Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #6487 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bereġ lokali — servizz ta' tobba

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' bereġ lokali li minnhom jingħata servizz ta' tabib, jew tqassim ta' pilloli? F'liema lokalità jinsabu dawn il-bereġ?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Salina — Sukkurzju

Question

Billi fis-sit tas-Sukkurzju fis-Salina tpoġġew diversi blokki tal-konkrit, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'ser ikun l-użu ta' dawn il-blokki tal-konkrit? Jista' jagħti wkoll tagħrif jekk il-materjal li tqiegħed fil-kanal proprju hux se jibqa' hemm, jew hux ser jitneħħa iktar 'l quddiem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-blokki li tpoġġew fis-Sukkorsju huma l-pedament għall- precast culvert li ser jitpoġġa fil-post biex terġa tiġi maħluqa ċ-ċirkulazzjoni ta’ l-ilma madwar is-Salini. Il-materjal kellu jitqiegħed biex ikun hemm aċċess għax-xoghol meħtieġ biex isir rinfurzar ta’ parti mill-ħitan li kienu ġarrbu ħsara bil-maltemp. Il-materjal li tqiegħed ser jerġa jitneħħa meta jispiċċa x-xogħol ta’ taħmil.

Road tax

Question

Billi minn din is-sena nbidlu l-kriterji li abbażi tagħhom wieħed iħallas il-liċenzja (road tax) annwali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt bniedem li jbiddel il-magna tal-vettura tiegħu, mingħajr ma jbiddel il-vettura hux ser ikun jista' jitlob għar-reviżjoni tal-ħlas dovut, abbażi ta' l-emissjonijiet li l-magna mqiegħda ġdida fil-fatt tipproduċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #6574 Sitting 88 2009-03-04 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi allokati lill-kunsilli lokali — Bidla fil-formola

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li tiġi implimentata l-bidla fil-formola applikata għall-fondi allokati lill-kunsilli lokali, b'mod li l-bidliet demografiċi fix-xhur tas-sajf u l-preżenza ta' eluf ta' viżitaturi oħra tkun meħuda in konsiderazzjoni fl-allokazzjoni tal-fondi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sar eżerċizzju mill-Mangement Efficiency Unit (MEU) dwar metodu ġdid ta’ kif għandha ssir l-allokazzjoni finanzjarja lill-Kunsilli Lokali. F’dan l-eżerċizzju ġew ikkunsidrati diversi miżuri ġodda sabiex it-tqassim tal-fondi ikun aktar ekwu fid-dawl tad-diversi ċirkostanzi partikolari tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, li jistgħu jinkludu ukoll il-fattur imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Id-deċizjoni finali dwar il-metodu l-ġdid ta’ finanzjament għad trid tittieħed.

Bowsers rreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bowsers li huma reġistrati mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi biex iġorru diversi tipi ta' ilma, inkluż dak maħmuġ? F'liema lokalita' huma reġistrati dawn il-bowers li huma reġistrati mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #5326 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Applikazzjonijiet għat-twaqqigħ ta' bini

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' applikazzjonijiet għat-twaqqigħ ta' bini li kienu jservu bħala lukandi, biex minnufih jinbena bini ieħor? Fejn jinstabu dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma’ l-Awtorità ġew sottomessi għaxar (10) applikazzjonijiet għat-twaqqiegħ ta' bini li kien iservi bħala lukandi/kumplessi turistiċi biex minflok jinbena bini residenzjali jew kummerċjali. Dawn l-applikazzjonijiet jinsabu f'dawn il-lokalitajiet: Rabat (Malta), San Pawl il-Baħar, Marsaskala, Sliema, Swieqi, San Ġiljan, Mellieħa u Għajnsielem.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — każijiet fuq titoli tal-art

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif ser jiġu trattati dawk il-każi fejn persuni li għandhom titoli fuq art, jew bini tal-Gvern fil-kampanja li applikaw għal xi permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u li nħareġ, iżda d-Dipartiment tal-Artijiet jew ma kienx infurmat jew fejn għalkemm kien infurmat, ma kien hemm l-ebda reazzjoni min-naħa tiegħu għal dik l-applikazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-permessi għall-iżvilupp li jinħarġu mill-MEPA għandhom kundizzjoni li tgħid li l-applikant irid jikseb il-kunsens ta’ sid l-art qabel ma jinbeda x-xogħol. Meta l-art tkun proprjetà tal-Gvern, l-applikant għandu l-obbligu li jibgħat kopja tal-permess flimkien mall-pjanti approvati lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà. Jekk l-art fejn ser isir l-iżvilupp tkun mikrija għand l-applikant, jiġi vverifikat jekk il-permess maħruġ mill-MEPA huwiex konformi mall-kundizzjonijiet tal-kirja li għandu, u jekk dan ikun il-każ, jinħareġ permess mid-Dipartiment tal-Artijiet li jkopri dan l-iżvilupp. F’każ li l-permess maħruġ ma jkunx konformi mall-kundizzjoni tal-kirja tal-applikant, id-Dipartiment jirrifjuta li jagħti l-kunsens tiegħu. Madanakollu l-applikant xorta jista’ jitlob li l-permess li kiseb jiġi kkunsidrat skond id-disposizzjoni tal-Att dwar it-Trasferiment tal-Proprjeta’ (Kap268) u dan dejjem skond il-mertu tal-każ.

Il-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr — art tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema art, skont il-media lokali, ġiet reġistrata bħala tal-Gvern fl-inħawi tal-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr? X'jista' jagħmel bniedem li jaħseb li għandu art li tinsab fl-inħawi hekk reġistrati? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li ġew reġistrati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-art li ġiet irreġistrata f’isem il-Gvern fl-inħawi tal-Ġnejna, Fomm ir-Riħ u l-Imġarr. Jekk xi individwu jaħseb li għandu art li tinsab fl-inħawi hekk reġistrati, għandu l-ewwel jikkonferma mar-Reġistru tal-Artijiet u jekk jirriżulta li l-art tiegħu ġiet irreġistrata f’isem il-Gvern, dan għandu jibgħat id-dokumentazzjoni kollha li jippruvaw li l-art in kwistjoni hija fil-fatt tiegħu, lid-Dipartiment għat-Tmexxija tal-Proprjetà.
Leg 11 PQ #6383 Sitting 87 2009-03-03 Oral · Interim From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bugibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar — toroq b'wiċċ ġdid

Question

Filwaqt li wieħed japprezza l-investiment li mistenni jsir fl-inħawi ta' Bugibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar biex dawn l-inħawi jingħataw dehra isbaħ, jista' l-Prim Ministru jaċċerta li l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta tingħaqad mal-kunsill lokali biex numru ta' toroq, inkluż dawk li żgur ma jistgħux isiru mill-fondi tal-kunsill lokali, fil-fatt jingħataw wiċċ ġdid sa qabel is-sajf li ġej?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ta' Qali — toroq msewwija

Question

Billi t-toroq ta' madwar Ta' Qali għandhom bżonn ta' manutenzjoni qawwija, u billi dawn jiffurmaw parti minn Ta' Qali li jaqa' taħt ir-responsabilità tal-Gvern Ċentrali, jista' l-Prim Ministru jara li l-Awtorità dwar it-Trasport tieħu passi neċessarji biex dawn it-toroq jiġu msewwija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT qed tagħmel xogħol ta' patcing bil- cold asphalt f'inħawi ta' Ta' Qali sabiex jitneħħa l-periklu. Sadanittant qed jitħejjew stejjem sabiex ikun ikkunsidrat għandux isir xogħol ta' titjib fit-toroq ta' din iż-żona, liema titjieb ikun jista' jsir meta jiġu allokati l-fondi neċessarji.

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — proċess tal-għażla ta' siti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess tal-għażla tas-siti li kien qed isir bejn l-Awtorità Marittima ta' Malta u l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Meta hu mistenni li jiġi konkluż dan l-istess rapport? X'inhuma l-pjani tal-Gvern għal dan is-settur?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għall-liema “proċess tal-għażla tas-siti” u għall-liema settur qed jirreferri.

Park tas-Simar — diskussjonijiet dwar it-tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar it-tmexxija tal-park tas-Simar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li turi dwar liema partijiet qed isiru d-diskussjonijiet biex ma jibqgħux amministrati mill-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Airport saċ-Ċirkewwa — vjaġġi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru vjaġġi mill-Airport saċ-Ċirkewwa u viċi-versa minn mindu nbeda dan is-servizz? Kemm inġarru passiġġieri f'kull direzzjoni rispettivament? Kemm tħallas jekk tħallas, sussidju għal dan is-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2061 .

Twaqqiegħ ta' bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm interventi ta' twaqqiegħ ta' bini fuq art tal-gvern fid-diversi nħawi ta' Malta? Fejn saru dawn l-interventi? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn u kemm kien hemm okkazjonijiet fejn minkejja l-fatt li kien hemm permessi għall-bini min-naħa tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar xorta waħda twaqqa' dan il-bini?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-interventi għat-twaqqiegħ ta’ bini fuq art tal-Gvern f’diversi nħawi f’Malta u Għawdex, f’dawn l-aħħar snin, kienu dawn li ġejjin: Sena Deskrizzjoni u Lokalita’ 2009 Magic Kiosk, Sliema Il-Cibo Restaurant, Qui Si Sana (demoliti mis-sid) Diversi strutturi illegali f’Selmun (dan l-intervent sar flimkien mal-MEPA) Ħajt ta’ Għalqa fis-Siġġiewi 2008 Diversi strutturi (iktar minn għoxrin) f’ caravan site Baħar Iċ-Ċagħaq Binja f’Bengħajsa Ftuħ ta’ sqaq f’Għajnsielem Strutturi f’Wied il-Qlejja, Mosta Ftuħ ta’ Sqaq f’San Pawl tat-Tarġa, Naxxar Struttura fi Jews Sally Port, Valletta 2007 Erba’ strutturi wara iċ-Ċentru Islamiku, Raħal Ġdid Ħamsin struttura fil-Kalkara (proġett ta’ Smart City) Għoxrin Struttura f’Bengħajsa (proġett ta’ l-Enemalta) 2006 Tmintax-il struttura u ammont sostanzjali ta’ mansab fil-Kalkara (proġett ta’ Smart City) Tlett huts u kamra f’Crown Work ditch, Floriana Dar fi Triq il-Fatati, Ħamrun Kamra wara l- Carnival huts fil-Floriana Fil-każi kollha msemmija, id-Dipartiment ta’ l-Artijiet waqqa’ l-bini wara li għamel żgumbrament skond il-Kapitlu 228 (Att dwar Żgumbrament minn Artijiet). Għaldaqstant id-Dipartiment ta’ l-Artijiet ma jidħolx fil-kwistjoni jekk il-bini sarx bil-permess ta’ l-Awtorita’ Maltija tal-Ippjanar u Ambjent jew le. Huwa utli li jiġi mtenni li anki fejn il-MEPA toħroġ permess dan il-permess dejjem joħroġ mingħajr priġudizzju għad-drittijiet ta’ terzi. Dan ifisser li d-drittijiet ta’ sid l-art qatt ma jistgħu jiġu ppriġudikati għax ikun inħareġ permess. Dan jgħodd ukoll għal meta s-sid ta’ l-art ikun il-Gvern.

Karrijiet tal-mejtin — liberalizzazzjoni - charges

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm tnaqqsu ċ-charges tal-ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin waqt il-funerali minn meta saret il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur? Kemm-il darba nġabret, mid-diviżjoni tal-konsumatur, jew xi diviżjoni oħra, din l-informazzjoni marbuta ma' dan ix-xogħol mil-liberalizzazzjoni sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara d-deċiżjoni li ttieħdet li jiġi lliberalizzat dan is-settur, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni mmedjatament bdiet bl-analiżi tas-suq in kwistjoni sabiex jiġi evalwat għall-konformita’ ma’ l-Att tal-Kompetizzjoni u dik tal-Konsumatur kif ukoll ġew avviċinati għadd ta’ entitajiet u operaturi li b’xi mod jew ieħor huma involuti.

Trasport bit-tramm

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' studju dwar it-trasport bit-tramm li kien tħabbar xi żmien ilu? Jista' jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Pjanti għat-terminal taċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li għalihom kien ħareġ il-permess għat-terminal taċ-Ċirkewwa? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess pjanti kif mibdula?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bring-in-sites — CCTV cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn bring-in-sites madwar Malta u Għawdex? Fejn jinsabu? Kemm minnhom għandhom CCTV camers stallati ħdejhom? Jista' jgħid jekk il-WasteServ hix beħsiebha twaħħal dawn is-CCTV cameras fejn hemm il-bring-in-sites?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li f’Malta u Għawdex hawn total ta’ 237 Bring-In-Site li huma mqassma skond kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minnhom hemm 14-il sit li għandhom CCTV camera installata ħdejhom. Il- Bring-in-sites huma kontinwament moniterjati minħabba abbużi u fejn jinħass il-bżonn jittieħdu l-miżuri neċessarji.

Selmun Palace Hotel — rapport fuq il-gazzetti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa, in-numru ta' persuni full-time li jaħdmu fis-Selmun Palace Hotel? Jekk dak li ġie rapportat fil-gazzetti u cioè li ħadd ma wera interess biex jixtri din il-lukanda, huwa minnu, x'inhu mistenni li jsir minn din l-istess lukanda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa il-kumpannija Selmun Palace Hotel Co Ltd għandha 73 ħaddiem 'full-time' fuq kuntratt indefinit jew definit. Kif intqal kemm il-darba, l-Air Malta, li għandha l-ishma kollha ta' din il-kumpannija, ser tiddisponi minn dawn l-ishma. Kif dan ser isir għadu qiegħed jiġi studjat.
Leg 11 PQ #6377 Sitting 86 2009-03-02 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Better Regulation Unit — ħruġ tal-liċenzji tan-negozju

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta twaqqaf il-Better Regulation Unit? X'tip ta' programm fassal dan il-unit? Liema regolamenti ġew identifikati bħala li jridu jitneħħew jew jitnaqqsu? X'tip ta' koperazzjoni kellu u għandu llum mad-diviżjonijiet tal-kummerċ jew oħrajn li huma responsabbli mill-ħruġ ta' liċenżji tan-negozju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Uffiċċju għar-Regolamentazzjoni Aħjar (BRU) ġie mwaqqaf fi ħdan il-Management Efficiency Unit (MEU) f’Jannar ta’ l-2006. Meta l-BRU ġiet imwaqqfa, hija ffukat l-isforzi tagħha fuq l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-moniteraġġ ta’ l-ewwel Pjan għas-Simplifikazzjoni għal Malta. Il-miżuri fil-Pjan għas-Simplifikazzjoni kienu jikkonsistu f’111-il proġett li kienu maqsuma f’sitt kategoriji : 1. twaqqif ta’ One-Stop-Shops jew konsolidazzjoni ta’ entitajtiet preżenti; 2. reviżjoni ta’ proċeduri / proċessi; 3. użu ta’ ICT u servizzi ta’ eGovernment ; 4. simplifikazzjoni ta’ liġijiet u tneħħija ta’ liġijiet li ma għadhomx validi; u 5. konsolidazzjoni ta’ formularju. Il-BRU ġie fdat bil-moniteraġġ ta’ l-implimentazzjoni tal-miżuri li għaliha huma responsabbli l-Ministeri. Sal-lum madwar nofs il-miżuri tal-Pjan tlestew. Kemm in-negozji kif ukoll iċ-ċittadini ibbenefikaw minn dawn il-proġetti. Il-BRU ħadmet flimkien mal-Ministeri, id-dipartiment u l-entitajiet regolatorji biex jitlestew kemm jista’ jkun mill-miżuri. Madanakollu, wieħed irid iżomm f’moħħu li minn meta dan il-Pjan ġie żviluppat sal-lum għadda ż-żmien u nbiddlu ċ-ċirkustanzi. Għalhekk bħalissa l-BRU ħejjiet rapport ta’ konklużjoni biex b’hekk jiġi magħluq dan il-Pjan eżistenti mill-aktar fis possibli, biex b’hekk jagħmel spazju għal pjan li hu aktar orjentat lejn in-negozju permezz tal-proposti li ser jitressqu fil-pjan il-ġdid. Huwa mistenni li dan iwassal biex ir-riżorsi tal-BRU jiġu utilizzati b’mod aħjar billi tingħata l-attenzjoni xierqa lil inizjattivi oħra aktar importanti fosthom li tgħin lil Gvern Malti jilħaq il-mira li hu kkommetta ma’ l-Unjoni Ewropeja li jnaqqas bi 15% il-piżijiet amministrattivi, b’mod partikulari dawk li joħorġu minn informazzjoni żejda li qed tintalab, fuq in-negozji sa l-2012. Ta’ min jgħid ukoll li issa li dan il-programm qiegħed fil-proċess li jiġi magħluq, l-BRU ħejja pjan strateġiku għal regolamentazzjoni aħjar għas-sentejn li ġejjin li ġie approvat mill-Kabinett f’Ottubru li għadda. Fost il-miżuri li fih dan il-pjan il-BRU bi ħsiebha tinkoraġġixxi t-tnedija ta’ taħriġ fil-Ministeri, dipartimenti u l-entitajiet regolatorji. Miżura oħra hija l-użu ta’ Manwal fis-Settur Pubbliku li ġie żviluppat fi Twinning Light Project li sar ma’ l-Irlanda ta’ Fuq bejn Frar u Awwissu 2008. Permezz ta’ dan il-Manwal ir-regolamentazzjoni ġdida ser tgħaddi minn proċess strutturat, professjonali u xjentifiku biex tkun relevanti għall-kuntest Malti, bl-inqas impatt negattiv fuq l-operaturi pero’ li tipprovdi l-protezzjoni meħtieġa lill-klienti u lill-pubbliku. Rigward liema regolamenti ġew identifikati bħala li jridu jitneħħew jew jitnaqqsu, kif diġà ġie spjegat hawn fuq il-miżuri tal-Pjan għas-Simplifikazzjoni ma kienux jinkludu biss dawk immirati lejn tneħħija jew tnaqqis ta’ regolamenti. Il-miżuri li ġew implimentati kienu ukoll immirati biex jiffaċilitaw proċessi u jippromovu l-użu ta’ ICT. Ta’ min jgħid ukoll li l-miżuri kienu mmirati kemm lejn is-settur tan-negozju kif ukoll lejn iċ-ċittadini. Il-lista tal-miżuri li tlestew qed tiġi impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra. Il-BRU meta ġie żviluppat il-Pjan għas-Simplifikazzjoni ma għamlitx dan waħida iżda ħadmet flimkien mall-Ministeri, Dipartimenti u entitajiet Governattivi oħra. Filfatt kull Ministeru, inkluż il-Ministeru responsabbli mill-kummerċ u l-ħruġ ta’ liċenzji, innomina persuna li r-rwol tagħha kien li tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ l-inizjattivi tal-Pjan għas-Simplifikazzjoni u affarijiet oħra relatati mar-regolamentazzjoni aħjar li jaqgħu taħt il-Ministeru konċernat. Il-BRU qed tahdem mill-qrib mas-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-Simplifikazzjoni ser tingħata nifs ġdid permezz ta’ konsultazzjoni ma’ setturi differenti, korpi kostitwiti u msieħba oħra f’dan il-qasam tan-negozju sabiex tinkiseb aktar informazzjoni u b’hekk inkunu nistgħu nindirizzaw l-problemi. Ser jiġi varat eżerċizzju ta’ konsultazzjoni għas-setturi tan-negozju maħsub sabiex jiġu identifikati dawk il-problemi amministrattivi li qed jiffaċċja dan is-settur kemm dawk speċifici għas-setturi partikolari u kemm dawk ġenerali għan-negozju eżempju l-ħruġ ta’ liċenzji tan-negozju. Il-Ministeri kollha ser ikunu mistiedna biex jattendu wkoll għal din il-konsultazzjoni biex b’hekk ikunu nvoluti f’dan l-eżerċizzju sa mill-bidu nett. L-informazzjoni miġbura tiġi imbagħad analizzata u s-soluzzjonijiet jiġu prijorizzati, kif ukoll tiġi mmoniterata l-implimentazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet.