Legislature:
Category:
Reset
Active:

Yacht Marinas

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 509, u b'mod speċifiku f'dak li jirrigwardja l-aħħar parti tar-risposta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jsiru l-marinas indikati fir-risposta? Jista' jara li x-xogħol li sar bejn l-MMA u l-MEPA dwar marinas fil-bajja tax-Xemxija ma jisfumawx fix-xejn ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` Marittima qiegħda tagħmel eżerċizzju sabiex tiġi aġġornata l-evalwazzjoni ta` siti differenti fejn jistgħu jsiru yacht marinas ġodda. Dawn is-siti jinkludu wkoll kemm ix-Xemxija kif ukoll Marsaskala, li matul il-leġislazzjoni l-oħra kien diġa sar xi xogħol fuqhom.

Mellieħa — Santa Marija Estate

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 229, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarux stimi tax-xogħolijiet kollha inkluż dawk tas-servizzi li huma meħtieġa fit-toroq kollha ta' Santa Marija Estate? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol f'din l- area ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1046 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bdiewa full-time u part-time rispettivament f'kull waħda mil-lokalitajiet (bliet u rħula) tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2008, mid-Distretti Elettorali ndikati mill-Onor. Interpellant, kien hemm 801 bidwi full time u 641 part time, reġistrati bħala tali, mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mdina — Swar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar survey tas-swar ta' l-Imdina? X'irriżulta minn dan is-survey? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol li kien rakkmandat jekk kien rakkmandat xi xogħol fuq dawn is-swar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-aħħar studju fuq is-swar tal-Imdina sar bejn l-2001 u l-2003 fiz-zona tal-Palazz ta’ Vilhena. Kien ġie stabilit fejn kellhom ikunu l-interventi prijoritarji ta’ konsolidament tas-swar f’din iz-zona. Wara ingħata t-tender għax xogħol ta’ l-ewwel fażi li qed ikun ko-finanzjat mill-EEA. Dan ix-xogħol inbeda u bħalissa għaddej xogħol biex isir il-konsolidament tas-sur ta’ taħt il-Pjazza tal-Kunsill Bejn l-2009 u l-2013 ser jitkomplew l-istudji u x-xogħol f’zoni oħra tal-Imdina. Għal dawn il-proġetti intalab ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali tal-UE.
Leg 11 PQ #1051 Sitting 19 2008-06-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Numru ta' Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' sajjieda full-time u part-time rispettivament f'kull waħda mill-ibliet u rħula tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta’ Jannar 2008, mid-Distretti Elettorali ndikati mill-Onor. Interpellant, kien hemm 72 sajjieda full time u 174 part time, reġistrati bħala tali, mal- Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ. Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tat-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Privatizazzjoni tal-marinas

Question

Billi fil-jiem li għaddew il-Ministru qal li ser issir il-privatizazzjoni tal-marinas immexxija mill-MMA, jista' l-Ministru jgħid jekk din il-privatizazzjoni hix ser titkompla fuq il-pjan maqbul u approvat mill-Kabinett xi xhur ilu? Jekk le, ser isir xi studju ieħor dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Park and ride — Running costs

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ġiet tiswa, in terms of running costs, sal-lum is-sistema tal-Park and Ride għall-Belt Valletta? Jista' jgħid jekk hemmx ħsieb li l-inħawi tal-parkeġġ hux mistennija li jitkabbru? Kemm, xahar b'xahar, minn meta bdiet is-sistema għamlu użu minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-inħawi tal-parkeġġ mhux mistennija li jitkabbru. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni xahar b’xahar ta’ kemm nies użaw is-sistema tax-shuttle bus għall-Belt. Din teskludi l-estensjoni tal-Park and Ride li tinsab ħdejn Horn Works/Crown Works Ditch, fejn in-nies għandhom il-faċilita’ li jużaw is-servizz regolari tal-linja. Fir-rigward ta’ running costs, il-Park & Ride s’issa swiet lil ADT is-somma ta’ €544,573.89, liema spejjeż huma maqsuma hekk: Security €128,982.67 Trasport €415,591.22 Total €544,573.89

Mains ta' l-ilma

Question

Billi kważi kull fejn isiru tiswijiet fis-sistema ta' l-ilma minħabba xi ħsarat, it-triq tibqa' mħaffra waħda sew, b'konsegwenzi serji fuq l-istess triq, tista' l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tara li l-mains jitqiegħdu (fuq perijodu ta' snin) fil-ġnub tat-triq? Jista' minbarra hekk jiġi assigurat li x-xogħol ta' tiswija jsir b'mod aħjar, għaliex jekk tagħmel dawra mat-toroq ta' Buġibba, San Pawl, Qawra u Xemxija tara li hemm ħtieġa qawwija għal titjib f'dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hija konxja ħafna ta’ din il-problema. Fil-fatt, qed tagħmel sforzi biex issolviha minn lati differenti. Diġa’ bdew jittieħdu miżuri biex toroq ġodda ma jergħux jitħaffru billi · is-servizzi tal-ilma (li huma l-kawza priċnipali ta’ ħsarat) jitqiegħdu ġo sleeves tal- plastic kemm għal protezzjoni akbar kif ukoll biex f’każ ta’ ħsara jkunu jistgħu jinġibdu mill-istess sleeve mingħajr ma titħaffer it-triq, jew, · isiru dual mains kif suġġerit mill-Onorevoli Interpellant. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni qiegħda f’kuntatt mal-Awtorita’ Dwar it-Trasport biex tkun din tal-aħħar li tagħmel il-wiċċ tat-toroq wara li dawn jitħaffru mil-ħaddiema tal-KSI. Dan għaliex l-ADT hi ferm iktar esperta f’dan il-qasam milli hi l-KSI.
Leg 11 PQ #1005 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Air Show

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 590,filwaqt li napprezza u nħeġġeġ biex talba bħal din tkun aċċettata u jekk possibli miżjuda, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti ta' l-istess domanda, dwar flus mogħtija s-sena li għaddiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-għajnuna li ngħatat is-sena l-oħra kienet ta’ LM16,357 jew Euro38,101.56. Naturalment talbiet għall-għajnuna tiġi kkunsidrata fl-isfond tal-budget kurrenti ta’ l-Awtorità.

Toroq bit-Tarmac

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 588, jista' l-Ministru jara li n-numru ta' toroq żgħar li jinsabu f'partijiet importanti fix-Xemxija, Qawra, San Pawl il-Baħar u Bugibba jingħataw wiċċ tat-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #1009 Sitting 18 2008-06-17 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Mellieħa — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamnetari 224 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' anzjani li bħalissa huma residenti fid-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa? Kemm hemm spazju available f'din id-dar? Minn liema lokalita' huma dawk il-persuni li qed joqogħdu fid-dar, u fejn kienu rikoverati qabel marru fid-dar ta' l-anzjani?

Response (DALLI, JOHN)

Wara ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat biex jinsab aktar staff għad-dar ta’ l-anzjani tal-Mellieħa, in-numru ta’ residenti issa tela’ għal 96. Fadal 34 spazju, li dawn jistgħu jimtlew biss wara li jinstab l-istaff li hemm bżonn. L-informazzjoni dwar il-lokalitajiet ta’ dawn il-persuni u fejn kienu rikoverati qabel qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #602 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Case Officers

Question

Jista' l- Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx case offices li għandhom xi forma ta' permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu? Jekk iva, x'inhu n-numru ta' applikazzjonijiet lill-MEPA li qegħdin pendenti għal dawn il-case officers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa għandha żewġ (2) case officers li għandhom permess biex jassentu ruħhom mix-xogħol minħabba courses li qed jattendu. Dawn, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità, għandhom bejniethom 113-il applikazzjoni pendenti quddiemhom. Ma jfissirx li fiż-żmien meta dawn l-uffiċjali jkunu assenti mix-xogħol ma jsirx xogħol fuq dawn l-applikazzjonijiet.

Buġibba — Monitoring cameras

Question

Billi xi xhur ilu ġew installati monitoring cameras f'numru ta' lokalitajiet, waħda minnhom fl-inħawi tal-bajja ta' Buġibba (ħdejn il-breakwater), jista' l-Ministru jara li din il-camera tintuża biex jitwaqqfu l-abbużi minn numru żgħir ta' operaturi li qed jikkawżaw problemi għal operaturi oħrajn, u għal sidien tad-dgħajjes privati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Eżami ta' Profiċjenza

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 499, filwaqt li napprezza li dan l-eżami mhux intenzjonat għall-ebda użu ieħor, ħlief għal dawk li jkunu se jagħmlu l-kors ta' għalliema, fl-istess ħin ma nara l-ebda problema biex jinħareġ ċertifikat, iktar u iktar meta llum joħorġu numru kbir ta' ċertifikati oħra. Fl-istess waqt, tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tkun għamlet dan l-eżami, ikollhiex terġa' tagħmel l-istess eżami jekk ma tidħolx għall-imsemmi kors hekk kif tgħaddi minnu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Lardarba applikant jgħaddi mill-eżami ta’ profiċjenza, ma jerġax jagħmel dan l-eżami jekk jitħajjar japplika jew jibda l-kors ta’ Baċellerat fl-Edukazzjoni f’xi żmien iktar tard.
Leg 11 PQ #871 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 504, jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' traffic impact statement li ġew mitluba globalment mill-MEPA matul is-sena 2007 u din s-sena sa Mejju? Kemm minn dawn ġew sottomessi, u kemm minnhom ġew meqjusa mhux aċċettabbli? Kien hemm każi fejn l-istudji ġew aċċettati wara l-bdil tal-konsulent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Jannar 2007 u Mejju 2008, id-Direttorat ta' l-Ippjanar ħareġ "Terms of Reference" għal tlieta u sebgħin (73) "Traffic Impact Statement". Minn dawn, ġew sottomessi sitta u ħamsin (56) studju liema minnhom, sitta (6) ma kienux meqjusa bħala aċċettabli. Fuq dawn is-sitt studji ntalab li jsir titjib. Erbgħa minn dawn għadhom fil-proċess li jiġu mtejba, wieħed ġie sottomess b'titjib aċċettabbli u wieħed ġie sottomess iżda xorta mhux aċċettabbli u għalhekk ser issir rakkomandazzjoni li l-applikazzjoni tiġi rrifjutata.

Fawran tad-drenaġġ

Question

Billi fil-bidu tas-sajf ta' kull sena jibda fawran tad-drenaġġ f'diversi partijiet ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan ma jirrepetix ruħu din is-sena? Jista' b'mod partikolari jinvestiga dwar x'wassal biex illum, 4 ta' Ġunju, 2008 hemm fawran fit-triq prinċipali (Triq il-Pijunieri) li qed jispiċċa fil-qalba ta' l-area turistika ta' dawn l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħal kull sena qabel jibda s-sajf, il-Korporazzjoni tnaddaf il-mejnijiet li għandha madwar ix-xtut ħalli tnaqqas il-possibilita’ ta’ żbroff ta’ drenaġġ fil-baħar. Madanakollu, fl-4 ta’ Ġunju 2008, kien hemm sadd fil-mejn prinċipali fi Triq il-Pijunieri li tneħħa minn ħaddiema tal-Korporazzjoni malli ġie rrapurtat l-fawran.
Leg 11 PQ #879 Sitting 17 2008-06-16 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Festival tan-nar

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 493 li saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, jista' l-Prim Ministru jara li l-MTA - li skond dik ir-risposta hi l-organizzatur tal-festival tan-nar - flimkien mal-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar u l-kumitat tal-festa ta' l-istess lokalita', jorganizzaw l-festival tan-nar tas-sena d-dieħla fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra, Xemxija possibilment fuq il-baħar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta lesta tikkunsidra li torganizza l-Festival tan-Nar f’lokalitajiet oħra minbarra l-Port il-Kbir fejn kien tradizzjonalment isir. Naturalment iridu jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha qabel tittieħed deċiżjoni finali.

San Pawl il-Baħar — Leakage ta' ilma

Question

Billi fl-inħawi ta' madwar San Pawl il-Baħar, b'mod regolari jkun hemm leakages ta' ilma f'diversi toroq, kważi kuljum, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' unaccounted for water meta wieħed iqis l-ammont ta' ilma li jintuża u dak li jiġi reġistrat bħala użat, fl-inħawi msemmija? Billi bosta mit-toroq ta' San Pawl il-Baħar u l-madwar mhux mibnija fuq il-blat, x'qed tippjana li tagħmel il-Water Services Corporation biex tnaqqas dan il-ħela ta' ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-bidu ta' din is-sena, l-medja tal-ilma li twassal fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, li jinkludi wkoll l-inħawi tal-Magħtab, Salini, Qawra, Buġibba, Burmarrad, Għajn Tuffieħa u l-Manikata, kien ta’ madwar 154m3 fis-siegħa. Mill-banda l-oħra, fl-istess perjodu, il-leakage tal-ilma kien ta’ madwar 42m3 fis-siegħa. It-tir tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma hawnhekk hu li tniżżel dil-figura sa madwar 18m3 fis-siegħa.

Opri tal-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' operaturi ta' l-opri tal-baħar li huma awtoriżżati mill-MMA biex jaħdmu mill-inħawi ta' San Pawl il-Baħar,Mellieħa u Mġarr rispettivament? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar x'tip ta' opri tal-baħar huma awtoriżżati li jħaddmu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra