talbiet għal estensjonijiet ta' faċilitajiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet għal estensjonijiet ta' faċilitajiet agrikoli li bħalissa jinsabu pendenti quddiem xi sezzjoni tal-Ministeru responsabbli mill-Agrikoltura? Kemm ilhom hemm?
Trobbija tal-annimali jew tkabbir tal-ħaxix u frott — Persuni b'taħriġ speċjalizzat
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni b'taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali jew tkabbir ta' ħaxix u frott li bħalissa huma impjegati mad-dipartiment konċernat? F'liema oqsma huma speċjalizzati dawk li huma impjegati bħalissa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa fid-Dipartiment tal-Agrikoltura hemm tmintax il-persuna li għandhom taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali jew tkabbir tal-ħaxix u frott. Dawn huma speċjalizzati f’dawn l-oqsma:
MSc in Agricultural Studies
MSc Chemistry
MSc International Horticultural Studies
B Educ Biology
BSc Agro Eco System Management
Post Grad Diploma in Animal Production
Post Grad Certificate Bee Tech Corso per esperti apistici
Diploma in Horticulture
Diploma in Agriculture
Diploma Management Studies
Diploma Animal Husbandry
Diploma in Commercial Horticulture
Diploma in Water Management
Higher Certificate Wines & Spirits Educ Trust
Intermediate Theory in Beekeeping Certificate
Torri ta' San Luċjan — sezzjoni ta' l-Agrikultura - tkabbir ta' ħut - esperimaneti
Question
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar liema esperimenti qed isiru bħalissa għal dak li jikkonċerna tkabbir ta' ħut fil-fish farms mis-sezzjoni ta' l-Agrikultura fit-Torri ta' San Luċjan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalissa qed issir riċerka fuq id-diversifikazzjoni tal-ħut għall-akwakultura. Iċ-Ċentru tal-Akwakultura ġewwa t-torri ta’ San Luċjan qed jipparteċipa f’żewġ proġetti kbar. Wieħed biex jitfaqqas l-aċċjol u l-ieħor biex jitfaqqas it-tonn.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 5594, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm persuni li fil-fatt ressqu talbiet għar-rikonsiderazzjoni jew informazzjoni?
Fl-istess ħin, jekk persuna li hi sid ta' art fl-inħawi indikati fil-pjanta li tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra, li iżda ma ġietx notifikata b'dan l-iskedar, kif tista' tali persuna tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk sarx xi progress dwar il-possibilità li jkun hemm karozzi tal-linja li f'ċertu ħinijiet tal-ġurnata jitilqu mix-Xemxija, biex jaqdu aħjar lir-residenti li joqogħdu fl-inħawi tax-Xemxija u San Pawl il-Baħar? Jekk ma ntlaħaqx ftehim, jista' jipprova jiffinalizza dawn id-diskussjonjiet qabel is-sajf?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-mistoqsija Nru. 2184, ninfurmah li s-suġġeriment tiegħu qiegħed ikun meqjus.
Jista’ l-Ministru jagħti ndikazzjoni dwar meta hu mistenni li jkun hemm intake ieħor ta' pulizija fil-Korp tal-Pulizija? Kemm hu mistenni li jiġu ngaġġati persuni f'dan l-intake?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ir-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir skont l-esiġenzi tal-Korp u n-neċċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx xi skema ta' taħriġ għall-ħaddiema li jaħdmu mal-kuntratturi tat-toroq? Jekk hemm, liema huma dawn l-iskemi u kemm hemm ħaddiema li qed jiġu mħarrġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx xi żgħażagħ li huma sponsorjati mill-ministeru li qed jistudjaw għal xi degreef'oqsma agrikoli differenti? Jekk iva, kemm hemm u f'liema oqsma qed jiġu mħarrġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali qed jisponsorja lil sitt impjegati tiegħu li qed jattendu korsijiet fl-Università ta’ Malta. Minn dawn, hemm erba’ li bdew jattendu kors f’Ottubru 2008, li jwassal għall-‘Preparatory Course for Diploma in Agriculture’. Ieħor beda jattendi kors f’Ottubru 2007, li jwassal għall-‘BSc in Mediterranean Agro-Ecosystems Management’ u mpjegata oħra li qed tattendi t-tieni sena ta’ kors li jwassal għall-Diploma fl-Agrikoltura.
Awtorità Maltija tat-Turiżmu — tenders għal xogħol
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-tenders li ħarġet l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu biex tkun tista' twettaq ix-xogħol li għandu jsir fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u l-Qawra?
Meta hu mistenni li f'kull każ jinbena x-xogħol neċessarju?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ħarġet żewġ tenders s’issa li jirrigwardjaw xogħol fiż-żona msemmija. Dawn huma:
CT 2023/07 –
Construction Works in Conjunction with the Qawra Beach Upgrading Project, Ix-Xtajta tal-Qawra –
maħruġ fit-30/01/09 u x-xogħol maħsub li jinbeda wara s-sajf;
CT 031/09 CT 2564/08 –
Development of a Public Aquarium and Marine Attraction at Qawra –
li huwa dokument ta’ pre-kwalifika għat-
tender
li għad trid toħroġ għall-bini ta’ dan il-kumpless. Ix-xogħol huwa maħsub li jinbeda aktar tard din is-sena.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li fil-qasam mediku jinbdew jinżammu f'Malta korsijiet post graduate? F'liema oqsma tal-mediċina hu mistenni li jibdew jinżammu dawn il-korsijiet? Ma liema istituzzjonijiet mediċi internazzjonali hu mistenni li jibdew jiġu organizzati dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-korsijiet li ser jiġu offruti f’Ottubru 2009 huma kif ġej:
Master of Science in Public Health offrut fuq bażi part-time
Master of Science in Pathology offrut fuq bażi full-time jew part-time:
Oqsma:
Molecular Genetics and Haematology
Blood transfusion Science
Neuroscience
Molecular Genetics
Haematology
Microbiology
Master of Science in Family Medicine offrut fuq bażi part-time filgħodu
Master of Science in Pharmacy offrut fuq bażi full-time.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif jekk hux possibli li l-ministeru jieħu passi partikolari biex jgħin fit-twaqqif ta' mużewijiet/wirjiet permanenti mis-settur privat f'oqsma differenti tax-xogħol f'pajjiżna? Tista' l-Heritage Malta tgħin fit-twaqqif ta' wirjiet permanenti jew mużewijiet ta' dan it-tip li fihom ikun hemm investiment mill-privat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li fil-każ tat-twaqqif ta’ wirjiet permanenti jew mużewijiet ta’ dan it-tip li fihom ikun hemm investiment mill-privat il-Bord tal-Heritage Malta jikkunsidra t-talbiet li jistgħu jaslu każ b’każ.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi partikolari biex studenti fil-qasam mediku (dawk li jilhqu tobba) fil-fatt ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw hawn Malta għal-degrees wara l-ewwel degree tal-M.D.? Jekk iva, liema istituzzjonijiet barranin se jistabbilixxu ruħhom f'Malta u meta mistenni li jibdew l-ewwel korsijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk sarx xi studji partikolari biex jiġi stabbilit x'xogħol għandu jsir biex ir-Roman Baths fl-inħawi tal-Imġarr fil-fatt jiġu rranġati u ppreservati b'mod li jistgħu jitgawdew minn kulħadd?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li Heritage Malta rebħet fondi mill-UNESCO sabiex tagħmel rapport intensiv fuq il-qagħda tal-konservazzjoni tal-mużajċi kollha ta’ Malta li ftit minnhom jinsabu wkoll fuq dan is-sit Ruman. Sa llum diġa’ tlestiet id-dokumentazzjoni fotografika (Rectified Photography) tas-sit kollu u beda x-xogħol ta’ conservation mapping tal-istat tal-mużajċi tad-Domus Romana fir-Rabat. Wara li dan jitlesta x-xogħol se jkompli fuq il-Banjijiet Rumani ta’ Għajn Tuffieħa. Dawn l-istudji wara jridu jiġu studjati mill-esperta Taljana li tqabbdet apposta sabiex jitnieda pjan ta’ xogħol li jiddetermina x’hemm bżonn bħala riżorsi sabiex il-proġett jkun jista’ jiġi ffinanzjat.
Tista' l-Ministru permezz ta' Heritage Malta, tagħti indikazzjoni ta' liema huma s-siti storiċi li xi għaqda jew individwi talbu biex jieħdu ħsiebhom u li jużawhom għal xi raġuni jew oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Heritage Malta ma rċeviet l-ebda talba.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ta' kemm-il darba matul l-2008, il-pulizija kienet mitluba biex tgħin uffiċjali tad-dwana li kienu qabdu materjal suspettuż at point of entry fl-airport jew portijiet Maltin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress li din il-mistoqsija tirreferi għal talbiet li saru minn Dipartiment tal-Gvern, naħseb ikun għaqli u opportun li tali informazzjoni tintalab lid-Dipartiment ikkonċernat. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi ta' interventi mid-dwana wara li f'Malta waslet merkanzija, li tkun qed tiġi mdaħħla mill-importaturi, matul l-2008? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-interventi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul 2008 id-Diviżjoni tad-Dwana irċeviet 50,219 dikjarazjoni ta’ importazzjoni. Minn dawn 15,903 ġew fiżikament eżaminati u jirriżulta li nġabret is-somma ta’ €452,491 f’taxxi addizjonali u penali imqassma kif jidher hawn taħt:
€
Penali
122,523
Dazju ta’ importazzjoni
74,787
Dazju tas-sisa
1,261
Anti-Dumping Duty
137,829
Dazju Agrikolu
575
VAT
115,516
TOTAL
452,491
Passaġġi fil-kampanja — Permess tal-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4573, billi l-aċċess għar-raba' huwa ta' importanza fundamentali għax-xogħol tar-raba', jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent issib mod aċċettabbli kif dawn il-mogħdijiet ikun jista' jsir xogħol fuqhom b'mod li hu aċċettabli ambjentalment iżda mingħajr ma jagħmel dan ix-xogħol xi ħaġa impossibli li jsir?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wieħed jifhem li l-aċċess għar-raba' huwa importanti. Huwa daqstant ieħor xieraq li x-xogħlijiet għal dan il-għan ikunu kompatibbli mal-ħarsien ta' l-ambjent tal-kampanja u ma joħolqux sfreġji fil-pajsaġġ rurali. Għandu jkun żgurat ukoll li x-xogħol fuq aċċessi ġodda (jew il-bdil ta' aċċessi) ikun tassew marbut max-xogħol tar-raba', ma jkunx maħsub biex jaqdi żvilupp abbużiv f'postijiet imwarrba, u lanqas ma jinkoraġġixxi l-frammentazzjoni tar-raba'. Fejn l-art għandha qlib qawwi, huwa importanti li l-aċċessi ma jwasslux għal erożjoni aċċelerata fl-artijiet ta' madwar. Għaldaqstant, filwaqt li hemm xi prinċipji bażiċi li jistgħu jkunu applikati bħala regola ġenerali, aspetti oħra jiddependu mill-kuntest speċifiku tal-post, kemm bħala ġustifikazzjoni għax-xogħlijiet kif ukoll bħala kunsiderazzjonijiet ambjentali li għandhom jitqiesu.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta bit-tagħrif l-ieħor relattiv magħha tal-area fl-inħawi tax-Xemxija, Wardija, San Martin, li ġiet skedata riċentement? Billi l-bdiewa (mhux kollha) rċevew kopja ta' din il-pjanta li diffiċli ferm tiġi nterpretata, jista' jara li fil-fatt il-bdiewa jingħataw estensjoni taż-żmien biex iwieġbu għal din il-korrispondenza? Jista' jiġi assigurat li kull bidwi jirċievi din il-pjanta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sezzjoni 46(2A) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp jispeċifika li għandhom jiġu nnotifikati s-sidien tal-proprejtà skedata u mhux terzi persuni, bħal per eżempju min għandu l-qbiela fl-art skedata jew min qiegħed fil-kiri.
L-iskedar tal-Wardija ġie approvat mill-MEPA fil-11 ta' Diċembru 2008. Dan l-iskedar u kull proċedura relatata miegħu saru kif preskritt f'Sezzjoni 46 ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. L-iskedar ġie ppubblikat fil-gazzetta tal-Gvern fid-19 ta' Diċembru 2008 (Avviż Numru 1137/08) u f'gazzetta lokali fid-9 ta' Jannar 2009. In-notifikazzjonijiet intbagħtu b'posta reġistrata fil-5 ta' Jannar 2009 u twaħħlu wkoll in-notifikazzjoni ta' l-iskedar fl-inħawi skedati fis-16 ta' Jannar 2009, kif mitlub mill-liġi.
B'kollox intbagħtu 172 notifikazzjoni ta' l-iskedar tal-Wardija. Il-lista li minnha jintbagħtu n-notifikazzjonijiet ta' l-iskedar tin ġabar minn reġistru elettroniku ta' l-applikazzjonijiet kollha li jkunu ġew sottomessi lill-MEPA mis-sena 1992 sad-data ta' l-ittra (f'dal-każ sal-5 ta' Jannar 2009).
Sezzjoni 46(8) jagħti d-dritt lil sid ta' proprjetà skedata li jitlob rikonsiderazzjoni dwar kull skedar tal-proprejtà tiegħu. Din it-talba għandha ssir bil-miktub fi żmien tletin jum min-notifika jew mill-pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-liġi ma tippermettix li d-data speċikifata f'Sezzjoni 46(8) ta' l-Att Dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, cioé tletin jum, tiġi estiża.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-mappa ta' l-proprejtà skedata.
Imġarr- siti arkeoloġiċi — persuna biex tieħu ħsieb is-servizzi
Question
Tista' l-Ministru tara jekk hux possibbli li n-numru ta' siti arkeoloġiċi li hemm fl-inħawi tal-Imġarr ikollhom magħhom, kuljum, persuna li tieħu ħsieb dawn is-servizzi biex it-turisti, kif ukoll il-Maltin, ikunu jistgħu jżuru dawn l-istess siti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li wara studji dettaljati, ġie konkluż li l-istat ta’ konservazzjoni tat-tempji ta’ Skorba u Ta’ Ħaġrat ma jippermettix li jilqa’ fih nies kuljum minħabba l-fraġilita’ tal-art preistorika taż-żewġ tempji. Dan jista’ jsir darba fil-ġimgħa biss sabiex ma jsirx ħsara, u hekk qed isir.
Bħalissa qed isiru studji fuq is-sit tal-banjijiet Rumani, u qabel dawn jiġu konklużi u s-sit jiġi kkonservat, dan ma jistax jinfetaħ għall-pubbliku.