Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk huwiex minnu li se tiġi stabbilita skema bejn il-Ministeru u l-kunsilli lokali biex dawn ta' l-aħħar jamministraw ir-rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Interpellant li għadu qed jiġi evalwat kif l-aħjar li tiġi mwettqa din il-miżura.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-ADT jieħu l-passi neċessarji biex ħdejn il-ground tal-football f'San Pawl il-Baħar (fejn id-daħla ta' Buġibba) jiġu nstallati pelican lights minħabba l-fatt li t-tfal li jattendu l-ground huma fil-periklu li jintlaqtu mill-karozzi li jgħaddu mill-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-traffic lights hija approvata minn naha tal-ADT u bħalissa qed jinħadmu l-istimi biex din tkun tista’ ssir.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1257 minkejja l-fatt li l-esportazzjoni ġiet liberalizzata fl-2004, jista' l-Ministru jagħti t-totali kkonċernati għaliex kieku jiġi aċċettat il-prinċipju msemmi fir-risposta, qatt ma ngħataw risposti dwar il-bejgħ ta' prodotti li jsir fil-Pitkalija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni dwar bejgħ mill- pitkalija, li taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-gvern, tirrigwardja prodotti mibjugħa minn hemmhekk għas-suq lokali. L-informazzjoni li qed tintalab dwar bejgħ ta’ patata tirrigwarda bejgħ li jsir minn individwi privati lill-entitajiet barranin u l-patata ma tgħaddix mis-sistema tal-pitkalija. Dawn it-transazzjonijiet għalhekk huma ta’ natura kummerċjali.
Pero, l-Onor Membru jista’ jirreferi partijiet mid-domanda tiegħu, lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex numru ta' globi li hemm ħdejn il-pitch tas-Sirens Aquatic Sports Club, li ilhom maqtugħa numru ta' xhur jiġu rranġati, għaliex qed iservu ta' nkonvenjent kbir għal dawk li jattendu din il-faċilita'?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li tlieta mill-arbli li hemm ħdejn il-pitch tas-Sirens Aquatic Sports Club huma responsabbilta' tal- Enemalta u ħa jiġu mibdula fil-jiem li ġejjin.
Rigward il-bqija tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għar-risposta li ġejt mogħti dwar pjanta li turi s-siti storiċi ta' San Pawl il-Baħar (three dimensional) li fiha rreferietni għall-MEPA, tista' l-Ministru tara li fil-fatt tagħti l-għajnuna ta' Heritage Malta biex din il-pjanta, li diġa' hija ppreparata minn volontarji, tiġi stampata u użata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex il-volontarji konċernati jagħmlu talba formali lill-Heritage Malta sabiex tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni, skond il-kategorija ta' l-ETC li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f'kull waħda mill-ibliet/rħula tas-7,11 u 12-il distrett elettorali?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li s-Sirens Water Polo Club jingħata xi forma ta' kumpens bħala parti mill-ħlas biex tissewwa l-ħsara fil-pitch u l-madwar, wara l-maltemp ta' xi xhur ilu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport għandu talba għall-għajnuna mill-imsemmi klabb li saret wara li ġew diskussi u deċiżi t-talbiet għall-assistenza skond l-iskema tal-Kunsill Malti għall-iSport għas-sena 2008. Din it-talba ser tkun diskussa f’laqgħa tal-Bord tad-Diretturi flimkien ma’ talbiet oħra urġenti li daħlu f’din is-sena.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta' permessi għall-bini ta' industrial areas lokali fuq art tal-gvern bħal fil-każ tal-Mellieħa? Meta hu mistenni li jinħarġu l-permessi għal dan ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità għandha żewġ applikazzjonijiet ssottometti mill-gvern, fuq art tal-gvern, ta' bini ta' industrial areas magħrufa aħjar bħala SME's. Dawn huma tal-Mellieħa u tax-Xewkija.
Fil-każ tal-Mellieħa l-Awtorità għaddeja konsultazzjonijiet ma’ l-Enemalta u ma’ l-Awtorità tat-Trasport. Hu mistenni li jekk ma jkunx hemm ħtieġa ta’ aktar konsultazzjonijiet jew bdil fil-pjanti, r-rakkomandazzjoni mid-direttorat toħroġ fiż żmien xahar minn meta l-perit ta' l-applikazzjoni jagħti l-informazzjoni kollha mitluba mill-awtorità.
Għar-rigward tax-Xewkija, id-direttorat qed tistenna lill-perit jissotometti dokumenti mitluba xi żmien ilu biex tkompli għadejja bil-proċess ta' l-applikazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol tal-Marfa Action Plan li kienet qed taħdem fuqu l-MEPA? Meta ġie ppublikat l-ewwel draft ta' dan il-pjan u x'ġara fuqu matul iż-żmien sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Public Consultation Draft tal-Marfa Action Plan ġie ppubblikat għal konsultazzjoni pubblika f'Ġunju ta’ l-2002. L-Awtorità rċeviet 23 sottomissjoni mill-pubbliku li ġew analizzati u ġew ifformolati proposti għar-reviżjoni tal-Pjan rigward ħarsien ta' art agrikola u art saqwija, żvilupp turistiku, żvilupp għal camping u għal caravans, ħarsien tal-wirt storiku u żvilupp ta' kmamar viċin il-baħar (beachrooms). Dawn ir-reviżjonijiet jinvolvu konsultazzjoni u diskussjoni kemm interni fi ħdan il-MEPA kif ukoll ma’ diversi dipartimenti u aġenziji tal-Gvern li għadhom ma ġewx konklużi.
Kif jiġu solvuti d-diversi punti li għadhom pendenti, l-Pjan jiġi approvat mill-Bord u mbagħad jintbagħat għall-approvazzjoni tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi dwar it-talba li għamilt xi ġimgħat ilu biex f'ħinijet partikolari tal-ġurnata jkun hemm karozzi tal-linja li jitilqu minn ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini fix-Xemxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda tiddiskuti ma' l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex ikun hemm servizz li jitlaq mix-Xemxija għall-Belt Valletta fil-ħinijiet li jirriżulta li teżisti domanda.
Dawn id-diskussjonijiet huma mistennija li jiġu konklużi fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li s-sistema tad-drenaġġ fil-Baħrija tkun komunikata mal-mains jew li ssir waħda self sufficient fis-sens li jkun hemm xi forma ta' purifikazzjoni ta' l-imsemmi drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni qed taħdem fuq pjan biex tinstalla impjant żgħir ta' trattament tad-drenaġġ fil-Baħrija stess. Dan kif ħabbart fid-diskors tiegħi dwar l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Prim Ministru jara li l-kunsilli lokali jingħataw il-possibilita' li jissellfu flus għal proġetti partikolari, li jkunu approvati minn qabel mill-gvern ċentrali, biex titjib lokali jkun jista' jsir ħafna qabel għall-benefiċċju ta' dawk li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet u fejn hemm ħafna viżitaturi jitgawdew minnhom ukoll?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-possibiltà li Kunsill Lokali jissellef flus biex ikun jistà jwettaq proġetti partikolari diġà teżisti. L-Artikolu 3(2)(a) ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap 363) jipprovdi li Kunsill Lokali jistà jissellef flus bl-awtorità bil-miktub tal-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali bi ftehim mal-Ministru responsabbli għall-finanzi.
Teżisti policy li tinkludi d-dokumentazzjoni meħtieġa biex tiġi evalwata talba ta’ Kunsill qabel tingħata l-approvazzjoni. Kunsill Lokali li jrid jagħmel self irid jipproċedi permezz tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tenders tax-xogħol marbut mat-toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali (Crafts Village) fil-fatt ġewx evalwati? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kuntratturi li se jagħmlu x-xogħol fil-fatt intgħażlux?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-seba' offerti sottomessi għax-xogħlijiet ta' toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali għadhom fil-proċess ta' evalwazzjoni teknika mill-kumitat maħtur apposta mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' concessions hemm validi bħalissa għal dawk li huma areas għat-tħaffir taż-żejt? Hemm xi ħsieb li jingħataw areas oħra għat-tiftix taż-żejt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li jista’ jieħu l-informazzjoni dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija minn fuq is-sit www.mri.gov.mt/default.aspx?MLEV=10&MDIS=48.
Permessi għal tiftix taż-żejt f’
areas
oħra jistgħu jingħataw kull meta jkun hemm proposti serji u vantaġġjużi għal Malta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li jridu jirrapurtaw kuljum fl-għasses tal-lokal tagħhom, f'kull wieħed mill-ibliet/rħula tas-7, 11 u 12 -il distrett elettorali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqieghed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Billi minn din is-sena sar possibli li persuna tieħu l-pensjoni u tibqa' taħdem mingħajr ma titlef xejn mill-pensjoni tagħha, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hawn talbiet biex dawk li għalqu l-61 sena jibqgħu jaħdmu, jekk kellhom għalfejn jagħmlu tali talbiet?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li dawk il-persuni li kienu diġa’ qed jirċievu pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali għall-irtirar u reġu bdew jaħdmu wara l-5 ta’ Jannar 2008 ma kellhom bżonn jagħmlu ebda talba biex ma jitilfux il-pensjoni.
Ninsab infurmat li mill-2,474 persuna li applikat għall-pensjoni għall-irtirar, bejn l-1 ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju 2008, 2,054 kien għadhom jidhru li kien għadhom jaħdmu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni teżisti bejn l-ETC u l-OHSA biex jiġi assigurat li s-sigurta' fuq il-post tax-xogħol b'mod partikolari fuq siti ta' kostruzzjoni, fabbriki u lukandi tkun dejjem ta' l-ogħla livell?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-kollaborazzjoni bejn il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħrig u l-Awtorita dwar is-Saħħa u Siġurta’ fuq il-Post tax-Xogħol priċipalment tikkonsisti f’ taħriġ, fil-qasam ta’ saħħa u sigurta’ fuq il-postijiet tax-xogħol, mogħti mill-Awtorita’ kemm lill-impjegati tal-Korporazzjoni kif ukoll lill-parteċipanti ta’ skemi organizzati mill-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fiċ-Ċirkewwa (bejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa) matul il-bankina kollha jsir xi forma ta' ilqugħ bejn il-bankina u l-blat biex jitnaqqas il-periklu għal dawk li jkunu qed jimxu fuq il-bankina?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li l-pjanti li kienu saru biex fit-triq taċ-Ċirkewwa (bejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa) jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jitnaqqas il-periklu għal dawk li jgħaddu minn hemm bil-vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.