kostretta li tnaqqas l-attivitajiet tagħha minnħabba l-fjuwil.
Irid jingħad li dan it-tip ta’ fjuwil ma jistgħax jinħażen għal tul ta’ żmien għax jista’ faċilment jitlef il-kwalita’ tiegħu u b’hekk ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi wżat aktar. Infatti l-istandards internazzjonli jitolbu li dan il-fjuwil jiġi iċċertifikat kull tlett xhur. Għaldaqstant ma huwiex rakkomandabbli li dan jinħażen fi kwantitajiet kbar sabiex jilqa għal sitwazzjonijiet simili għal dik deskritta hawn fuq. Irid jingħad ukoll li l-piloti ta’dawn it-tip ta’ ajruplani huma konxji miss-sitwazzjoni ta’ provvista ta’ dan il-fjuwil madwar id-dinja, fejn f’ħafna ajruporti internazzjonali dan it-tip ta’ fjuwil ma jeżistix, u għal daqstant dejjem jgħamlu l-indaġni tagħhom qabel ma jidħlu għal ċertu titjir.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm, permezz ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu jew xi sors ieħor tal-Gvern, ingħataw għajnuna l-organizzaturi ta' l-air show fl-inħawi ta' Bugibba/Qawra u San Pawl il-Baħar is-sena li għaddiet? Jista' l-Gvern jara li din is-sena jerġa' jkun hemm is-sapport tal-Gvern għal din l-inizjattiva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta saritilha talba f’dan is-sens, liema talba qed tkun ikkunsidrata.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-bus terminus ta' Bugibba/Qawra jkun hemm faċilitajiet sanitarji biex fihom ikunu jistgħu jinqdew ix-xufiera u l-passiġġieri li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Billi matul l-aħħar leġislazzjoni, f'diversi okkażjonijiet tlabt lill-Kummisarju tal-Pulizija jinvestiga allegazjonijiet li kien qed isiru fil-Parlament, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fihx waslu l-istess investigazzjonijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti aktar dettalji dwar liema allegazzjonijiet qed jirreferi.
Billi l-formula li fuqha jinħadem ir-retail price index ilha stabilita' mhux ħażin, jitsa' l-Ministru jara jekk wasalx iż-żmien li din il-formula tiġi riveduta biex jieħu in konsiderazzjoni r-realtajiet moderni?
Jekk diġa' sar xi studju dwar dan, jista' jagħti tagħrif dwar x'konklużjonijiet ħarġu minn dan l-istudju?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-aħħar weighting frame tal-RPI ġie introdott fis-sena 2002. Essenzjalment, dan il-weighting frame hu msejjes fuq l-aħħar Household Budgetary Survey (HBS) li beda fis-sena 2000 u spiċċa fis-sena 2001. Fil-preżent għaddej HBS ieħor sabiex, fejn ikun hemm bżonn, nibdlu il-weighting frame eżistenti b’wieħed li jirrifletti aħjar il firxa ta’ l-ispejjes fuq oġġetti ta’ konsum u servizzi tal-familji Maltin.
Jista' l- Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx case offices li għandhom xi forma ta' permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu?
Jekk iva, x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet lill-MEPA li qegħdin pendenti għal dawn il-case officers?
Jista' l-Ministru jara li s-siti li jiġu magħżula biex fihom jitqiegħdu l-containers tal-bring-in sites fil-fatt ikunu tali li fihom l-istess containers ma tantx ikunu viżibbli?
Jista' jiġi stabilit xi forma ta' disinn li jservi biex kemm jista' jkun dawn is-siti jkunu moħbija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Membru li għalissa sakemm jindraw iżjed mill-pubbliku u jiġi mħeġġeġ kemm jista’ jkun l-użu tagħhom, tajjeb li dawn jitpoġġew f’post fejn jidhru. Il-proċess kollu ta’ ftuħ ta’ bring-in site isir b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsill li saħansitra jagħżel is-sit fejn jitpoġġew il-containers.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-liġijiet dwar il-kawżi ta' libell jinbidlu radikalment?
Billi s-sistema tal-lum tippermetti li kawżi bħal dawn(u l-kawżi kollha l-oħra) jitkaxkru kemm tkun trid il-parti li tkun qed tiġi akkużata b'malafama (tant li f'każ minnhom - li fih involut jien- l-avukat tal-parti l-oħra sa wasal biex qal li ġab il-
file
tal-kawża żbaljata), jista' darba għal dejjem jiġi stabilit terminu li fihom dawn il-kawżi għandhom jinqagħtu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-kontenut tad-domanda Parlamentari ser jiġi kkunsidrat
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar, skond l-MTA kemm huma:
i) n-numru ta' sodod f'lukandi
ii) n-numru ta' furnished flats
iii) catering establishments
iv) bars
v) diving service providers
fl-inħawi tal-Mellieħa u l-limiti tagħha, inkluża l-Għadira, Ċirkewwa u l-Armier?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-inħawi tal-Mellieħa u l-limiti tagħha, inkluża l-Għadira, Ċirkewwa u l-Armier hemm dawn l-istabillimenti liċenzjati mill-MTA:
1) in-numru ta’ sodod f’lukandi
4,381
2) in-numru ta’
furnished flats
92
3) catering establishments
53
4) bars
31
5) diving service providors
13