Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar liema flus jitqiegħdu fil-Fond għall-Kawżi Ġusti? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu l-ammont ta' flus li bħalissa jinsab f'dan il-fond?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-flus li jitqegħdu fil-Fond ghall-Kawżi Ġusti jiġu minn persentaġġ mit-taxxa tal-lotteriji nazzjonali u minn numru ta’ premjijiiet li jibqgħu ma jinġabrux. (Att dwar Lottreriji u Logħob Ieħor; Kap 438 Sezzjoni 50 (7)).
Ikun hemm u jinżamm fid-Dipartiment tat-Teżor kont li jkun magħruf bħala "Fond tal-Lotterija Nazzjonali ghall-Kawżi Ġusti" li lilu jiġi akkreditat u mħallas il-bilanċ ta’ kreditu fil-Fond ta’ Riserva ta’ l-Awtorità dwar il-Logħob għal-Lotterija Nazzjonali mħallas mill-Awtorità lit-Teżor skond is-subartikolu (6). Il-fondi minn żmien għal żmien li jkunu akkreditu tal-Fond tal-Lotterija Nazzjonali għall-Kawżi Ġusti għandhom jitħallsu mill-Ministru, mingħajr ebda approprjazzjoni ulterjuri li ma tkunx dan l-Att, lil dawk il-persuni, organizzazzjonijiet, korpi jew entitajiet oħra li jkollhom skopijiet ta’ xorta reliġjuża, filantropika, kulturali, sportiva, edukattiva, soċjali jew ċivika jew b’appoġġ ta’ kawżi oħra meritevoli, u f’dawk l-ammonti, b’dak il-mod u f’kull waqt, kif jista’ jiġi stabbilit mill-Ministru minn żmien għal żmien wara konsultazzjoni ma’ Bord ta’ Konsulenza maħtur minnu għal dak l-għan. (Att dwar Lotteriji u Logħob Ieħor; Kap 438 Sezzjoni 50 (7)).
Il-Bilanċ fil-Kont tal-Fond sal-31 t’Awwissu 2008 kien jaqra €165,731,29.
San Pawl il-Baħar — Trejqet il-Lixka - Tindif ta' culvert
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isir tindif tal-culvert fi Trejqet il-Lixka San Pawl il-Baħar, li minnu jgħaddi l-ilma tax-xita li jkun inġabar minn diversi toroq fl-inħawi qabel jispiċċa l-baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li r-responsabiltà għat-tindif tal-culvert fi Trejqet il-Lixka San Pawl il-Baħar hija tal-Kunsill Lokali u għalhekk nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madankollu, id-Dipartiment ser jieħu l-inizzjattiva biex jikkomunika mal-Kunsill ta' San Pawl il-Baħar biex jara li dan it-tindif isir.
Jista' l-Prim Ministru jassigura li kull restaurant u lukanda li hemm fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba, Qawra u Burmarrad ikollu ftehim ma' kuntratturi tal-iskart biex uħud minnhom ma jibqgħux jarmu skart fejn ifettlilhom?
Jista' l-Ministru permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jieħu passi neċessarji biex fit-triq li hemm mit-traffic lights ta' Buġibba sa Kennedy Grove, jinfetħu toqob li minnhom jgħaddi l-ilma tax-xita?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dak li qed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant jeżisti diġa.
San Pawl il-Baħar — Tindif tal-kanali tal-ilma tax-xita
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex isir it-tindif neċessarju tal-kanali tal-ilma tax-xita fit-triq ta' ħdejn Kennedy Grove, San Pawl il-Baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li minn spezzjoni li saret mid-Dipartiment ma jidhirx li hemm ostakli biex jgħaddi l-ilma. Instab xi ħaxix u materjal żgħir li qed jitneħħa. Irid jingħad li t-tindif tal-kanali tal-ilma tax-xita fit-triq ta' ħdejn Kennedy Grove, San Pawl il-Baħar, isir regolari skond il-programm tax-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-masġar taż-żebbuġ li hemm qrib il-bajja tax-Xemxija jiġi rranġat b'mod li fih isiru bankijiet u passaġġi għan-nies, kif ukoll issir tindifa u żabra tal-istess siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor membru għat-Tweġiba mogħtija għal-Mistoqsija Nru 2191 fis-Seduta 38.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal lill-Malta Communications Authority biex tagħti l-awtorizazzjoni tagħha, lill-Maltapost biex din ma tqassamx oġġetti postali fis-6 ta' Settembru 2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita tal-Komunikazjoni tat l-awtorizzazjoni tagħha skond id-disposizjonijiet stabbiliti mid-Direttiva numru 1 tal-2006 intitolata "Procedure relating to the change of certain services provided by the Universal Services Provider (Maltapost) under the Postal Services Act."
Skond din id-Direttiva, kull rikjesta għal bdil fil-ġranet jew ħinijiet tal-provvista tas-servizz postali universali mill-Maltapost irid ikun notifikat bil-miktub lill-MCA mill-anqas 20 ġurnata qabel. F'Novembru tal-2007 il-Maltapost għamlet talba fir-riġward ta' 7 t'ijiem fl-2008. L-MCA irrifjutat din it-talba u l-Maltapost naqset il-ġranet għal 4, jiġifieri l-istess ammont ta ġranet li kienu ġew approvati għas-sena 2007. L-erba ġranet għall-2008 huma t-2 ta' Jannar, s-16 t'Awwissu, s-6 ta' Settembru, u s-26 ta' Diċembru. L-approvazjoni tal-Awtorita kienet ġiet marbuta ma erba kundizjonijiet li (1) il-Maltapost tilħaq il-
targets
tas-servizz għal-kwalita iffissati mill-MCA għat-tqassim tal-posta (jiġifieri
"next day delivery"
), (2) li ebda konċessjoni ma tiġi mogħtija għal-kalkolu tas-servizz tal-kwalita minħabba l-waqfien miss-servizz, (3) li ma jkunx hemm
backlog
fi żmien il-Milied u (4) li l-Awtorita żammet id-dritt li tirrevoka l-approvazjoni tagħha meta jkun meħtieġ.
Jista' l-Ministru jara li b'konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar isiru pjanijiet biex masġar taż-żebbuġ li hemm ix-Xemxija fil-fatt jiġi riabilitat u forsi jsir ġnien pubbliku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li saret proposta minn għaqda mhux governattiva biex tingħata l-permess li tibdel dan il-masġar fi ġnien pubbliku kif ukoll li tieħu f’idejha l-manutenzjoni u tmexxija tiegħu. Il-gvern qiegħed jevalwa din il-proposta. Kull deċiżjoni tittieħed wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali.
Tista' l-Ministru titlob lill-Heritage Malta tagħmel evalvazzjoni tax-xogħol li hu meħtieġ biex jiġi restawrat l-akwadott li hemm fit-triq prinċipali bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa? Tista' tara li dan isir matul ix-xhur tas-sajf biex imbagħad ikun jista' jiġi mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra wara s-sajf?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-Heritage Malta fuq evalwazzjoni tax- xogħol li hu meħtieġ biex jiġi restawrat l-akwadott li hemm fit-triq prinċipali bejn ix-Xemxija u Għajn Tuffieħa.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba matul l-2007 u l-2008 sa l-aħħar ta' Ġunju, xahar b'xahar, saru interventi mill-Forzi Armati ta' Malta biex jivverifikaw jekk it-theddid ta' bombi kenux reali jew le? Kemm kien hemm każi li fihom verament irriżultat preżenza ta' bombi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Armata jqisu bħala theddida ta’ bomba dawk l-inċidenti kollha li jaqgħu taħt:
a. theddid dirett li ġeneralment jirriżulta minn telefonati anonimi,
b. oġġetti suspettużi li potenzjalment jistgħu jkunu “Improvised Explosive Devices”,
c. Ordinanza mhux sploduta bħal bombi tat-Tieni Gwerra u logħob tan-nar li jinstabu minn żmien għall-ieħor partikolarment waqt xogħlijiet ta’ skavar.
Il-każijiet kollha li ltaqghu maghħom il-Forzi Armati ta’ Malta mill-2007 sal-lum huma kif ġej:
2007
Theddid ta’ bombi - 32 każ li kollha kienu fin-negattiv
“Improvised Explosive Devices”- 15-il każ li minnhom 2 kienu pożittivi
Ordinanza mhux sploduta - 46 każ li minnhom 33 kienu fil-pożittiv.
2008
Theddid ta’ Bombi - 12-il każ li kollha kienu fin-negattiv
“Improvised Explosive Devices” - 4 każi li minnhom każ wieħed kien pożittiv
Ordinanza mhux sploduta - 40 każ li minnhom 30 kienu fil-pożittiv.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq li sa issa huma mistennija li jiġu mogħtija t-tarmac matul is-sena finanzjarja li qegħdin fiha f'kull wieħed mill-irħula tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-Toroq li se jsiru sa l-aħħar ta’ 2008 huma:
Is-Seba’ Distrett:
· Triq is-Saqwi, l-Imqades u Skorba, Mgarr
· Triq l-Imtarfa, Triq il-Palma u Triq G.Galea, Mtarfa
· Triq E. Vitale, Rabat
· Parti min Triq Wied il-Qlejja, Mtarfa
Ħdax-il Distrett:
· Parti min Triq il-Htajriet, Mosta
It-Tnax-il Distrett:
· Jitkompla ix-xogħol f’ Santa Marija Estate, Mellieħa
Billi fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra hemm diversi siti privati li fihom hemm min qed iwaddab l-iskart tiegħu, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn is-siti jingħalqu b'boundary walls li ma jħallux lil min iwaddab skart f'dawn is-siti? Jista' l-Ministeru jibda b'dawk is-siti li diġà huma magħrufa lilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Inizjattiva dwar is-Siti vakanti ġiet pubblikata f'April 2007 minn meta numru konsiderevoli ta' sidien ottemporaw il-pozizzjoni billi fuq l-inizjattiva personali tagħhom bnew ħitan skond kif rikjest. Però kien hemm oħrajn li ma kkoperawx.
Skond kif stipulat fl-Inizjattiva mħabbra kellhom ikunu il-Kunsilli Lokali li jinnotifikaw lill-Awtorità b'dawn is-siti vakanti. Minn naħa tagħha l-Awtorità kellha imbagħad tinvestiga kull każ partikolari ħalli jiġi stabbilit min huwa l-propjetarju, iċċekkjata l-kundizzjoni ta' l-art eċċ. Dan il-proċess kien ġie temporanjament imwaqqaf għal xi xhur sakemm ġew iċċarati xi punti legali. Iżda riċentament reġa’ beda inqabad ir-ritmu fejn diġà inħarġu numru konsidervoli t'Avvizi t'Infurzar skond Art 55 ta' l-Att Nru 1 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp madwar Malta u Għawdex. Inċidentalment Bugibba u l-Qawra huma fost l-ewwel lokalitajiet fejn ittieħdu passi u allura inħarġu Avviżi fuq 5 siti differenti li kienu ġew identifikati mill-Kunsill.
L-Awtorità issa qed tkompli toħroġ Avviżi simili anke fil-lokalitajiet indikati fejn eventwalment jiġu kkonsultati l-Kunsilli relattivi sabiex jinbnew il-ħitan skond kif stabbilit fl-Inizzjattiva mħabbra.
Billi xi żmien ilu kienu ħarġu ordnijiet li permezz tagħhom dawk li kellhom siti mhux mibnija kellhom idawruhom b'ħitan ta' ċertu għoli, jista' l-Prim Ministru, permezz tal-istess MEPA jassigura li dawn il-ħitan jinbnew madwar numru ta' siti li għadhom mhux mibnija? Jista' dan il-pass jinbeda mill-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-Inizjattiva dwar is-siti vakanti ġiet pubblikata f'April 2007 minn meta numru konsiderevoli ta' sidien ottemporaw il-pożizzjoni billi fuq l-inizjattiva personali tagħhom bnew ħitan skond kif rikjest. Però kien hemm oħrajn li ma kkoperawx.
Skond kif stipulat fl-Inizjattiva mħabbra kellhom ikunu il-Kunsilli Lokali li jinnotifikaw lill-Awtorità b'dawn is-siti vakanti. Minn naħa tagħha l-Awtorità kellha imbagħad tinvestiga kull każ partikolari ħalli jiġi stabbilit min huwa l-proprjetarju, iċċekkjata l-kundizzjoni ta' l-art eċċ. Dan il-proċess kien ġie temporanjament imwaqqaf għal xi xhur sakemm ġew iċċarati xi punti legali. Iżda riċentament reġa’ beda inqabad ir-ritmu fejn diġà inħarġu numru konsidervoli t'Avviżi t'Infurzar skond Art 55 ta' l-Att Nru 1 dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp madwar Malta u Għawdex. Inċidentalment Buġibba u l-Qawra huma fost l-ewwel lokalitajiet fejn ittieħdu passi u allura inħarġu Avviżi fuq 5 siti differenti li kienu ġew identifikatai mill-Kunsill.
L-Awtorità issa qed tkompli toħroġ Avviżi simili fejn eventwalment jiġu kkonsultati l-Kunsilli relattivi sabiex jinbnew il-ħitan skond kif stabbilit fl-Inizzjattiva mħabbra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jitħaddem il-programm PROUD? Hemm xi kundizzjonijiet speċifiċi li jridu jiġu osservati minn dawk li japplikaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Programm "PROUD" - Promoting Urban Sustainable Development in Local Authorities huwa primarjament immirat sabiex isir taħriġ fuq is-sostenibilita` f'kull qasam ta’ żvilupp u l-immaniġġjar ta' żvilupp f'żoni urbani. Il-mira prinċipali tal-programm hija l-impjegati ta' l-awtoritajiet lokali.
Fil-każ ta' Malta, billi ċ-ċokon tal-kunsilli lokali ma jippermettix l-impjieg ta' riżorsi umani bl-istess mod kif isir f'pajjiżi oħra ewropej, il-programm għalissa se jikkonċentra fuq awtoritajiet ta' livell nazzjonali. Dan ser jibqa’ jseħħ sakemm il-proġett jitlesta.
Il-pilot training phase se jinvolvi impjegati mill-MEPA, WSC, ADT, MIP u Works Division. Meta jkollna r-reazzjonijiet minn dawn l-impjegati, l-e-training platform li sejra tiġi żviluppata tkun tista’ tiġi wżata minn kulħadd, mingħajr ħafna bżonn ta' superviżjoni. Il-website fejn se jkun hemm l-e-training platform se tkun aċċessibbli għal kulħadd, inkluż impjegati tal-kunsilli lokali u uffiċjali oħra f'dipartimenti tal-gvern li jistgħu jibbenefikaw mill-proġett.
Il-proġett jiġi konkluż fl-aħħar ta' Settembru 2008, iżda jista’ jagħti il-każ li l-MEPA tkompli tagħmel promozzjoni immirata sabiex il-proġett jintuża minn faxxa ta' nies aktar wiesgħa. Fil-każ tal-kunsilli lokali, diġà sar kuntatt fejn il-Local Councils Association ġiet mistiedna tipparteċipa fil-forum ta' introduzzjoni li sar fit-30 ta' Ġunju.
Eventwalment, il-ħsieb huwa li issir kampanja ta' reklami u leaflets bl-għajnuna tal-kunsilli lokali sabiex tingħata promozzjoni għal dan il-proġett. Wara kollox, dan huwa servizz ta informazzjoni li ser ikun liberament għal użu ta' kull min għandu interess jeduka ruħu fuq is-suġġett.
Sa issa ma hemm l-ebda ħsieb li jkun hemm xi kundizzjonijiet speċifiċi għal użu ta’ l-e-training platform, iżda din trid tiġi diskussa bejn il-membri kollha li qegħdin jipparteċipaw fil-proġett.
Skond l-estimi li għandu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni,jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li għandhom jingħataw lura lit-tax payers Maltin maqsuma bejn individwi u kumpanniji?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Għas-Snin ta’ Stima qabel 1999 Individwi: € 7,666,121 Kumpaniji: € 10,291,267
Mis-Sena ta’ Stima 1999 ‘il quddiem Individwi: € 1,334,881 Kumpaniji: € 6,378,069
Total € 9,001,002 € 16,669,336
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' flus, skond l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment ta' l-Artijiet, li għandhom jitħallsu bħala kumpens ta' l-art li kienet esproprijata matul is-snin?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 64.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni, maqsuma bejn irġiel u nisa, li fil-fatt jingħataw is-sapport tal-gvern fil-forma ta' home help? Kif inhuma maqsuma dawn il-persuni skond il-lokalitajiet li jiġu minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'laqgħat saru bejn l-Awtorita' dwar it-Trasport u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku biex jiġi stabilit trasport pubbliku li jitlaq mix-Xemxija? Jista' jgħid ukoll jekk l-Awtorita' dwar it-Trasport stess għamlitx xi survey dwar il-bżonn ta' tali servizz, u jekk sar, jista' jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li matul ix-xhur tas-sajf saru diversi laqgħat bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport ta’ Malta (ADT) u l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku (ATP) bil-għan li tiġi estiża ir-rotta eżistenti (bin-numru 153) biex tibda’ titlaq mix-Xemxija minflok mill-Mosta.
Ninsab infurmat ukoll li għalkemm ma sarx
survey
dwar il-bżonn ta’ tali servizz, saru diversi spezzjonijiet mill-Awtorita` fi ġranet u f’ħinijiet differenti tal-ġurnata fejn irriżulta li teżisti żieda fid-domanda ta’ passiġġieri li jirkbu mix-Xemxija, partikolarment fil-ħinijiet ta’ bejn it-Tmienja u l-Ħdax ta’ filgħodu.
Infurmat ukoll li għadu ma ntlaħaqx ftehim bejn iż-żewġ partijiet.
Ninforma iżda lill-Onor. Interpellant li l-kunsiderazzjoni li qed isemmi qed titqies fil-pjanijiet li qed jittħejjew fil-preżent għal rotot ġodda ta' trasport publiku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija fl-aħħar tas-sena, kull sena mill-1998 sal-lum? Meta kien hemm intake ta' pulizija ġodda li daħlu fil-korp f'dan il-perjodu ta' żmien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra.
Billi huwa magħruf li numru sostanzjoali ta' Maltin għandhom l-identity card tagħhom fuq Għawdex meta fil-fatt jgħixu b'mod regolari f'Malta, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern hux beħsiebu jieħu xi passi biex fil-fatt dan ma jibqax jiġri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fil-mument preżenti għad m’hemmx deċiżjonijiet dwar din is-sitwazzjoni.