Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #1826 Sitting 34 2008-07-16 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Tkabbir ta' ċimiterji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti għat-tkabbir, jew bini ġdid, ta' ċimiterji f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet huma ċ-ċimiterji li qed jiġu proposti li jiġu estiżi? Fejn hemm talbiet pendenti biex jinbnew ċimiterji ġodda, skond il-MEPA?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, fi ħdan il-Ministeru għal Politika Soċjali, irċieva żewġ applikazzjonijiet għall-bini ta’ ċimiterji ġodda f’Malta. Waħda mill-applikazzjonijiet hija għall-bini ta’ ċimiterju f’Tar-Raddieni, Birkirkara u l-oħra għall-bini ta’ċimiterju ġdid f’Tal-Brija, limiti tas-Siġġiewi. Dan id-Dipartiment qiegħed jistenna wkoll il-ħruġ tal-permess tal-MEPA sabiex ikun jista' jiżdied in-numru ta’ oqbra fiċ-ċimiterju Omm il-Hniena, fil-Mellieħa. Applikazzjoni oħra li dan id-Dipartiment jaf li għadha trid tiġi kkunsidrata mill-MEPA, għaliex intalbu il-veduti tad-Dipartiment dwarha, hija l-applikazzjoni għat-tkabbir taċ-ċimiterju tal-Lhud fil-Marsa. F’Għawdex, m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti għall-bini ta’ ċimiterju ġdid jew għall-estensjoni ta’ xi ċimiterju eżistenti. Madankollu, ċimiterju ġdid qiegħed jinbena f’Għajn il-Qasab, fin-Nadur. Dan il-bini għadu fl-ewwel stadji. Għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-estensjoni ta’ parti miċ-ċimiterju tal-parroċċa tax-Xagħra. Għal aktar dettalji dwar xi applikazzjonijiet oħra pendenti li jista' hemm għall-konsiderazzjoni tal-MEPA, l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bus Shelter

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex numru ta' bus stops li hemm mad-dawra tal-Qawra u l-front ta' Bugibba, kif ukoll fi Triq il-Pijunieri u mat-triq tal-kosta, fil-fatt ikollhom bus shelter għaliex dawn il-bus stops mhux qed jagħtu l-protezzjoni meħtieġa lil dawk li jistennew tal-linja fuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li li t-tqegħid u l-manutenzjoni ta’ bus shelters f’ żoni residenzjali huma fir-responsabbilta’ tal-Kunsilli Lokali. Il-Kunsilli Lokali huma obbligati li jagħmlu applikazzjoni lill-MEPA f’ dan ir-rigward, filwaqt li l-ADT tiġi ikkonsultata fuq din l-applikazzjoni mill-MEPA. Infurmat ukoll li d-dawra tal-Qawra, kif ukoll Triq il-Pijunieri jaqaw taħt ir-responsabbilta tal-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Rigward ' mat-triq tal-kosta' nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iżjed speċifiku fil-mistoqsija tiegħu ħalli nkun nista' nwieġbu sew.

Għaqda Sportiva- Skemi

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dettaljat dwar kif għaqda sportiva tista' tibbenifika minn xi waħda mill-iskemi li ħabbar il-Gvern dan l-aħħar? Fl-istess ħin, tista' tagħti tagħrif dwar kif il-ġeneturi ta' tfal/żgħażagħ li jħallsu xi miżata jistgħu japplikaw għal din l-għajnuna? Hemm xi limitu ta' ħlas li jista' jiġi ddikjarat għal dan l-iskop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Reserved Parking Spaces

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar skond l-ADT kemm hu n-numru ta' reserved parking spaces li huma approvati fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar,Bugibba, Xemxija u Burmarrad?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Telgħa tax-Xemxija — Ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex fit-telgħa tax-Xemxija ssir xi forma ta' trinka biex l-ilma li qed jiġri fit-triq, b'danni għat-traffiku ma jibqax joħroġ fit-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li se ssir spezzjoni fuq il-post biex jiġi stabbilit x’inhi n-natura tal-problema u biex jiġu proposti soluzzjonijiet b’konnesjoni mal-każ imsemmi.
Leg 11 PQ #1783 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bini ta' Serrer

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' serer li huma pendenti bħalissa quddiem bordijiet differenti tal-MEPA? Kemm kien hemm applikazzjonijiet bħal dawn li ġew approvati matul l-2006, 2007 u 2008 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità approvat sebgha u tletin (37) applikazzjonijiet ghall-bini u/jew alterazzjonijiet ta’ serer matul l-2006, 2007 u 2008. Rigward in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-bini ta’ serer li huma pendenti bħalissa quddiem il-bord DCC A (il-bord li tieħu d-deċiżjonijiet għall-dan it tip ta’ żvilupp) huma tnejn (2) u ħamsa (5) quddiem il-Bord ta l-Appell.

Esperti Barranin

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ġew Malta l-aħħar esperti barranin f'oqsma diversi ta' l-agrikoltura, ortikoltura u l-avikultura biex jikkondinaw aġġornament xjentifiku lil dawk li jieħdu sehem f'dawn l-attivitajiet lokalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-aħħar esperti fil-qasam ta’ l-agrikoltura ġew bejn Frar u Lulju 2006. Dawk fil-qasam ta’ l-Ortikoltura ġew fis-sajf ta’ l-2004 filwaqt li fil-qasam ta’ l-Avikoltura l-aħħar espert kien hawn f’Marzu 2008.

Santa Marija Estate — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-istimi li saru biex ikunu jistgħu jsiru xogħolijiet fid-19-il triq li hemm ippjanti f'Santa Marija Estate? Kemm huma l-istimi tal-varjazzjonijiet u meta hu mistenni li jiġi finaliazzat ix-xogħol ikkonċernat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT ħarget sitt period contracts f’Santa Maria Estate li jinkludu xogħlijiet fi tnax-il triq differenti. Il-varjanzi saru primarjament fix-xogħlijiet ta’ dranaġġ kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din it-tabella tagħti ukoll breakdown ta’ l-ammonti minfuqa f’kull triq. Ix-xogħol mistenni jitlesta għall-aħħar tas-sena.
Leg 11 PQ #1795 Sitting 33 2008-07-15 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Rabat — Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hummx il-ħsieb li fir-Rabat, jew l-inħawi tiegħu, jinbena ċimiterju ġdid jew jiġi mkabbar xi wieħed eżistenti?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm fil-preżent m’hemm xejn ippjanat rigward it-tkabbir jew bini ta’ xi ċimiterju ġdid fir-Rabat, mhux eskluża l-possibilita’ li fil-futur tittieħed f’konsiderazzjoni li xi ċimiterji fl-inħawi msemmija, jiġu riabilitati.

San Pawl il-Baħar — Mina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-ADT għandhiex il-ħsieb li twettaq xi proġett ta' mina fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar/Xemxija, f'liema mina tkun tista' ssir triq? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li ssir u x'konsultazzjoni saret jew għad trid issir dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-ħsieb hu etern nitlob l-Onor. Interpellant jillimita ż-żmien li qed jaħseb dwarhu !

Ġarr ta' passiġġieri fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema regolamenti marbuta mal-ġarr ta' passiġġieri minn speed boats, luzzijiet u opri tal-baħar inbidlu jew se jinbidlu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? X'wassal għal dan it-tibdil?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li ma nbidel xejn !

Ħemsija — Dawl tat-Triq RRanġat

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-dawl tat-triq bejn Ta' Ħemsija u r-roundabout Rabat/Attard/Żebbuġ li ilu maqtugħ diversi ġimgħat jiġi rranġat għaliex bil-lejl qed ikun ta' periklu kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT qed tara xi ħsarat hemm fid-dawl tal-imsemmija triq.

Ċirkewwa — Bankina

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fiċ-Ċirkewwa (bejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa) matul il-bankina kollha jsir xi forma ta' ilqugħ bejn il-bankina u l-blat biex jitnaqqas il-periklu għal dawk li jkunu qed jimxu fuq il-bankina?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT se tkun qed tevalwa t-talba tal-Onor. Interpellant.

Xemxija/Għajn Tuffieħa — Akwadott

Question

Tista' l-Ministru tara li l-akwadott li hemm fit-triq li mix-Xemxija tieħu lejn Għajn Tuffieħa jiġi restawrat? B'mod partikolari tista' l-Ministru tara li l-parti ta' l-istess akwadott waqgħet is-sena li għaddiet, tiġi rranġata qabel jinsteraq il-ġebel tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Tarġa Gap — Żjut

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu ż-żejt maħruġ li jidher fuq waħda mit-tappieri fil-ġenb tat-triq in-naħa t'isfel ta' Tarġa Gap, bejn il-Mosta u Għajn Rihana (Burmarrad) billi jidher li xi ħadd ma kellux fejn jarmi dan iż-żejt? Saret xi ħsara oħra barra dik li tidher fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ qed ikun investigat.
Leg 11 PQ #1569 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Il-Programm PROUD

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jitħaddem il-programm PROUD? Hemm xi kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu osservati minn dawk li japplikaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Rapport tal-BAAI

Question

B'riferenza għar-rapport tal-BAAI li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi jiem ilu, billi hemm nota li xi ħadd għadda siltiet minn gazzetti kontra r-regoli, jista' l-Ministru jgħid lil min (mhux ismijiet) għadda dan ir-rapport qabel wasal il-Parlament ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jispiega li jekk ma jixtieqx jisma ismijiet, kif jixtieq li tkunlu kommunikata t-tweġiba li jixtieq?
Leg 11 PQ #1685 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bajja tax-Xemxija

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-MTA tikkonsidra l-possibilita' li l-bajja tax-Xemxija wara l-breakwtaer tal-Veċċja tiġi żviluppata f'bajja bir-ramel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Malta Tourism Authority diġà qed tikkunsidra attivament li l-bajja tax-Xemxija tiġi rijabilitata. Dan is-sit hu wieħed minn ħamsa fiż-żona ta’ San Pawl il-Bahar / Buġibba / Qawra li qed ikunu studjati għal dan il-għan.
Leg 11 PQ #1687 Sitting 32 2008-07-14 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Petrol Stations

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' petrol stations li hemm applikati quddiem il-MEPA preżentament? Fejn jinsabu? Kemm petrol stations oħra ġew approvati mill-MEPA matul l-2007?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha tmintax-il (18) applikazzjoni għal petrol stations ġodda jew relokazzjoni ta’ petrol stations eżistenti. Matul is-sena 2007, il- MEPA m’approvat l-ebda petrol station ġdida u l-ebda relokazzjoni ta’ petrol station eżistenti. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #1480 Sitting 31 2008-07-09 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiżjar ta' l-għażla tiegħek

Question

Billi issa f'xi lokalitajiet l-iskema ta' l-ispiżjar ta' l-għażla tiegħek ilha li ġiet introdotta numru ta' xhur, jista' l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar jekk il-konsum tal-mediċini f'dawn il-lokalitajiet naqasx jew żdied?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata peress li ma kienet tinżamm l-ebda informazzjoni dwar il-konsum individwali qabel ma ddaħlet l-iskema ta' l-Għażla Tiegħek.