Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kumpless Sportiv — Sejħa pubblika għal privat

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi sejħa pubblika biex il-privat jieħu sehem fl-iżvilupp tal-Kumpless Sportiv fl-inħawi tal-Qawra u San Pawl il-Baħar? Jekk le, meta hu mistenni li jinbeda dan il-proċess? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk id-development brief għal dan iċ-ċentru fil-fatt tlestiex, u ġiex ippubblikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fil-preżent qed jiġi ffinalizzat it-technical u specification brief tal-Kumpless tat-Tramuntana. Sal-lum għada ma ħarġet l-ebda sejħa pubblika biex il-privat jieħu sehem fl-iżvilupp ta’ dan il-Kumpless Sportiv.
Leg 11 PQ #2835 Sitting 51 2008-11-13 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Passi biex jingħalqu open plots

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu passi biex flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Iżvilupp u l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar, wara li jiġu identifikati l-open plots jieħu l-passi neċessarji biex jingħalqu l-plots u jiġi evitat rimi ta' skart fihom minn nies irresponsabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'addizzjoni ma' l-informazzjoni li diġà ingħatat lill-Onorevoli Interpellant fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 2834, irid jingħad illi wara li jiskadi ż-żmien ta' sitt ġimgħat kif stipulat fl-Avviżi tat-Twettieq maħruġa mill-MEPA, l-informazzjoni ta' min m'obdiex ir-rekweżiti ta' l-Avviz tingħata lill-Kunsill Lokali relevanti ħalli dan jagħmel stima tax-xogħol li jrid isir sabiex jitnaddaf is-sit u jittella’ l-ħajt meħtieġ. Jekk l-istima taqbel magħha il-MEPA, tingħata struzzjoni ħalli l-Kunsill jikkommissjona x-xogħol meħtieġ skond l-istima li tkun saret. L-ispejjeż involuti jiġu eventwalment irkuprati mill-MEPA mingħand il-propjetarju ta' l-art meta issir applikazzjoni ta' żvilupp fuq is-sit.

Għajn Riħana, Tarġa Gap — Likwidu Iswed

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'irriżulta li hi l-kawża ta' ħruġ ta' likwidu iswed ħdejn Għajn Riħana, Tarġa Gap li kont semmejt f'mistoqsija parlamentari preċedenti? Jista' jagħti tagħrif dwar x'wassal biex nhar it-Tlieta 28 ta' Ottubru 2008 filgħaxija kien hemm konfużjoni ta' traffiku ħdejn dan il-post?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bdil fir-rotot tal-Karozzi tal-Linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' rotot tal-karozzi tal-linja li nbidlu fit-28 ta' Settembru 2008? F'liema lokalitajiet kienu dawn ir-rotot? Ma min saru l-konsultazzjonijiet biex fil-fatt ir-rotta tinbidel u xi spejjeż kien hemm biex dan it-tibdil seta' jseħħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3620 Sitting 51 2008-11-13 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa — Tat-Tomna - Industrial Estate - studju fuq il-proġett

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlmanetari 2680, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi korporazzjonijiet jew awtoritajiet tal-Gvern li issa qed jitolbu li jsiru studji partikolari dwar il-proġett imsemmi, ukoll jekk sa issa qatt ma kienu talbu tali konsultazjoni? Liema huma dawn il-korporazzjonijiet jew awtoritajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil- 5 ta' Settembru, l-applikant ġie mgħarraf li l-Enemalta u l-ADT sabu xi oġġezzjonijiet għal pjan kif propost. Nhar id-29 t'Ottubru ġew sottomessi pjanti ġodda mill-applikant li għandhom jindirizzaw l-oġġezzjonijiet mressqa. Il-pass li jmiss hu li l-MEPA terġa' tikkonsulta ma' l-Enemalta u l-ADT fuq dawn il-pjanti sottomessi, kif jiskadi t-terminu ta' din il-konsultazzjoni, l-applikazzjoni tkun tista' tiġi pproċessata.
Leg 11 PQ #3621 Sitting 51 2008-11-13 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Bini ta' rziezet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma bħalissa l-applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għall-bini ta' rziezet (farms) għat-trobbija ta' l-annimali? Għal liema annimali huma t-talbiet pendenti u f'liema lokalitajiet jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha mija u għaxra (110) applikazzjonijiet għal "rziezet" jew alterazzjonijiet ta "rziezet". Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-applikazzjonijiet bil-lokalità u tipi ta' annimali mrobbija. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet pendenti li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem "f arm ", "razzett" jew "rziezet".

Persuni reġistrati li jrabbu l-fniek

Question

Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma reġistrati mad-dipartiment ikkonċernat bħala li jrabbu l-fniek? X'inhi l-pożizzjoni li qed tittieħed min-naħa ta' l-agrikoltura meta jkun hemm talbiet għall-bini ta' rziezet għat-tkabbir tal-fniek?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta' produtturi reġistrati li jżommu l-fniek huwa 78. Dawn għandhom minn minimu ta' 7 fniek sa massimu ta' 1500 fenka. Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn il-produtturi hija volontarja. Il-bini ta' l-irziezet tal-fniek isegwu l-istess proċeduri bħal kull razett ieħor u jgħaddu mill-proċess tal-MEPA.

Fabbriki li mhux qed joperaw

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2383, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn jinsabu s-96 fabbrika li skond ir-risposta mhux qed joperaw? Kemm ilhom ma joperaw dawn l-istess fabbriki, u fejn mhux qed joperaw dawn qegħdin għand il-Gvern jew għadhom għand il-privat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din il-propjeta tinkludi fabbriki, uffiċini u artijiet li jinsabu fl-oqsma industrijali li huma amministrati mill-MIPL. Ta’ min isemmi li din il-propjeta tinkludi fabbriki vojta jew allokati u li għadhom ma bdewx joperaw minħabba xi xogħolijiet meħtieġa ġol-fabbrika. Tinkludi wkoll artijiet li għad iridu jiġu żviluppati. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korporazzjoni Enemalta — applikazzjonjiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni Enemalta daħħlitx xi sistema ġdida dwar l-applikazzjonijiet tad-dawl, fis-sens li fil-każi fejn l-applikazzjoni tkun tikkonċerna bini li qiegħed l-ODZ, l-applikazzjoni trid tgħaddi mingħand il-financial controller tal-Enemalta qabel ikun jista' jingħata s-servizz tad-dawl? Kemm hemm applikazzonijiet bħal dawn għand l-Enenmalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta m' għandha l-ebda sistema fejn bini li qiegħed ODZ irid jgħaddi mingħand il-Financial Controller tal-Enemalta qabel ma jkun jista' jingħata s-servizz tad-dawl. Dan minħabba li l-Enemalta tipproċessa biss applikazzjonijiet li jkollhom il-MEPA Compliance Certificate.

Xemxija — masġar taż-żebbuġ - NGO

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2191 dwar il-masġar taż-żebbuġ fix-Xemxija, u r-referenza għat-talba ta' xi NGO biex tieħu ħsieb l-istess ġnien, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema hu l-NGO msemmi għaliex kultant, minkejja x-xogħol tajjeb li jsir minn bosta NGOs, wieħed ikun irid jara x'inhuma l-ħsibijiet tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-sitwazzjoni għadha skond kif spjegata fir-risposta tal-Mistoqsija 2191. Nerġa’ ntenni li kull deċiżjoni tittieħed wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali.

Toroq arterjali u toroq distributorji — culverts

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-toroq arterjali jew distributorji li għandhom il-culverts għas-servizzi u għall-ilma tax-xita f'pajjiżna? F'kull każ meta ħarġu t-tenders għall-kostruzzjoni ta' l-imsemmija toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' toroq kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Rigward meta ħarġu t-tenders għall-imsemmija toroq, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal liema toroq jixtieq jirreferi minħabba li uħud mit-toroq ilhom mibnija snin anke fi żmien meta x-xogħol kien isir dirett mill-ħaddiema tal-gvern.

Awtorità dwar it-Trasport — appart biex twettaq testijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità dwar it-Trasport għandhiex fil-pussess tagħha apparat li permezz tiegħu tista' twettaq testijiet fuq it-toroq li jkunu qed jinbnew f'pajjiżna? Jekk iva, kemm-il darba intuża dan l-appart matul l-aħħar tnax-il xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq direttiva tiegħi, it-testijiet fuq ix-xogħolijiet tat-toroq jridu jsiru minn enti akkreditata għal dan ix-xogħol. Għalhekk, l-apparat li għandha l’Awtorita’ Dwar it-Transport għall-testijiet fuq it-toroq kellu jiġi mgħoddi kollu lill-‘Malta National Laboratory’. Dawn ta’ l-aħħar se jkollhom l’inkarigu li jagħmlu t-testijiet kollha neċessarji fuq it-toroq fejn juzaw anke servizzi ta’ laboratorji barranin, akkreditati f’dan il-qasam, fejn neċessarju.
Leg 11 PQ #3181 Sitting 50 2008-11-13 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Apprentisti sponsored mill-privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' apprentisti li ġew sponsored mill-privat kull sena mill-2003 sal-lum? F'liema tip ta' studju saru l-isponsorships? Kemm minn dawn l-istudenti fil-fatt jibqgħu jaħdmu ma' l-isponsor tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qawra — kumpless sportiv

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar fiex waslu l-pjanijiet biex fl-inħawi tal-Qawra jinbena kumpless sportiv? Tista' tagħti indikazzjoni ta' x'hemm il-ħsieb li jinbena f'dan il-kumpless u meta mistenni jinbeda x-xogħol fuqu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent, il-Kunsill Malti għall-Isport qed jaħdem fuq il-brief tal-proġett tal-Kumpless Sportiv tat-tramuntana.
Leg 11 PQ #3617 Sitting 50 2008-11-13 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità Maltija għall-Ippjannar u Żvilupp — pjanti użati

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-pjanti tal-lokalitajiet li għandha l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u Żvilupp isiru l-pjanti użati mid-dipartimenti kollha, u b'mod partikulari mil-land registry, billi l-pjanti li jinxtraw minn dan ir-reġistru huma ferm aktar qodma minn dawk tal-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u Żvilupp, u dan il-fatt iġib miegħu diffikultajiet għal min jixtri l-pjanti mir-reġistru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Linji ta' l-ajru minn u lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-linji tal-ajru minn u lejn Malta bħalissa? Matul il-perijodu l-1 ta' Jannar 2008 u 30 ta' Settembru 2008 kemm kienu u liema kienu l-linji ta' l-ajru li waqqfu t-titjiriet tagħhom? Kemm linji ġodda bdew joperaw minn u lejn Malta? Liema huma l-linji li qed joperaw bħalissa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ linji ta’ l-ajru minn u lejn Malta bħalissa jammonta għal 31. Matul il-perjodu l-1 ta’ Jannar 2008 u 30 ta’ Settembru 2008, in-numru ta’ linji ta’ l-ajru kien jammonta għal 47. Il-linji ta’ l-ajru li waqqfu t-titjiriet tagħhom huma dawn: Adria, Aeroflot Don, Aerosvit, Air Algerie, Air Berlin, Air Finland, Air One, British Jet, Europe Air Post, European Aviation, Excel Airways, Fly Nordic, GB Airways, Jet 2.com, Volare u Vueling. In-numru ta’ linji ġodda li bdew joperaw minn u lejn Malta mill-1 ta’ Jannar 2008 jammonta għal 11. Il-linji li qed joperaw bħalissa huma dawn: Air Malta, Air Mediterranee, Alitalia, Austrian Airlines, British Airways, Central Wings, Clickair, Easyjet, Egyptair, Emirates, European Air Transport, Finnair, First Choice, German Wings, Jetairfly, Jet Time, Jugoslavenski, Libyan Arab Airlines, Lufthansa, Luxair, Nordic, Norwegian Air Shuttle, Miniliner, Ryanair, Scandinavian SAS, Jetx, Sevenair, Thomas Cook, Thomson Fly, Transavia u Travel Services.

Studji preliminari dwar it-trasport

Question

Billi dan l-aħħar ingħad li qed isiru xi studji preliminari dwar it-trasport f'Malta u f'Għawdex, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ġewx Malta xi esperti barranin biex jagħmlu dawn l-istudji? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid min kienu, meta ġew Malta u jgħid ukoll fiex wasal dan l-istudju?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, Halcrow ġew mqabbda jagħmlu studji fuq it-trasport pubbliku u l-feasibility ta’ linji tat-tram. Dawn l-esperti ġew Malta u l-istudji waslu fi stadju avvanzat u għandhom jigu ppublikati sa l-aħħar tas-sena.
Leg 11 PQ #3174 Sitting 49 2008-11-12 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Breathalyser tests

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' breathalyser tests li sar f'Malta u f'Għawdex rispettivament, wara li kienu seħħew inċidenti tat-traffiku?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 28 persuna li sarilhom it-test tan-nifs wara li kienu nvoluti f'inċident tat-traffiku. Wieħed minn dawn kien f'Għawdex.

Studenti fl-Università fuq bażi full time

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qed jattendu d-diversi korsijiet li hemm fl-Università fuq bażi full time fakultà fakultà? Kemm minn dawn l-istudenti huma barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ studenti li qed jattendu korsijiet full-time fl-Universita’ ta’ Malta hu 7733. Il-lista relatata qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista A turi kif dawn l-istudenti huma mqassma f’kull Fakulta’. Minn dawn l-istudenti hemm 416-il student barrani. Il-Lista B turi kif dawn l-istudenti huma mqassma f’kull Fakulta’.

Salina — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk hux mistenni li jsir aktar xogħol fuq sukkursu tas-Salina? Jekk iva, x'inhu dan ix-xogħol u meta mistenni jinbeda dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li kif appena joħorġu l-permessi meħtieġa mill-MEPA, jsir xogħol ta’ tindif (dredging) tal-kanal tas-Sokkors kif ukoll xogħol biex jitneħħa l-ostaklu li hemm f’parti ta’ dan il-kanal u li qed itellef iċ-ċirkulazzjoni ta’ l-ilma. Ser isir ukoll xogħol ta’ rinfurzar ta’ parti mill-pedamenti tal-ħitan tal-kanal. Din l-applikazzjoni saret f’Marzu 2007.