Jista’ l-Prim Ministru jara li s-sezzjoni tal-beach cleaners matul dan is-sajf, tagħti l-kontribut tagħha biex il-bajjiet f’Malta uf’Għawdex jinżammu kemm jista’ jkun nodfa, u fejn hemm bżonn twettaq ħidma neċessarja flimkien mal-kunsilli lokali rispettivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-sezzjoni tal-beach cleaners għaddejja b’ħidma kontinwa u bir-riżorsi kollha għad-dispożizzjoni, biex ix-xtut jitnaddfu għall-istaġun tas-sajf.
Ninsab infurmat li minn dejjem eżistiet koperazzjoni mal-Kunsilli Lokali f’dan il-qasam.
Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu — investiment għal benefiċċju għar-residenti u turistiċi
Question
Jista’ l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità ta’ Malta tat-Turiżmu tikkoordina aktar il-ħidma tagħha mal-kunsilli lokali biex l-investiment li twettaq ikun tal-aħjar benefiċċju għar-residenti u għat-turiżmu in ġenerali?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu t-toroq f'San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Naxxar, Mġarr u Għargħur li se jingħataw wiċċ ġdid matul din is-sena 2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT żammet l-istess prijoritajiet li kienu inklużi fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali fil-leġislatura preċedenti . Dawn ix-xogħolijiet isiru meta jiġu allokati l-fondi meħtieġa u skond il-prijorita' ffissata.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5768, filwaqt li napprezza l-kontenut tar-risposta kif mogħtija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi tkun il-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li għandhom proprjetà tal-gvern jew imqabbla jew b'ċens validu mingħand il-Gvern, li javżaw lid-Dipartiment ta' l-Artijiet b'dak li jkunu se japplikaw għalih għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u d-dipartiment jibqa' ma jagħtix risposta lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant, li sakemm l-applikant ikun qed jiddikjara fl-applikazzjoni tiegħu li qed japplika għall-żvilupp fuq art tal-Gvern, it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern ma tieħu l-ebda pożizzjoni fil-konfront ta’ dawn l-applikazzjonijiet f’dan l-istant. Dan għaliex Paragrafu 2 taċ-Ċirkulari Nru PA 2/97 maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar, ineħħi kull obbligu ta’ konsultazzjoni mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern f’dawn il-każijiet. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-Ċirkulari Nru PA 2/97 għall-attenzjoni tal-Onor Interpellant.
Awtorità dwar it-Trasport — Qawra - rotot tal-karozzi tal-linja
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità dwar it-Trasport tara kif jistgħu jinbidlu r-rotot tal-karozzi tal-linja biex dawk il-persuni li joqogħdu fl-inħawi tal-Qawra, fil-fatt ikollhom mezz adegwat ta' trasport pubbliku biex jinqdew aħjar għall-ħteġijiet tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi kkunsidrata bħala parti mill-proposta tal-Gvern għal Network ġdid tat-trasport pubbliku.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex almenu fix-xhur tas-sajf ikun hemm estenzjonijiet fil-ħinijiet tat-trasport pubbliku minn u lejn il-Mellieħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-talba qiegħda tiġi ikkunsidrata bħala parti mill-proposta tal-Gvern għal Network gdid ta’ Trasport Pubbliku matul il-ġurnata u tul il-lejl.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stadju waslu l-applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-istadju fejn waslu l-applikazzjonijiet għal kmamar tan-nar li l-MEPA għandha quddiemha bħalissa.
Billi bosta dwal fl-inħawi tal-port taċ-Ċirkewwa (madwar il-mollijiet) ilhom maqtugħa għal xi żmien, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dawn jissewwew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lill-Awtorita' Marittima.
Billi fir-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7356 hemm referenza għall-Assoċjazzjoni tar-Residenti fil-Blokki, jista' l-Ministru jagħti tagħrif mill-informazzjoni miġbura għand l-Awtorita' tad-Djar, kemm huma l-blokki ta' flats tal-Gvern u kemm minn dawn għandhom Assocjazzjoni?
X'jiġri f'dawk il-każi fejn uħud mill-flats inbiegħu u fl-istess ħin fadal oħrajn li għadhom bil-kera?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li li s’issa l-Awtorita’ installat 89 lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern jiġifieri proprjeta’ tad-Dipartiment tal-Artijiet. F’dawn il-każijiet kollha, ġiet iffurmata Assoċjazzjoni tar-Residenti sabiex tassumi r-responsabilita’ kollha tal-amministrazzjoni tal-lift. Kemm ir-residenti inkwilini, kif ukoll ir-residenti li xtraw il-post u li jixtiequ jagħmlu użu mil-lift, jiffurmaw parti mill-Assoċjazzjoni tar-Residenti u jħallsu sehemhom għall-ispejjeż kollha neċessarji għall-operat, manutenzjoni u tiswijiet in konnesjoni mal-lift.
F’każijiet ta’ blokki ġodda fejn ġie installat lift, u fejn l-inkwilini jħallsu l-kera lill-Awtorita’ tad-Djar, dawn ukoll ġew obbligati jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti. Il-ftehim tal-kirja f’dawn il-każijiet, jobbliga ‘l-inkwilini li jħallsu miżata flimkien mal-kera, sabiex l-amministrazzjoni tal-lift tkun f’’idejn l-Awtorita’. S’issa l-Awtorita’ għandha 32 blokk fejn qed taħdem din is-sistema.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7590, jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibilità li d-diversi għaqdiet sportivi li għandna f'pajjiżna jissottomettu, wara talba għal ta' l-apposta min-naħa tal-Ministeru, t-talbiet tagħhom għall-ħlas ta' dawn il-kontijiet li l-għaqdiet għandhom mal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6573 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, cioè: Billi minn din is-sena nbidlu l-kriterji li abbażi tagħhom wieħed iħallas il-liċenzja (road tax) annwali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt bniedem li jbiddel il-magna tal-vettura tiegħu, mingħajr ma jbiddel il-vettura hux ser ikun jista' jitlob għar-reviżjoni tal-ħlas dovut, abbażi ta' l-emissjonijiet li l-magna mqiegħda ġdida fil-fatt tipproduċi?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' arranġament hemm bħalissa biex jitnaddfu l-iskips li fihom jitpoġġew il-karkassi ta' l-annimali tal-biċċerija? Kull kemm żmien hu mistenni li dawn l-iskips jitnaddfu?
San Pawl il-Baħar, Bugibba u Qawra — green plots - bini ta' ħajt madwarhom
Question
Billi fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Bugibba u Qawra ġew identifikati numru ta' siti li mhumiex mibnija (green plots), jista' l-Ministru jara jistgħux jittieħdu l-paċċi neċessarji biex dawn il-plots fil-fatt jinbnilhom ħajt madwarhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-Kunsill Lokali ntalab jipproċedi bil-proċess kif stipulat mal-MEPA biex jottjeni l-fondi neċessarji. Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet uriet id-disponibilità li tagħmel ix-xogħlijiet wara li l-Kunsill Lokali jkun ġab l-approvazzjoni mill-MEPA.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Applikazzjonijiet pendenti - żona ODZ
Question
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħalissa fl-inħawi meqjusa bħala outside development zone? Kif inhuma maqsuma dawn l-applikazzjonijiet, maqsuma skond il-lokalitajiet differenti, madwar Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiemha elf seba' mija u tlett (1703) applikazzjonijiet għal l-ewwel deċiżjoni għal żvilupp fl-inħawi meqjusa bħala outside development zone madwar Malta u Għawdex.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lista ta' dawn l-applikazzjonijiet.
Għaqdiet sportivi, soċjali u tal-baned — Inizjattivi tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jara li permezz tal-MEUSAC fil-fatt jinstab mezz ta' kif bosta għaqdiet sportivi, soċjali u tal-baned (fost l-oħrajn) li għandna f'pajjiżna igawdu minn programmi li joħorġu minn inizjattivi tal-Unjoni Ewropea?
Billi dawn l-għaqdiet bosta drabi m'għandhomx uffiċjali mħarrġa biżżejjed għal dan ix-xogħol, jista' jinħadem programm ta' kollaborazzjoni ma' dawn l-istess għaqdiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F’Novembru 2008 twaqqaf Funding Unit fi ħdan il-MEUSAC bl-għan li joffri għajnuna teknika lill-kunsilli lokali u lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) fil-mili ta’ applikazzjonijiet għal fondi taħt il-programmi tal-UE. Minn dak iż-żmien sal-lum, permezz ta’ din it-taqsima, minbarra l-assistenza lill-kunsilli lokali, il-MEUSAC iltaqa’ u qed jgħin diversi NGOs fosthom każini tal-baned u għaqdiet soċjali.
Ma’ dawn l-għaqdiet il-MEUSAC qed jiffirma Ftehim ta’ Kooperazzjoni li permess tiegħu jgħin lil dawn l-NGOs jagħżlu programmi minn fejn jistgħu jibbenfikaw permezz ta’ fondi mill-UE, u jassisti fil-mili tal-applikazzjonijiet.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Għaqdiet sportivi
Question
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tieħu inizjattivi lokali f'dawk li huma faċilitajiet sportivi, biex fondi li jinsabu għandha għal dawk li huma urban improvement funds jintużaw għal dawn l-għaqdiet sportivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħda tirrevedi l-policy dwar l-Urban Improvement Fund. Dan il-fond għandu prinċipalment jintuża fuq proġetti urbani li jibbenefikaw minnhom ir-residenti u l-viżitaturi tal-lokalità, li jistgħu jinkludu iżda m’humiex limitati għal playing fields, ġonna pubbliċi, u faċilitajiet li jtejbu l ambjent lokali. Il kunsilli lokali, il-Gvern u l NGOs huma dawk li jistgħu japplikaw għal fondi li huma amministrati mill-Awtorità.
Billi bosta għaqdiet ta' l-isports f'Malta ibatu minn problemi finanzjarji, tista' l-Ministru tara li l-Kunsill Malti għall-Isports jieħu inizjattivi speċifiċi, biex taħt kundizzjonijiet stretti, ikunu jistgħu jsiru ħlasijiet ta' kontijiet bħal per eżempju tad-dawl u l-ilma, biex l-għaqdiet sportivi jiffrankaw parti mill-ispejjeż tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Isport għandu numru ta’ skemi ta’ assistenza ndividwali biex itaffi l-ispejjeż lill-għaqdiet sportivi. Is-sena li għaddiet it-total ta’ assistenza li rċevew l-għaqdiet sportivi mingħand il-Kunsill Malti għall-Isport kien ilaħħaq 1.3 miljun Ewro. Madankollu, ma hemm l-ebda skema li hija speċifika fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Tista' l-Ministru tara jekk huwiex possibbli li flimkien mas-sezzjoni tal-Ministeru li tieħu ħsieb il-kultura f'pajjiżna, isiru inizjattivi li permezz tagħhom ikun hemm kollaborazzjoni ikbar ma' dawn il-baned biex il-bosta teżori li dawn għandhom ikunu jistgħu jiġu prodotti aħjar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru qed jaħdem sabiex itejjeb il-kollaborazzjonijiet bejn l-istakeholders kollha fil-qasam artistiku u kulturali sabiex jassigura prodott aħjar.
Buġibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar — Plots mhux mibnijin
Question
Billi matul is-sena d-dieħla hu mistenni li l-Gvern jagħmel investimenti qawwija f'dik li hi infrastruttura, jista' l-Prim Ministru permezz tal-ħaddiema tiegħu jieħu l-passi neċessarji biex kull plot li mhix mibnija li tinsab fl-inħawi ta' Buġibba, l-Qawra u San Pawl il-Baħar fil-fatt tingħalaq u dan għall-benefiċċju tal-ambjent ta' madwar u bħala investiment lokali, kif ukoll għat-turiżmu f'pajjiżna?