Legislature:
Category:
Reset
Active:

Naxxar — Salina Coast Road - xogħol fuq il-junction

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjanti li qed jiġu mfassla bejn l-Awtorità għall-Ippjanar u l-Iżvilupp u l-Awtorità dwar it-Trasport biex il-junctions tal-Coast Road - Salina Naxxar, dik ta' ħdejn Kennedy Grove u d-daħla ta' Buġibba fejn il-lights fil-fatt jiġu upgraded? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta huwa mistenni li jinbeda x-xogħol fuq dawn il-junctions?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT qed tipproponi titjieb u twessiegħ ta’ dawn il-junctions msemmija, bħala parti mill- feasibility and EIA studies, li sar fuq it-Ten-T Network fis-sena 2003 – 2004. Il-pjanti għal dawn il-junctions qegħdin fuq il-website ta’ l-ADT. L-Awtorita’ qed tikkonsidra l-possibilita li timplimenta dan il-proġett sa sena 2015.
Leg 11 PQ #3990 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħitan ta siti mhux mibnija

Question

Jista' l-Prim Minsitru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' siti mhux mibnija li fihom il-ħaddiema tal-Ministeru fil-fatt bnew il-ħitan (boundary walls) biex dawn is-siti ma jibqgħux miftuħa għal atti vandali? Fejn jinsabu dawn is-siti? Kemm siti oħra huma mistennija li jiġu magħluqa fiż-żmien li ġej, u fejn jinstabu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħitan madwar is-siti li huma miftuħa u li jikwalifikaw taħt l-Inzjattiva dwar Siti Vakanti ma jiġux normalment mibnija mill-ħaddiema tal-Gvern. Jista’ jagħti l-każ li dawn il-ħitan jew jinbnew mis-sid tal-art stess fuq inizzjattiva personali u dan sabiex jaderixxi ruħu mal-Avviż li jkun ħareġ fil-konfront tiegħu jew inkella fin-nuqqas li jsir hekk, il-każ jiġi mgħoddi lill-Kunsill Lokali sabiex il-ħajt jibnih il-Kunsill skond ftehim li jsir mal-MEPA. Dawn is-siti jinstabu f'diversi lokalitajiet f'Malta u Għawdex fosthom San Pawl il-Baħar, Żabbar, Attard, Ta' XBiex, Marsaskala, Birkirkara, Tarxien, Gżira, Ħamrun, Birżebbuġa, Swieqi, Għaxaq, Żejtun, San Ġiljan u Marsaxlokk. S'issa din l-Inzjattiva sarfet dawn ir-riżulatati li ġejjin: Avvizi maħruġa minn Ottubru 2008 – 32; Każi li bħalissa qed ikunu investigati u azzjoni ser tittieħed dalwaqt – 197; Każi rrapportati mill-Kunsilli skond l-Inizjattiva – 461; Siti li ġew mdawwra b'ħitan fuq inizzjattiva personali tas-sidien mingħajr il-ħtieġa t'Avviż - 883.

Spezzjonijet mill-perit fuq proprjetà

Question

Billi ħafna drabi persuni li jixtru proprjetà speċjalment in shell form ikollhom problema meta l-perit tad-dipartiment jagħmel spezzjoni tal-post (u dan għaliex bejn iż-żmien li jinxtara l-post u dak ta' meta ssir l-ispezzjoni jkun sar ammont ta' xogħol li jbiddel il-valur tal-post), jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-perjodu jiqsar biex jiġu evitati problemi bla bżonn kemm lix-xerrej kif ukoll lil min ibigħ il-proprjetà?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty f’dawn l-aħħar xhur ħa ħsieb din il-problema u naqqas sew il-perjodu ta’ minn meta n-nutar jippreżenta l-boll għad-data li jiġi nfurmat il-perit tad-dipartiment sabiex issir l-ispezzjoni minnu.

Imġarr -toroq li ħa jingħataw it-tarmac

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq huma mistennija li jingħataw it-tarmac matul is-sena 2009 fl-Imġarr? Meta ħarġu, jew ser joħorġu t-tenders marbuta ma' dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-lokalita msemmija mill-Onor Interpellant, ix-xogħol ta' tarmac li kien ippjanat diġa sar u ma hemm ebda triq oħra li għandha ssir skond dan il-programm.
Leg 11 PQ #4477 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Riforma

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitressqu quddiem il-Parlament l-emendi marbuta mar-riforma fil-kunsilli lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Programm TENT's — Tenders fuq xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fuq liema partijiet mit-toroq indikati fil-programm tat-TENT's hu mistenni li jinbeda x-xogħol matul is-sena li ġejja? Meta hu mistenni li joħorġu t-tenders għal dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — skejjel primarja - sapport ta' attenzjoni personali għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru u f'liema sena skolastika jinsabu t-tfal li bħalissa għandhom is-sapport ta' attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont totali li sal-lum qed jibbenifikaw minn xi forma ta’ sapport ta’ attenzjoni personali minħabba l-ħtiġijiet speċifici tagħhom hu 30. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta’ kif huma mqassmin.

Ħsara fl-għelieqi wara l-maltemp u s-silġ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex talbiet minn bdiewa għal xi kumpens minħabba li fil-ġimgħat li għaddew saritilhom ħsara bil-maltemp u s-silġ? Jekk iva, kemm kien in-numru ta' talbiet u minn liema lokalitajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li ma saret ebda talba formali f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #4481 Sitting 63 2008-12-02 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bini ta' djar għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm bini ta' iktar djar għall-anzjani f'Malta u f'Għawdex? Meta hu mistenni li jinbdew il-proċeduri għall-bini ta' dawn id-djar u fejn?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #4265 Sitting 62 2008-11-26 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità għall-Ippjanar u l-Iżvilupp — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex ċerti applikazzjonijet li jkun ilhom xhur sħaħ quddiem l-Awtorità għall-Ippjanar u l-Iżvilupp f'daqqa waħda tintalab konsultazzjoni ma' entitajiet oħra governattivi meta proċess bħal dan messu jsir fi ftit jiem minn meta ssir l-applikazjoni mhux xhur wara?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li normalment konsultazzjonijiet isiru fil-bidu tal-ipproċessar, iżda f'ċertu każi, waqt l-ipproċessar innifsu jew b’riżultat ta’ konsultazzjoni interna ma’ sezzjonijiet oħra fi ħdan l-Awtorità, jinħtieġ il-bżonn ta’ konsultazzjoni addizzjonali biex tgħin l-uffiċjal jasal għar-rakkomandazzjoni koretta. Okkażjoni oħra (mhux daqshekk komuni) fejn jistgħu jsiru konsultazzjonijiet tard huwa fejn il-Manager tas-sezzjoni jew saħansitra l-Kummissjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp jiddeċiedu li jinħtieġ konsultazzjoni, għalkemm ir-rapport tal-case officer ikun lest.

Talbiet pendenti minn sajjieda — bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu bħalissa n-numru ta' talbiet pendenti minn sajjieda f'Malta u f'Għawdex li qed jitlob li jbiddlu l-bastiment tas-sajd tagħhom? Minn liema lokalitajiet huma dawn is-sajjieda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fil-preżent m’hemm l-ebda talba għal bdil ta' bastiment.

Heritage Malta — siti li qed isir xogħol fuqhom

Question

Tista' l-Minsitru tagħti tagħrif dwar liema huma s-siti li fuqhom qed isir xogħol bħalissa b'kordinazzjoni ma' Heritage Malta? F'liema lokalità jinsabu dawn is-siti storiċi? Meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol li bħalissa qed in hand f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-uniku xogħol b’kordinazzjoni ma’ Heritage Malta hu dak li bħalissa qed isr mas-sezzjoni ta’ Konservazzjoni fl-Arkitettura,fl-Oratorju taż-Żejtun, wara li fl-aħħar tal-2006 rebħet tender sabiex tagħmel dan ix-xogħol. Huwa maħsub li x-xogħol ser jitlesta aktar tard is-sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #4268 Sitting 62 2008-11-26 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Requisition orders urġenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu, u fejn huma, maqsuma raħal b'raħal, ir-requisition orders li għadhom urġenti bħalissa? F'liema nħawi kienu ir-requisition orders li tneħħew matul l-aħħar sena?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #4269 Sitting 62 2008-11-26 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

IPSC — ħaddiema attached mal-kunsill lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' ħaddiema tal-IPSC li huma attached mal-kunsilli lokali? Kemm hu n-numru ta' dawn il-ħaddiema li qed jaħdmu ma' kull kunsill lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 136 ħaddiem ta’ l-IPSL ma’ Kunsilli Lokali. Dawn qegħdin imqassmin kif inhu indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Triq ix-Xagħra tal-Bandieri - Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar, tiġi mogħtija it-tarmac?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-programm ta' toroq li se jkunu qed isiru mill-ADT.

Vapur t'Għawdex — Sistema ta' kif jitpoġġew il-karozzi

Question

Filwaqt li napprezza r-risposta li ngħatajt għal mistoqsija parlamentari 3796, jista' l-Ministru jara li meta l-queue għat-tagħbija jkun jikkonsisti biss f'karozzi żgħar (light cars) jinbidel il-mod li bih jitgħabbew jew jitqiegħdu fuq il-vapur il-karozzi biex jiġi assigurat li kemm jista' jkun il-ħatt tal-vapur ikun jirrifletti wkoll il-queue fuq l-art qabel dak li jkun jitla' fuq il-vapur?

Response (FENECH, TONIO)

Il-Management tal-Gozo Channel ħa nota tas-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar — Triq Jean De La Cassiere - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti ta' Triq Jean De La Cassiere li għadha mhux mogħtija t-tarmak fil-fatt tingħata dan it-tarmak, għaliex it-tajn li joħroġ minnha meta tkun ix-xita qed joħloq numru ta' inkonvenjenzi u wkoll għaliex din it-triq tinsab qrib ħafna tat-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar, minbarra li fiha numru sew ta' residenti li qed joqogħdu f'appartamenti tal-Gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Programmi t'għajnuna infrastruttuali — toroq fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema programmi t'għajnuna infrastrutturali għat-toroq fir-raba' mistennija jibdew jitħaddmu matul is-sena d-dieħla biex jitjieb l-aċċess tal-bdiewa għar-raba' tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-program tal-Iżvilupp Rurali li jkopri perjodu 2007 – 2013 joffri għajnuna infrastrutturali għat-toroq fir-raba' permezz tal-miżura 125. Din il-miżura ser tiġi mnedija fl-ewwel erba` xhur ta` sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #4262 Sitting 61 2008-11-25 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Korsijiet post gradute fil-mediċina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet ma' istituzzjonijiet edukattivi barranin fil-qasam tas-saħħa biex dawn jiftħu ċentri għall-post graduate courses fil-mediċina f'pajjiżna?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #4263 Sitting 61 2008-11-25 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Polikliniċi miftuħa 24 siegħa kuljum

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma bħalissa l-polikliniċi tal-gvern li jinsabu miftuħa biex jagħtu s-servizz lill-pubbliku, 24 siegħa kuljum? Fejn jinsabu dawn il-polikliniċi? Liema huma dawk il-kliniċi li mhux qed jinfetħu kuljum? Meta hu mistenni li jinfetħu dawk il-kliniċi li mhux miftuħa 24 siegħa kuljum bħalissa?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.