Issa li l-Gvern qed jipproponi bidliet fil-liġijiet tal-kera ta' pajjiżna, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-gvern innifsu jagħti eżempju konkret billi jagħti ħlas ta' kirja ogħla mill-mument li tgħaddi l-liġi fil-parlament, mingħajr ma nistennew iktar żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-Gvern ser ikun qed jimxi ma’ dak li tistipula il-liġi ġdida tal-kera fiż-żmien opportun.
B'referenza għar-risposta għal mistoqsija parlamentari 1543, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-bini ta' ħitan tas-sejjieħ mal-kunsilli lokali?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni tagħmilx xi tip ta' surveillance fuq l-offerti li jitħabbru minn żmien għal żmien mill-operaturi tat-telefonija f'Malta? Meta saret l-aħħar investigazzjoni biex jiġi assigurat li fil-fatt skemi jew offerti oħra li jitħabbru minn żmien għal żmien ikunu qed jiġu osservati mill-operaturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l- Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni teżerċita price control fuq servizzi tat-telefonija biss fejn l-operatur ikun ġie meqjus li għandu Significant Market Power fis-suq wara li jkun sar analiżi tas-suq li jsegwi l-proċedura stabbilita taħt il-qafas komuni tal-Unjoni Ewropeja. Fil-każ li servizz provdut minn operatur partikolari huwa suġġett għal price control, kull tariffa ġdida jew tibdil fit-tariffi jeħtieġ il-permess tal-Awtorità. Dan isir biss wara li jkun ġie mitmum analiżi dettaljat tat-tariffi proposti mill-operatur.
Fir-rigward ta’ servizzi pprovduti minn operaturi tat-telefonija fejn l-obbligu ta’ price control ma jkunx ġie stabbilit minħabba li l-operatur ma jkunx meqjus li għandu Significant Market Power fis-suq partikolari, ma jinħtieġ ebda permess mill-Awtorità u tariffi ġodda jew tibdil fit-tariffi jistgħu jiġu mħabbrin mill-operatur fuq bażi kompetittiva. Madanakollu, l-Awtorità għandha proċessi fejn tilqa' mistoqsijiet jew ilmenti mill-publiku rigward servizzi pprovduti fis-suq sabiex tagħti l-informazzjoni neċessarja lill-publiku, u fejn jiġi meqjus li iżjed investigazzjoni hija meħtieġa, tqajjem l-ilmenti rispettivi mal-operaturi kkonċernati.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien il-piż u l-ammont ta' flus ta' prodott li nbiegħu mill-pitkalija matul l-2008? Kif jitqabblu dawn l-ammonti ma' l-ammonti ta' bejgħ fis-snin 2006 u 2007?
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — Interventi u telf ta' ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-interventi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fl-inħawi ta' Buġibba, San Pawl il-Baħar, Qawra, Xemxija, Burmarrad u Wardija matul ix-xhur April - Awwissu 2008? Kemm kien it-telf ta' ilma reġistrat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma f'dawn l-istess inħawi matul il-perjodu msemmi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta' interventi li saru f'dawn il-lokalitajiet kollha bejn April u Awissu tal-2008 hija ta 963 li jammontaw għal 10% ta' l-interventi kollha li saru fl-istess perjodu f'Malta. L-ammont ta' telf t'ilma reġistrat varja minn madwar 39.9 metru kubu fis-siegħa għal madwar 84.9 metru kubu fis-siegħa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' "public service garages" li kienu liċenzjati fl-aħħar tal-1998, 2003 u Settembru 2008 rispettivament?
Kemm kien, fl-istess dati, in-numru ta' karozzi reġistrati bħala K plates, QZ plates, VY plates, GY plates, MY plates u CY plates fuq dawn l-istess garages?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Billi kif inhu magħruf l-aċċess tal-bdiewa għar-raba' tagħhom hu importanti ferm biex l-istess bdiewa jaslu fir-raba' u biex iġorru l-prodotti tagħhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda programm komprensiv ta' bini u rranġar ta' toroq fil-kampanja għall-benefiċċju tas-settur agrikolu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li waqt li napprezza l-osservazzjoni li qed jagħmel, fil-mument preżenti jeżistu prioritajiet oħra fejn jintużaw ir-riżorsi limitati li għandna fit-tiswija tat-toroq.
Passaġġi fil-kampanja — Permess tal-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4573, billi l-aċċess għar-raba' huwa ta' importanza fundamentali għax-xogħol tar-raba', jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent issib mod aċċettabbli kif dawn il-mogħdijiet ikun jista' jsir xogħol fuqhom b'mod li hu aċċettabli ambjentalment iżda mingħajr ma jagħmel dan ix-xogħol xi ħaġa impossibli li jsir?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema esperimenti dwar is-siġar tal-frott saru mid-dipartiment ikkonċernat f'Malta matul l-aħħar ħames snin? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-esperimenti? Saru xi suġġerimenti partikulari lill-bdiewa li jkabbru s-siġar tal-frott, bħala riżultat ta' dawn l-esperimenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li fil-Mixtla ta’ San Vinċenż de Paule dawn l-aħħar ħames snin saru diversi esperimenti fosthom:
1. L-introduzzjoni
ta’ rootstook
(tas-selvaġġ) differenti miġjub minn pajjiżi oħra biex fuqu jkun jista’ jitlaqqam siġar tal-frott bħall-lanġas, bambinella, tut, għajnbaqar, tuffieħ, ċirasa u frott irqieq. Dawn l-esperimenti qed isiru biex jinstabu l-aħjar metodi ta’ tilqim u tnissil.
2. Qed isiru esperimenti wkoll fuq is-selvaġġ taż-żebbuġ miż-żerriegħa.
3. Qed jiġu ntrodotti tipi ta’ frott eżotiku bħaż-żinżel Ċiniż, l-avokado, il-guava u l-kaki.
Ħafna minn dawn l-esperimenti u provi jridu jsiru fuq numru ta’ snin qabel jinkiseb ir-riżultat mixtieq. Dawn l-esperimenti jissarfu f’siġar tal-frott li huma mnissla b’metodi aktar effiċjenti kemm fin-numru u kwalita’, fi produzzjoni ta’ siġar tal-frott li huma aktar b’saħħithom u li kapaċi jikbru fl-ambjent tagħna, u f’siġar li kapaċi jirreżistu aktar għal diversi tipi ta’ mard.
Is-sezzjoni tal-Pomoloġija kontinwament tagħti lill-bdiewa pariri skond ir-riżultati miksuba.
Minn naħa tad-Dipartiment għas-Saħħa tal-pjanti jien infurmat li kontinwament isiru testijiet għal mard li jattakka s-siġar tal-frott. Qed issir ukoll il-karaterizzazzjoni tas-siġar tal-frott Maltin biex tiġi fformulata d-deskrizzjoni tal-varjetà.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet għat-twaqqigħ ta' bini li kienu jservu bħala lukandi, biex minnufih jinbena bini ieħor? Fejn jinstabu dawn l-applikazzjonijiet?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fejn u meta l-Awtorità tad-Djar tibni l-appartamenti tal-gvern, din l-istess awtorità jew f'korporazzjoni ma' awtoritajiet oħra tassigura li l-infrastruttura neċessarja kollha (ilma,drenaġġ, toroq u dawl barra) tiġi inkorporata fil-proġett għaliex f'ċerti każi l-blokki mibnija jitqassmu lir-residenti mingħajr dawn is-servizzi u bi problemi mhux żgħar għalihom?
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawk l-għasses tal-Pulizija f'Malta u f'Għawdex li jinsabu magħluqa fil-fatt jibdew jinfetħu regolarment (jekk possibli 24 siegħa kuljum)? Fejn dan mhux possibli jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn l-għasses jitneħħewlhom is-sinjali li jindikaw li l-post huwa għassa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Għases prinċipali kollha jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li l-oħrajn jingħalqu temporanjament meta l-preżenza tal-pulizija li jkun xogħol f'dik l-Għassa tkun meħtieġa x'imkien ieħor. Għalhekk ma narax li huwa l-każ li għandu jsir dak li qed jiġi propost mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkunsidra l-possibilità li persuni li jbiddlu l-vetturi tagħhom, b'mod partikulari dawk kummerċjali, biex jagħmlu upgradetal-vetturi tagħhom għal €4 jew €5 jagħmlu dan billi jżommu l-istess numru tal-vettura li tkun qed tiġi mibdula u għalhekk ma jkollhomx għalfejn iħallsu l-liċenzja mill-ġdid għall-perijodu tas-sena li jkun fadal diġà mħallsa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kull ħlas ta’ liċenzja tat-Triq huwa marbut mal-ħlas ta’ dik il-vettura partikolari u mhux possibli li jiġi ttrasferit fuq vettura oħra.
Jekk vettura tiġi
upgrade
, dik il-vettura tista tiġi ggaraxxjata u l-ADT tagħti
refund
tal-bqija tal-liċenzja mhux użata għal dak il-perjodu.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3619 jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-proċedura li normalment tintuża biex rotta ta' karozzi tal-linja tinbidel għal terminu temporanju ta' jum wieħed jew inqas?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li normalment, rotta tinbidel temporanjament u fuq bażi ta’ prova wara li jsir qbil bejn l-ADT, l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Infurmat ukoll li jekk wara ż-żmien ta’ prova, it-tlett partijiet jaqblu li t-tibdil li jkun sar ma’ jkunx sar fl-aħjar interess tal-passiġġier, ir-rotta terġa’ lura għan-normal jew inkella xi tibdil ieħor kif ikun meħtieġ.
Jien infurmat ukoll li m’ hemm l-ebda żmien speċifiku ta’ kemm rotta għandha iddum fuq bażi ta’ prova.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4473, jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' fejn f'Malta u f'Għawdex (lokalità, lokalità ) jinsabu l-2643 borehole/nixxiegħa li ġew reġistrati?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4212 li saret mill-Onor. Philip Mifsud, jista' l-Ministru jgħid f'liema partijiet tar-rotta hu mistenni li jitħaffru trinek ġodda? Meta hu mistenni li dawn it-trinek jitħaffru u x'ser isir biex jiġi assigurat li l-inkonvenjenti (meħtieġa) jiġu mnaqqsa kemm jista' jkun?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li d-diversi overhang signs li għandna madwar Malta jiġu rranġati? Fejn hu meħtieġ, meta se jsir bdil totali ta' dawn l-istess sinjali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'użu qed isir miċ-Ċentru tal-Micropropagation f'tal-Kmand? X'tip ta' investiment sar f'dan iċ-ċentru matul l-aħħar ħames snin? Jista' jagħti tagħrif jekk dan iċ-ċentru għandux xi programm ta' kollaborazzjoni ma' xi ċentri oħra ta' studju dwar l-agrikultura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li fis-sena 2000 iċ-Ċentru f’tal-Kmand inbidel fi Plant Biotechnology Centre li jinkludi fih id-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti. Dan id-Dipartiment jirregola u jikkordina l-attivitajiet immirati biex jikkontrollaw l-introduzzjoni u l-firxa ta’ insetti u mard li jagħmlu ħsara ekonomika fuq il-produzzjoni tal-pjanti. Jieħu ħsieb ukoll jimplimenta miżuri neċessarji li jigarantixxu produzzjoni ta’ pjanti ta’ kwalità.
F’dan iċ-Ċentru jsiru dijanjożi fuq pjanti għal mard minn batteri, virosi u mikroplasmi. Isiru wkoll konservazzjoni u tkabbir ta’ varjetajiet lokali u ta’ pjanti endemiċi permezz tat-tkabbir
in vitro
u tkabbir konvenzjonali. Dan iċ-Ċentru huwa wkoll mgħammar biex fih jinżammu pjanti taħt kwarantina. Fl-egħlieqi jsiru wkoll
trials
u studji fuq varjetajiet u żrieragħ lokali.
L-investimenti kapitali li saru f'dawn l-aħħar ħames snin jinkludu x-xiri ta’ kompjuters u ta’ mikroskopji għad-dijanjosi tal-mard.
Dan iċ-Ċentru jikkollabora kontinwament ma' Istituti oħra ta' studju dwar l-agrikoltura fosthom l-
Institute of Agriculture
fl-Università ta’ Malta,
Central Science Laboratories
ta’ l-Ingilterra
, Laboratori di Diagnostica di Bologna
u
CIHEAM
ta’ Bari fl-Italja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li x-xogħol fl-għassa ta' San Pawl il-Baħar jitlesta? Meta, wara dan, hu mistenni li din l-istess għassa tibda tinfetaħ kuljum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Bħal ma diġa spjegajt f’Mistoqsijiet preċedenti fuq l-istess suġġett, ninsab infurmat illi x-xogħol fuq din l-Għassa għadu sejjer, fejn fost l-oħrajn trid tkun solvuta il-problema li hemm dwar ilmijiet li jinġemgħu fit-triq quddiem din l-Għassa. Dwar din il-problema intalbet ukoll l-assistenza tal-Kunsill Lokali, li qed ukoll jassisti sabiex din il-problema tkun solvuta. Għaldaqtant għad m’hemmx data fissa meta dan irid ikun lest. Naturalment wara li x-xogħol meħtieġ ikun lest, din l-Għassa tibda tkun immanjata regolarment, skond il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz.