Legislature:
Category:
Reset
Active:

Salina — Irranġar tal-ħitan tas-salini tal-melħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li l-ħitan tas-salini tal-melħ, fis-Salina li tkissru bil-maltemp ta' xi snin ilu, fil-fatt jiġu rranġati biex ma jibqax jiġrilhom ħsara?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għar-risposta għal Mistoqsija Nru 3176.

Diskussjonijiet dwar vetturi bl-Alcohol Lock

Question

Billi riċentament waqt laqgħa għall-membri parlamentari f'Lisbona, xi kelliema għamlu referenza għall-possibilità li fil-vetturi jkun hemm 'l hekk imsejħa Alcohol lock u dan biex il-vetturi ma jkunux jistgħu jistartjaw jekk is-sewwieq ikun xurban, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk kienx hemm xi diskussjonijiet biex dan jiġi introdott Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ADT issegwi l-aħħar żviluppi fil-qasam internazzjonali u fin-normi Ewropej biex tkun garantita s-sigurta' ta' kull min juża t-toroq. M'hinix infurmat iżda li l-prodott li jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kien s'issa evalwat.

Skejjel tal-gvern — tfal imħarrġa fit-tagħrif tas-sewqan

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex matul is-snin li ġejjin it-tfal li jattendu l-iskejjel tal-gvern minn età żgħira jibdew jiġu esposti għal tagħrif dwar is-sewqan u l-kwalità tiegħu biex iktar 'il quddiem ikunu diġà nfurmati dwar kemm hu importanti li jiġu osservati r-regolamenti tas-sewqan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li għal dawn l-aħħar għaxar snin, it-tfal tal-primarja tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena ġew mgħallma ir-Road Safety u anke ngħataw materjal mibgħut mir-Red Cross tal-Ġermanja u mill-ADT. Fil-Kulleġġ t’Għawdex u ta’ Maria Reġina dan isir wkoll mat-tfal tal-primarja ta’ l-ewwel, it-tieni u t-tielet sena.
Leg 11 PQ #3168 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Inċidenti fatali li ġew rappurtati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' inċidenti fatali li ġew rappurtati kull sena inkluż in-numru ta' mwiet mill-1 ta' Jannar 1998 sa Settembru 2008? F'kull każ, kemm kien in-numru ta' xufiera li mietu, kemm kienu passiġġiera u kemm kien in-numru ta' pedestrians li mietu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Aċċess tal-bdiewa għar-raba' tagħhom

Question

Billi kif inhu magħruf l-aċċess tal-bdiewa għar-raba' tagħhom hu importanti ferm biex l-istess bdiewa jaslu fir-raba' u biex iġorru l-prodotti tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda programm komprensiv ta' bini u rranġar ta' toroq fil-kampanja għall-benefiċċju tas-settur agrikolu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3170 Sitting 48 2008-11-10 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa — inħawi Tas-Sellum

Question

Billi skond il-pjan lokali jew pjan ta' l-iżvilupp għall-inħawi tal-Mellieħa, kif ippubblikat il-MEPA, wara l-approvazzjoni tal-Ministri responsabbli mill-MEPA, biċċa art fl-inħawi Tas-Sellum (Mellieħa) kellha titneħħa minn art għall-bini u minflokha tidħol għall-bini art oħra f'Selmun (Ta' Breġ) ukoll limiti tal-Mellieħa li kellha, in parti, tingħata lis-sidien ta' l-art f'tas-Sellum, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'sar minn dan il-proċess ta' bdil peress li l-istess sidien daħlu għal ħafna spejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li l-bdil fiż-żoni ta’ l-iżvilupp fejn biċċa art f'Tas-Sellum tneħħiet miż-żona fil-waqt li biċċa art oħra f'tal-Brag, Mellieħa, żdiedet maż-żona ġie fis-seħħ fl-2006. Bħal f'ħafna mill-każi fejn art żdiedet maż-żona ta’ l-iżvilupp, issa trid issir Planning Control Application biex isir l-ippjantar tat-toroq, iż-zoning u l-għoli tal-bini (height limitation). Din l-applikazzjoni trid issir mis-sid jew sidien tal-art. Saru xi proposti inizjali li għad iridu jiġu finalizzati f'applikazzjoni formali li mbagħad tgħaddi mill-proċess kollu ta' konsultazzjoni pubblika u approvazzjoni finali mill-Gvern.

Public Service Garages

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' "public service garages" li kienu liċenzjati fl-aħħar tal-1998, 2003 u Settembru 2008 rispettivament? Kemm kien, fl-istess dati, in-numru ta' karozzi reġistrati bħala K plates, QZ plates, VY plates, GY plates, MY plates u CY plates fuq dawn l-istess garages?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Installazzjoni ta' pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar n-numru ta' talbiet pendenti għall-installazzjoni ta' pelican lights f'Malta u f'Għawdex? Kemm hemm talbiet li huma approvati li iżda, l-pelican lights għadhom mhux mwaħħla? Fejn jinsabu u x'inhi r-raġuni għal dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3027 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni jsuqu taħt l-influwenza tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar in-numru ta' persuni li allegatament inqabdu isuqu taħt l-influwenza tax-xorb, bejn Jannar u Awwissu 2008? F'liema lokalitajiet inqabdu u minn fejn huma?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2908.

Trakkijiet ta' aktar minn għaxar tunnellati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li għandhom liċenzja biex isuqu trakkijiet ta' aktar minn għaxar tunnellati: mini buses, buses, coaches u taxis rispettivament fl-aħħar ta' Settembru 2008? Kemm kienu l-istess tip ta' liċenzji fl-aħħar ta' l-2006 u l-2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Toqob għall-ilma tax-xita

Question

B'referenza għat-tweġieba għal mistoqsija parlamentari 2331, jista' l-Ministru jindika fuq pjanta l-partijiet fejn hemm it-toqob għall-ilma tax-xita fil-parti tat-triq li ndikajt? Jista' fl-istess ħin jagħti indikazzjoni ta' fejn suppost qed jispiċċa l-ilma tax-xita li jgħaddi minn dawn it-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tlett ritratti u pjanta. Ninsab infurmat li l-ilma jispiċċa fis-Salini.
Leg 11 PQ #3165 Sitting 47 2008-11-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proċeduri għall-persuni li jkunu qed jirreġistraw

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-proċedura li permezz tagħha, persuni li jkunu qed jirreġistraw jiġu attached ma' entitajiet governattivi fosthom mal-kunsilli lokali, għall-perjodu ta' żmien biex jagħmlu xogħol f'dawn il-kunsilli? X'inhi r-raġuni li mbagħad dawn il-persuni, anke jekk ikunu għamlu xogħol tajjeb ħafna, lanqas biss ikunu jistgħu jiġu kkunsidrati għal impjieg ma dak il-kunsill, għaliex ma jkollhomx per eżempju "O" levels?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Korporazzjoni tax- Xogħol u Taħrig għandha skemi, bħal ma huma l- Work Start Scheme u l- Job Experience Scheme (liema skema hija iffinanzjata mill- Fondi Socjali Ewropej) biex, waqt li jkunu qed ifittxu mpjieg, persuni jakkwistaw esperjenza ta’ xogħol. Dawn l-iskemi ta’ esperjenza ta’ xogħol huma maħsuba biex wieħed ikompli jikseb ħiliet u jtejjeb il- prospetti tiegħu għax-xogħol. Biex Kunsill Lokali jimpjega n-nies, hemm proċeduri u proċessi stabbiliti li huma differenti u separati minn skema ta’ esperjenza ta’ xogħol. Il-Kunsill irid jagħmel talba lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, fejn jispeċifika il-kwalifiki u l-esperjenza meħtieġa, biex jiġu referuti nies minn fuq ir-reġistru li għandhom dawn il-kwalifiki. Dan skond l-Att dwar Servizzi ta’ Impieg u Taħriġ. Persuni li jsegwu skema ta’ taħriġ jew esperjenza ta’ xogħol mal-Korproazzjoni ma jistgħux isiru impjegati tal-Kunsill mingħajr ma jgħaddu minn dan il-proċess.
Leg 11 PQ #2423 Sitting 46 2008-10-22 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA- Parking Spaces

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-parking spaces tal-visitors' parking area tal-MEPA (quddiem id-dogs' home) huma riservati għall-istaff tal-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda post riservat għall-istaff tal-MEPA fil-visitors' parking area. Din l'area tal-parkeġġ tintuża prinċiparjament mill-membri tal-Bordjiet (MEPA u DCC) jew minn karozzi uffiċjali ta’ l-Awtorità.

Korporazzjoni Enemalta — applikazzjonjiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Enemalta daħħlitx xi sistema ġdida dwar l-applikazzjonijiet tad-dawl, fis-sens li fil-każi fejn l-applikazzjoni tkun tikkonċerna bini li qiegħed l-ODZ, l-applikazzjoni trid tgħaddi mingħand il-financial controller tal-Enemalta qabel ikun jista' jingħata s-servizz tad-dawl? Kemm hemm applikazzonijiet bħal dawn għand l-Enenmalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ta' Qali Crafts Village — Tenders

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk tlestiex il-proċess ta' evalwazzjoni tat-tenders għax-xogħol infrastrutturali li għandu jsir fil-villaġġ tas-snajja f'Ta' Qali? Jekk iva, lil min ingħatat it-tender? Jekk le, x'inhu jżomm milli jiġi konkluż dan il-proċess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan il-proġett kien propost li jiġi ffinanzjat minn Fondi tal-EU. L-applikazzjoni għal dawn il-fondi ma ġietx milqugħa u għalhekk il- Ministru tal-Finanzi, li hu responsabbli għall-proġett, qiegħed jirrevedi il-proġett f'dan il- kuntest.
Leg 11 PQ #3021 Sitting 46 2008-10-22 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dewmien fil-qrati

Question

Billi wieħed mill-argumenti li l-aktar jissemmew mill-pubbliku, ta' kuljum, jikkonċerna d-dewmien li wieħed ikollu jiffaċċja meta, għal xi raġuni jidħol l-Qorti, jista' l-Ministru jara kif jitnaqqas dan iż-żmien u f'xi okkażjonijiet jiġi stabilit terminu massimu li fih għandhom jinqatgħu l-kawżi li jispiċċaw il-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi preżentement qed jiġu preparati miżuri legali li jindirizzaw aħjar din is-sitwazzjoni. Minkejja dan kollu, iżda, wieħed għandu japprezza li dejjem ser ikun hemm kawżi b'diffikultajiet varji, u għalhekk ma jkunx dejjem possibbli li jiġi stabbilit terminu massimu ta' żmien ta' meta kawżi għandhom jinqatgħu.

Departure tax

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien l-ammont ta' departure tax li nġabar bejn Jannar u Settembru 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ departure tax miġbura mill-ivvjaġġar bl-ajru bejn Jannar u Settembru 2008 kien ta’ €4,730,969.

Awtorita' dwar it-Trasport — Spot checks

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' spot checks minn uffiċjali ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport, madwar Malta matul dawn l-aħħar 12-il xahar? F'liema lokalitajiet saru dawn l-inspections? Jista' jgħid jekk f'Għawdex sarux spezzjonijiet bħal dawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Twaħħil ta' speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' talbiet pendenti minn kunsilli lokali lill-Awtorita' dwar it-Trasport għat-twaħħil ta' speed cameras? Fejn huma dawn it-talbiet? Kemm hemm talbiet li għalkemm approvati mill-ADT, l-ispeed cameras għadhom ma twaħħlux? Fejn huma dawn ta' l-aħħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm total ta' disgħa talbiet pendenti għal FIXED SPEED CAMERAS. Rigward għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.2149.

Studenti — ċertifikat tal-MATSEC - kors tal-għalliema

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' studenti li għalkemm kellhom iċ-ċertifikati tal-MATSEC, ma setgħux jibdew il-kors ta' għalliema għaliex ma kellhomx ċertifikat ta' profiċjenza fil-Malti jew fl-Ingliż? Jekk inhu minnu li dan iċ-ċertifikat mhux ser jibqa' jkun meħtieġ mis-sena dieħla, jista' jagħti xi forma ta' supplementary exam biex ma jkunx hemm żgħażagħ li jitilfu ċ-ċans li jattendu għall-kors ta' għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fost l-istudenti li applikaw biex jibdew il-kors ta’ għalliema, kien hemm 22 applikant li ma ġewx aċċettati minħabba li m’għaddewx mill-eżami ta’ profiċjenza tal-Malti u/jew ta’ l-Ingliz. Il-Fakultà diġà toffri forma ta’ supplementary exam kif qed jissuġerixxi l-Onor Interpellant. Dawk li ma jgħaddux mill-eżami f’Ġunju jistgħu jerġgħu joqgħodu għall-eżami f’Settembru. Mhux minnu li dan iċ-ċertifikat mhux ser jibqa’ jkun meħtieġ mis-sena d-dieħla. Biss, mis-sena d-dieħla dawk li jkollhom Grad 3 fiċ-ċertifikat livell SEC, jew grad C fl-livell intermedju, jew grad C f’livell avvanzat ser ikunu eżentati mill-ħtieġa li jagħmlu l-eżami.