Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' caravan sites li huma awtorizzati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jiġu żviluppati caravan u/jew camping sites f'Malta u f'Għawdex? Fejn jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta twaqqfet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, ġew approvati tlett (3) applikazzjonijiet għal caravan sites; tnejn (2) fil-Mellieħa u waħda (1) fin-Naxxar. Filwaqt li tmien (8) applikazzjonijiet għadhom pendenti; erbgħa (4) minn dawn huma proposti fil-lokalità tal-Mellieħa, tnejn (2) fin-Naxxar, waħda (1) f'Marsascala u waħda (1) fiż-Żebbuġ, Għawdex.
Billi fuq il-Gżejjer ta' San Pawl hemm bir li minn fuqu tneħħa l-għatu, jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan l-għatu, jew xi forma oħra ta' protezzjoni fil-fatt titqiegħed fil-post biex jiġi evitat periklu żejjed u bla bżonn lil dawk li jmorru fuq il-post, b'mod partikulari issa li qed joqrob is-sajf?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ilment tal-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-awtorità kompetenti (Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali) sabiex tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' liċenzji ta' postijiet kummerċjali li ħarġu mid-divizjoni tal-kummerċ matul l-2008? Kif inhuma maqsuma dawn il-liċenzji u f'liema lokalitajiet fil-fatt jinsabu dawn il-postijiet kummerċjali li ġew reġistrati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kategoriji li hemm referenza għalihom huma dawn:
· Kategorija ta’ Liċenzja I Ipproċessar, Manifattura u Bejgħ ta’ Prodotti ta’
l-Ikel u Xarbiet
· Kategorija ta’ Liċenzja II Attivitajiet ta’ Manifattura
· Kategorija ta’ Liċenzja III Bejgħ bl-Ingrossa u Bejgħ bl-Imnut
· Kategorija ta’ Liċenzja IV Servizzi ta’ Kostruzzjoni
· Kategorija ta’ Liċenzja V Servizzi Professjonali u Kummerċjali
· Kategorija ta’ Liċenzja VI Servizzi Soċjali u Personali
· Kategorija ta’ Liċenzja VII Bejjiegħ tat-Triq
· Kategorija ta’ Liċenzja VIII Bejjiegħ tal-Monti
Jista' l-Ministru jagħi tagħrif dwar kemm-il vjaġġ sar bejn Malta u Għawdex kif ukoll bejn Għawdex u Malta li fih kien hemm tagħbija ta' tiben jew materjal ieħor ta' għalf li jixbaħ lit-tiben, liema materjal inġarr mill-vapuri tal-Gozo Channel matul l-2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi din l-informazzjoni ma tistax tingħata minħabba l-fatt li ma tinżammx statistika fuq din it-tip ta’ informazzjoni.
Dipartiment tal-Artijiet u l-Bird Life Malta — bejgħ tal-masġar fix-Xemxija
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta l-masġar taż-żebbuġ fix-Xemxija ngħata lill-Bird Life Malta? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta li tindika fejn fil-fatt ingħata lill-Bird Life Malta? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt li sar bejn id-Dipartiment tal-Artijiet u l-Bird Life Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-art magħrufa bħala s-Simar ġewwa Xemxija, hija allokata lid-Dipartiment tal-Ambjent, issa taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent, sa mid-9 ta’ Jannar 1987. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru ikkoncernat.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fejn fil-fronts mal-baħar f'Malta ġew stallati dwal matul it-triq kollha din is-sena mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jew minn xi dipartiment li jaqa' taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru? Billi saru diversi talbiet biex il-fronts ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jinxtegħlu b'dan it-tip ta' dawl, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol f'dan il-lokal?
Billi l-pelican lights fil-bypass tan-Naxxar qabel u wara r-roundabout li tieħu għall-Għargħur ilhom li ġew stallati xhur sħaħ u baqgħu ma nxtegħlux, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinxtegħlu? Meta hu mistenni li l-bypass kollha sas-Salina, fil-fatt tinxtegħel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'kemm-il lokalità l-Korporazzjoni Enemalta qatgħet il-provvista tal-elettriku f'postijiet pubbliċi u dan minħabba nuqqas ta' qbil bejn il-kunsilli lokali u l-istess Korporazzjoni Enemalta? Liema kienu l-lokalitajiet li ntlaqtu u f'kull każ, x'kienet ir-raġuni għal dak il-qtugħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Awtorità dwar it-Trasport — tibdil fid-direttorat tal-liċenzji - informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar tibdil fid-direttorat tal-liċenzji fi ħdan l-Awtorità dwar it-Trasport? X'kien it-tibdil li sar f'dan id-direttorat u kemm kien hemm persuni li ġew affettwati b'riżultat ta' dan it-tibdil? Kemm u x'tip ta' promozzjonijiet seħħew b'riżultat ta' dan il-bdil?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux minnu li studenti li jattendu korsijiet fl-MCAST ikollhom jirrepetu s-sena skolastika li jkunu għadhom kemm spiċċaw jekk ma jattendux għall-eżamijiet annwali, ukoll jekk dan in-nuqqas ta' attendenza jkun riżultat ta' mard, u wkoll jekk l-istudent/a fil-fatt ikun fl-isptar għal kura?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta l-istudenti jkollhom l-eżamijiet kemm annwali kif ukoll oħrajn, dawn huma mistennija li jattendu kif mitlub. F’każ li għal xi raġuni dawn ma jistgħux jattendu huma għandhom jinfurmaw lill-istitut konċernat u jippreżentaw xhieda neċessarja skont il-ħtieġa. F’każi ta’ mard jew sptar dawn għandhom jagħtu ċertifikat mediku biex ikunu jistgħu jsiru arranġamenti ħalli l-istudenti jkunu jistgħu jersqu għall-eżami jew assessment f’data oħra. Mhux minnu li l-istudenti li jkunu morda jew ikollhom trattament l-isptar jkollhom jirrepetu s-sena b’riżultat tal-mard tagħhom.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm f'kull skola tal-gvern kien in-numru ta' tfal li laħqu l-età li joqgħodu għall-eżamijiet tal-Junior Lyceum din is-sena? Kemm minn dawn fil-fatt, f'kull skola qagħdu għal dan l-eżami? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi raġuni partikulari għaliex dawk li setgħu jagħmlu l-eżami fil-fatt m'għamlux l-eżami?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinżamm r-resits tal-eżamijiet tal-Junior Lyceum (wara sitt sena tal-primarja) din is-sena? Taħseb il-Ministru li dawn ir-resits se jsiru kmieni biżżejjed biex min jgħaddi minnhom jilħaq jipprepara għall-iskola l-ġdida jekk jgħaddi? A bażi tar-riżultati tas-sena li għaddiet u dawk tas-sena 2007, kemm hu mistenni li jkun in-numru ta' tfal li għandhom ir-resits u f'liema suġġetti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-resit tal-eżamijiet tal-Junior Lyceum se jsir fil-31 ta’ Lulju, 2009.
Din id-data intagħżlet biex jingħata żmien biżżejjed biex jitlesta l-proċess tar-reviżjoni tal-karti li jkunu saru f’Mejju kif ukoll biex it-tfal jingħataw żmien biżżejjed biex jippreparaw ruħhom għall-eżami tar-
resit
.
In-numru ta’ tfal eliġibbli għar-
resit
fl-Ingliż huwa ta’ 188, filwaqt li għall-matematika huwa ta’ 211. Mhux se jkun hemm
resit
fil-Malti, Reliġjon u Studji Soċjali għax ħadd ma weħel f’wieħed minn dawn it-tliet suġġetti biss.
diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali — passi biex kriżi tolqotna fl-inqas livell
Question
Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali li laqtu lid-dinja kollha, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif fil-qosor tal-passi li ħa l-Gvern biex fil-fatt jiġi assigurat li din il-kriżi tolqotna fl-inqas livell possibli u dan fid-dawl tal-fatt li aħna niddipendu ħafna minn dak li jiġri fil-pajjiżi ta' madwarna u wkoll tal-pajjiżi mhux daqstant qrib tagħna?
Burmarrad u San Pawl il-Baħar — tqegħid ta' pelican lights
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fid-dawl (pelican lights) approvati f'Burmarrad u Lilly Road San Pawl il-Baħar, jiġu stallati kemm jista' jkun malajr u dan biex jiġu evitati inċidenti bla bżonn li jistgħu jinqalgħu? Kemm ilhom li ġew approvati dawn il-lights u x'wassal biex idumu daqshekk biex jiġu mqiegħda f'posthom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qatla tal-majjal, ċanga u bhejjem oħra fil-biċċerija din is-sena, xahar b'xahar bejn Jannar u Ġunju? Kif titqabbel din il-qatla mal-perijodu Jannar-Ġunju 2007, 2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-qatla tal-majjal, ċanga u bhejjem oħra fil-biċċerija din is-sena, xahar b'xahar bejn Jannar u Ġunju u għall-istess perjodu fl-2007 u 2008 hu skont id-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess ta' studju dwar it-trasport bit-tramm li kien tħabbar xi żmien ilu? Jista' jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 8055 u 8950.
San Pawl il-Baħar — Xemxija - Triq il-Preistorja - Tarmac
Question
Jista' l-Ministru jara li permezz tal-Awtorità dwar it-Trasport jingħata wiċċ tarmac lil parti minn Triq il-Preistorja fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet asfaltata ħlief medda ta’madwar ħamsin metru li għadha mhiex żviluppata kollha. Minħabba f’hekk din il-parti tat-triq ma ġietx inkluża fil-programm ta’ bini ta’ toroq li jridu jsiru u b’hekk mhux se jsiru xogħolijiet f’din it-triq għalissa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema ser ikunu l-bidliet li mistennija jseħħu fl-inħawi tad-daħla ta' Buġibba, ħdejn Kennedy Grove b'riżultat tax-xogħol li ssemma li għandu jsir mill-Awtorità dwar it-Trasport f'dawn l-inħawi? Meta hu mistenni li jibda x-xogħol? Meta hu mistenni li jintemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proġett li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant jinkludi t-tiswija, twessiegħ u re-alignment ta’ madwar tmien kilometri ta’ triq. Il-ħsieb huwa wkoll li jiżdiedu l-karreġġjati sabiex ikun hemm tnejn f’kull direzzjoni, kif ukoll isir titjib fil-junctions permezz ta’ roundabouts u traffic lights. Bħalissa l-ADT qiegħda tipprepara l-applikazzjoni biex tiġi sottomessa lill-MEPA u sabiex imbagħad fuq id-direzzjoni li tagħti l-MEPA ikunu jistgħu jsiru l-Environmental Impact Assessment għax-xogħolijiet proposti. Hekk kif ikun komplut l-EIA u l-permess tal-MEPA ikun approvat, tinħareġ sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet fuq dan il-proġett.
Minħabba f’hekk ix-xogħol ta bini u titjib ta din it-triq, li għandu jieħu madwar sentejn mhux mistenni li jibda qabel l-2011.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7868, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq titnaddaf minn dak li tħalla fiha wara li sar ix-xogħol mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jittieħdu l-passi neċessarji biex din it-triq tiġi asfaltata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda xogħolijiet reċentement f’din it-triq mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u għalhekk ma hemx xogħol ta tindif xi jsir minn din il-Korporazzjoni. Ser isiru xogħlijiet ta' re-instatementfi Triq il-Bidnija li hija biswit it-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati għall-VAT li talbu li ma jibqgħux hekk reġistrati, kull sena bejn l-2003 u l-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ persuni reġistrati għall-VAT li talbu li ma jibqgħux hekk reġistrati, kull sena bejn l-2003 u l-2008 kien kif jidher fit-tabelli mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dawn il-figuri qed jieħdu ukoll inkonsiderazzjoni talbiet pendenti kull sena kif ukoll ri-attivazzjonijiet tan-numru tar-reġistrazzjoni.