Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-kwalifiki ta' tobba barranin li huma meħtieġa biex ikunu jistgħu jiġu mpjegati fl-isptarijiet Maltin? Minn liema pajjiżi hu possibli li joriġinaw dawn it-tobba biex ikunu jistgħu jipprattikaw fl-isptarijiet tagħna?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li tabib jista jiġi impjegat mad-Diviżjoni tas-Saħħa kemm jekk ikun ġej mill-Unjoni Ewropeja (UE) jew le fuq dawn il-kriterji:
Ċittadini ta’ l-UE
Il-kwalifiċi mediċi ta’ tobba li ġejjin minn pajjiżi ta’ l-UE huma regolati mill-Att Dwar ir-Rikonoxximent Reciproku tal-Kwalifiki (Mutual Recognition of Qualifications Act). Il-Kunsill Mediku jivverifika dawn il-kwalifiki skond l-Att Dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa (Health Care Professions Act), it-Tieni Skeda, u jirreġistra t-tabib skond il-każ. Licenzja sabiex tabib ikun jista’ jipprattika tinħareg mill-President ta’ Malta. Reġistrazzjoni bħala speċjalista trid tiġi akkwistata wara verifikazzjoni mill-Kumitat għall-Approvazzjoni ta’ Speċjalisti (Specialist Accreditation Committee). Il-Kunsill Mediku jinsisti fuq ċertifikat aggornat ta’ “good standing”.
Ċittadini mhux ta’ UE
Fil-każ ta’ dawk l-applikanti li ġejjin minn pajjiżi terzi, li l-kwalifiki tagħhom ma’ ġewx rikonoxxuti fi Stat Membru, il-Kunsill Mediku jista’, fid-dawl ta’ dawn il-kwalifiki:
1. Jitlob lill-applikant sabiex jogqgħod għal eżami statutorju u/jew jagħmel perjodu ta’ sentejn bħala “Houseman”
2. Il-Kunsill Mediku jista’ jirrikonoxxi l-kwalifiki oriġinali tat-tabib applikant
3. Il-Kunsill Mediku jinsisti fuq ċertifikat aġġornat ta’
good standing
u profiċjenza fil-lingwa Maltija jew Ingliża
4. Reġistrazzjoni bħala speċjalista hija meħtiega wara verifika mill-Kumitat għall-Approvazzjoni ta’ Speċjalisti (
Specialist Accreditation Committee
)
Informat ukoll li fi kwalunkwe każ, it-tabib ikun irid jattendi għal intervista mal-Kap tad-Dipartiment relevanti sabiex tkun tista’ tingħata r-rakkomandazzjoni jekk jiġix impjegat jew le.
Issa li ġie ppubblikat ir-rapport dwar l-investigazzjoniijet li għamel il-BAAI jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk is-sistema tar-radar hix qed taħdem kollha, kemm dik primary kif ukoll dik secondary? Hemm il-ħsieb li jsir xi upgrade tas-sistema tar-radar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi s-sistema tar-radar qed taħdem kollha. Infurmat ukoll li l-Malta Air Traffic Service Ltd mistennija illi dalwaqt jibdew jinstallaw sistema ġdida ta' radar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li titfassal u titwettaq xi policy dwar l-isqaqien fir-raba' tagħna (dawn l-istess sqaqien//toroq fil-fatt qed ikunu ta' tbatija għall-bdiewa tagħna) fis-sens li dawn ikunu jistgħu jingħataw xi forma ta' wiċċ ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li fil-Program ta’ Żvilupp Rurali għal Malta li jkopri l-perjodu bejn 2007-2013 hemm miżura li tindirizza l-bżonn li sqaqien fir-raba’ eżistenti jiġu riabilitati. Din il-miżura, li se tiġi mnedija f’qasir żmien, toffri għajnuna finanzjarja lil gruppi jew assoċjazzjonijiet ta’ bdiewa li jixtiequ jagħmlu dan it-tip ta’ xogħol fuq bażi reġjonali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet pendenti li hemm għand it-Joint Office biex jinfeda ċ-ċens ta' propretajiet residenzjali u kummerċjali rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi jien infumat li sat 30 ta’ Ġunju 2008 l-Uffiċċju Konġunt irċieva 5360 applikazzjoni għall-fidi ta’ ċens jew xiri ta’ proprjetajiet residenzjali taħt l-iskema prezenti. Minn dan l-ammont baqa 2837 applikanti li, għalkemm il-maġġoranza tagħhom irċevew is-somma li biha jistaw jixtru il-fond jew jifdu ċ-ċens impost fuqu, għad irid jiġi ippublikat il-kuntratt relatat.
M’hemm l-ebda skema għal talbiet ta’ fidi ta’ ċnus fuq proprjeta’ kummerċjali u għaldaqstant, l-Uffiċċju Konġunt ma jzommx tali statistika dwar dawn il-proprjetajiet.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm ilha li tqiegħdet fis-seħħ ir-rotta diretta li twassal miċ-Ċirkewwa sa l-airport? X'tip ta' skeda ġiet użata sal-lum, fis-sajf u fix-xitwa? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri li nġarru sal-lum, u kemm tħallas sussidju mill-gvern fuq din ir-rotta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-rotta li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant hi operata b'kuntratt li l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku għandha m'entita pubblika terza u allura l-informazzjoni li qed jitlob ma tinżammx mill-ADT. Is-servizz mhux eliġibbli għal sussidju taħt il-ftehim ta' bejn l-ADT u l-ATP.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li għaddew bord kull sena matul l-aħħar 5 snin f'kull wieħed mill-lokalitajiet tas-7,11 u 12-il distrett?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal persuni li bdew jirċievu Pensjoni għall-Invalidita’, mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li mietu kull sena mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bejn 1-ewwel ta’ Jannar tas-sena 2003 sa’ l-aħħar ta’ Ġunju tas-sena 2008, ġew irreġistrati li mietu 17,355 resident Malti u Għawdxi.
Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi n-numru ta’ persuni li mietu xahar b’xahar.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex arblu tad-dawl perikoluż fit-triq li mill-Mosta twassal għall-Imġarr jinqala' kemm jista' jkun malajr u jinbidel bil-bozza b'kollox għaliex ilu xhur sħaħ f'dan l-istat wara inċident tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dan l-arblu tad-dawl ġie mibdul.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-privatizzazzjoni mħabbra tal-marinas hux se tibqa' issir fuq il-pjan approvat mill-Kabinett xi xhur ilu, inkella hux se jsir kollox mill-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li din il-privatizazzjoni ser issir fuq il-pjan li l-Kabinett approva.
Billi fil-jiem li għaddew il-Ministru qal li ser issir il-privatizazzjoni tal-marinas immexxija mill-MMA, jista' l-Ministru jgħid jekk din il-privatizazzjoni hix ser titkompla fuq il-pjan maqbul u approvat mill-Kabinett xi xhur ilu? Jekk le, ser isir xi studju ieħor dwar dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma l-informazzjoni li tajt għar-risposta għall-PQ 726.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex meta l-pulizija jieħdu sehem f'xi attivita' biż-żwiemel jew klieb tagħhom, fil-fatt ikollhom magħhom persuni li jieħdu ħsieb inaddfu jekk kemm-il darba jkun hemm xi ħmieġ ta' dawn l-annimali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi hija l-poċedura viġenti li kull fejn tkun ser issir xi wirja kemm mill-klieb kif ukoll miż-żwiemel tal-Pulizija, isiru l-arranġamenti minn qabel mal-Kunsill tal-Lokal sabiex isir it-tindif f'każ li dawn l-annimali jħammġu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' electricity surge li kien irrappurtat lill-Enemalta mill-klijenti tagħhom għall-perijodu 2007 u 2008 sal-lum? Fl-istess perijodu kemm kien in-numru ta' surge li ġew irrappurtati mill-personel ta' l-istess korporazzjoni? F'liema lokalitajiet kienu? X'kunpens ingħata lil min sofra d-danni?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, li hi korretta sal-11 ta' Lulju 2008.
Billi matul l-aħħar ġimgħat numru sostanzjali ta' sinjali tat-traffiku dehru mgħawġa, u għandi għax nemmen li dan sar b'riżultat ta' atti vandali, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn it-tabelli jiġu rranġati jew fil-fatt jinbidlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa d-Direttorat qiegħed jipprepara tenders ġodda biex ikun jista' jsir ix-xogħol meħtieġ fuq tabelli u sinjali tat-traffiku li ġew imkissra jew vandaliżżati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet lid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili biex minbarra t-titjiriet regolari li qegħdin isiru bis-sea plane bejn il-Port il-Kbir u l-Imġarr, Għawdex isiru wkoll titjiriet regolari, jew bi prova, minn portijiet oħra f'Malta jew Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li m'hemmx talbiet biex isiru titjiriet minn portijiet oħra f'Malta jew Għawdex.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-fażijiet li fihom se jinqasam l-iżvilupp propost (in parti diġa' komplet) fl-inħawi ta' Kennedy Grove, Salini u l-Qawra? Jekk se jkun hemm xi forma ta' kiosk, jista' jgħid meta hu mistenni jibda jitħaddem u minn min?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-iżvilupp propost fl-inħawi ta' Kennedy Grove, Salini u l-Qawra huwa maqsum fi tlett fażijiet. L-ewwel fażi hija l-parti ta’ fuq li diġà nfetħet għall-pubbliku u li fiha hemm l-ikbar area rikreattiva tal-fażijiet kollha. Inkluż f’din il-fażi se jkun hemm kiosk li ser jinħareġ tender għalih mid-Dipartiment ta’ l-Artijiet. It-tieni fażi hija dik ta’ madwar il-monument ta’ Kennedy Grove li tinkludi wkoll ir-restawr tal-monument. It-tielet fażi hija r-rijabilitazzjoni tas-Salini (salt pans).
Billi m'hemm l-ebda dubju li l-għaqdiet sportivi ta' kull tip li għandna f'Malta u f'Għawdex qed jaħdmu għal kawża ġusta, jista' l-Ministru jikkonsidra li parti (xi perċentwali fissa) mill-flus fil-fond għall-kawżi ġusti tintuża biex titqassam bħala kontribuzzjoni tal-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li individwi jew organiżżazzjonijiet jistgħu jitolbu għal għajnuna finanzjarja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi. Għaldaqstant dawn il-fondi ma jistgħux jintuzaw għal spejjeż rikorrenti.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jsir investiment ġdid biex jiġi żviluppati diving sites ġodda, madwar Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta żviluppat diving site ġdida fiċ-Ċirkewwa billi għarraqna l-patrol boat P29. Qed isiru studji u permessi sabiex tkun tista’ tegħreq l-patrol boat P31 biex b’hekk jinħolqu artificial reefs / wrecks ġodda. Barra minn hekk qiegħed jitjieb l-aċċess għal dive sites eżistenti fosthom iċ-Ċirkewwa. Qiegħed isir improvement ta’ sigurtà fuq is-siti permezz ta’ installazzjoni ta’ cameras.
Ser isir ukoll investiment ġdid fl-aċċess tal-ponta tal-Qawra bil-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk dalwaqt ser toħroġ
tender
sabiex jiġi kkummisjonat
Diving Master Plan
għal Malta fuq l-istess linji ta’ dak li ġie kkummisjonat għal Għawdex. Din il-
Master Plan
qed taħseb sabiex jiġu identifikati dawk ix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fuq id-
diving sites
eżistenti u anke jiġu identifikati
diving sites
ġodda.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1417 u jagħti tagħrif dwar liema huma l-iskemi differenti li għalihom jistgħu japplikaw il-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi litteratura partikolari li tista' tingħata lil dawn is-setturi biex kulħadd ikun infurmat dwar dawn l-iskemi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa l-unika skema li hemm miftuħa hija l-miżura Ad Hoc għar-raħħala u l-bdiewa full-time. Ma l-applikazzjoni hemm it-tagħrif kollu meħtieġ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk u meta l-gassijiet li qed/se jiġu jinġabru mill-engineered landfill taż-Żwejra/Magħtab se jibdew jintużaw biex dawk li joqogħdu fl-inħawi jibdew igawdu mill-enerġija pprovduta minn dawn il-postijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Interpellant li hu maħsub li l-enerġija tibda tiġi ġġenerata mill-engineered landfill għal ħabta ta’ l-aħħar ta’ din is-sena, din tintefa’ fuq il-grid nazzjonali.
Il-metodu kif ir-residenti li joqogħdu viċin l-inħawi jibdew jibbenefikaw minn din l-enerġija għadu qed jiġi diskuss u eventwalment jiġi mfisser.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' programmi ta' għajnuna qed jiġu kkunsidrati biex flimkien mal-kunsilli lokali jitfassal programm ta' bini ta' ħitan tas-sejjieħ fil-kampanja tagħna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta tal-Mistoqsija Nru 1543