Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10890 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Immigranti illegali li joħorġu mill-closed centres

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk jinżammx xi forma ta' kuntratt ma' l-immigranti illegali wara li dawn joħorġu mill-closed centresu jmorru joqogħdu f'area residenzjali, fejn ikollhom il-libertà li jitħalltu mar-residenti ta' l-inħawi fejn ikunu qed joqogħdu? Skond l-informazzjoni li jista' għandu l-Ministeru, f'liema nħawi imorru joqogħdu dawn l-immigranti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk l-immigranti li jiġu rilaxxjati miċ-Ċentri Magħluqa ‘Closed Centres’ jiġu offruti lilhom akkomodazzjoni temporanja f’Ċentri msejħa ‘Open Centres’, li xi wħud minn dawn iċ-ċentri jinstabu f’żoni residenzjali. Persuna rilaxxjata mid-detenzjoni, li bosta drabi tkun qed tgawdi minn protezzjoni, għandha dritt tagħżel li tgħix għal rasha fil-komunità. Ma tinġabarx statistika dwar l-inħawi li jmorru joqogħdu fihom dawn l-immigranti iżda hu mifhum li hemm bosta jgħixu f’lokalitajiet mferrxin ma' Malta kollha. Kull immigrant li jkun jgħix għal rasu fil-komunita' huwa mistenni li minn żmien għal żmien, jirrapporta fl-Uffiċċju Ċentrali tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Kull minn jirresjedi fl- ‘Open Centres’ hu mistenni jirrapporta fiċ-ċentru fejn ikun ġie alloġġat. Barra minn hekk, dawk l-immigranti kollha li jgawdu minn xi forma ta’ protezzjoni jmorru minn rajhom fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati sabiex iġeddu ċ-ċertifikati meta jaslu biex jiskadu. L-uffiċċju tal-AWAS iżommu wkoll kuntatt ma' numru ta' każijiet soċjali li jimmeritaw attenzjoni.
Leg 11 PQ #10891 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proprjetajiet devoluti lill-kunsilli lokali

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7162, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi proprjetajiet partikolari li ma jistgħux jiġu devoluti lill-kunsilli lokali, fis-sens li dawn bilfors iridu jibqgħu taħt l-amministrazzjoni tal-Gvern Ċentrali? Liema proprjetajiet ġew devoluti lill-kunsilli lokali f'dawn l-aħħar 12-il xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-‘policy’ dwar Devoluzzjoni ta’ Proprjetà Pubblika tispeċifika illi sabiex Kunsill jieħu d-delega tal-amministrazzjoni, tali proprejtà trid tkun: 1) mitluqa; jew 2) mhux żviluppata; jew 3) użata ħażin; jew 4) tista’ tiġi żviluppata aħjar; jew 5) l-użu propost hu relatat ma’ funzjoni legali tal-Kunsill. Huma biss f’ċirkostanzi partikolari meta l-Gvern Ċentrali jkollu l-ħsieb li juża jew jiżviluppa tali proprjetà, jew jekk ikun hemm ostakoli legali (per eżempju konċessjoni mhix skaduta jew diffikultajiet legali oħra) fejn tali talbiet għad-devoluzzjoni ma jiġux milqugħa. Il-propretajiet li ġew devoluti lill-Kunsilli Lokali matul dawn l-aħħar tnax il-xahar (i.e. minn Settembru 2008 sa Settembru 2009) huma kif ġej: Proprjetà Data ta’ Devoluzzjoni Skop Għaxaq Sit f’Dawret Ħal Għaxaq k/m Triq Napuljun Caruana Dingli 16 ta’ Diċembru 2008 Ċentru ta’ l-Isports Għarb Parti milli iskola fi Triq il-Viżitazzjoni, 8 ta’ Jannar 2009 Uffiċini Amministrattivi San Ġiljan 2 siti f’Ta’ Ġiorni 8 ta’ Jannar 2009 Ċentru ta’ Rekreazzjoni u pitch tal-football (5-a-side) Munxar Estensjoni ta’ sit fi triq Profs Guże Aquilina /Triq Santa Domenica 8 ta’ Jannar 2009 Estensjoni ta’ sit diġa devolut biex jiġu żviluppat fi playing field Rabat (Għawdex) Playing Field fi Triq Putirjal 1 ta’ Ġunju 2009 Ċentru ta’ Rekreażżjoni Kirkop Sit fi Triq Dun Karlo Taliana 11 ta’ Ġunju 2009 Ċentru tal-Kura Primarja, Sala tal-konferenzi għall-NGOs, Arkivji u Annex għad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Żurrieq Sit fi Triq iż-Żurrieq (Triq Sant Andrija) 24 ta’ Ġunju 2009 Użu ta’ funzjoni legali, soċjali u turistika. Dan il-proġett kien estenzjoni tal-Mitħna tax-Xarolla. Mellieħa Defence Post fi Ġnien Ingraw 10 ta’ Settembru 2009 Bħala post storiku u biex jiġi irrestawrat

Naturalment Malti — Prodotti reklamati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'kemm il-lokalità u f'liema lokalitajiet inżammet l-attivita "Naturalment Malti"? Liema prodotti ġew reklamati fl-attivitajiet rispettivi fil-lokalitajiet differenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s’issa l-attività Naturalment Malti ġiet organizzata f’seba’ lokalitajiet skont kif ġej: Frar Qaqoċċ Ħaz-Żabbar Marzu Tiġieġ u Bajd Ħad-Dingli April Frawli Mġarr Ġunju Tonn Marsaxlokk Ġunju Fenek Buskett (Imnarja) Lulju Għasel Sliema Awwissu Tadam San Lawrenz, Għawdex

San Pawl il-baħar — Awtorità dwar it-Trasport - Reserved Parking Spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' reserved parking spaces u li skond l-Awtorità dwar it-Trasport huma approvati fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta' reserved parking spaces fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar approvati mill-ADT huwa ta' 86.

Salina — Roundabout li tagħti għall-Iklin/Naxxar - dawl fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq li mis-Salina twassal sar-roundabout tal-Iklin/Naxxar, tiġi mdawla kollha peress li qed ikun hemm numru ta' inċidenti li jseħħu minħabba nuqqas ta' dawl f'din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #10884 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet rifjutati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li ġew rifjutati, jew rakkmandati biex jiġu rifjutati minħabba li ma kellhomx "internal height" li jaqbeż 2.75 m fl-għoli? Billi bosta bini msaqqaf fuq għaxar filati fil-fatt għandu problema b'din il-kondizzjoni, jista' l-Prim Ministru jara li ma tibqax tiġi applikata din ir-regola?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ma żżommx statistika rigward applikazzjonijiet li ġew rifjutati minħabba li ma kellhomx "internal height" li jaqbeż 2.75 m fl-għoli. Għal rigward tat-tieni mistoqsijja, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din il-kundizzjoni toħroġ mill-Kapitolu 10, Art 97 (1d) tal-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u mhux minn xi regola tal-MEPA.
Leg 11 PQ #10885 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — għassa

Question

Billi bosta residenti li joqogħdu San Pawl il-Baħar għandhom problema serja biex jaslu sa l-għassa tal-Qawra, jista' l-Ministru jara li l-għassa ta' San Pawl il-Baħar tibda tinfetah kuljum issa li din l-istess għassa ġiet irranġata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi din l-Għassa ser tibda tkun immanjata regolarment skont il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 11 PQ #9775 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għajn Tuffieħa — Ħal Ferħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dak li qabel kien magħruf bħala Ħal Ferħ f'Għajn Tuffieħa, fil-fatt ma jibqax abbandunat? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi ħsieb speċifiku dwar kif dan il-post jista' jerġa' jibda jintuża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tard is-sena l-oħra, il-MEPA kienet approvat Development Brief fuq dan is-sit, wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika kif titlob il-liġi. Dan id- Development Brief kien approvat mill-Gvern f’ Diċembru 2008. Kopja ta' dan il-Brief tinsab fuq il-websajt tal-MEPA.
Leg 11 PQ #9964 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dwal fil-fronts mal-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar fejn fil-fronts mal-baħar f'Malta ġew stallati dwal matul it-triq kollha din is-sena mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta jew minn xi dipartiment li jaqa' taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Billi saru diversi talbiet biex il-fronts ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra jinxtegħlu b'dan it-tip ta' dawl, jista' jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol f'dan il-lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta ma stallat l-ebda dawl fuq fronts din is-sena.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — studenti bi sponsorship

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9826, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hemmx studenti Maltin tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li qed jistudjaw barra, li fil-fatt qed jagħmlu hekk bi sponsorship mill-Gvern ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemmx studenti ta’ L-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi li qed jistudjaw barra bi sponsorship tal-Gvern Malti.

Santa Marija Estate — xogħol li baqa' jsir

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9820, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol li għad fadal isir f'Santa Marija Estate u li hu stmat li jiswa €850,000?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorita ippreparat it-tenders meħtiega għax-xogħol imsemmi mill-Onorevoli Nterpellant u dawn ntbgħatu biex jkunu ppublikati.

Buġibba u Qawra — Żamma tal-indafa

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-possibiltà li għax-xhur tas-sajf, numru ta' ħaddiema li jaqgħu taħt xi sezzjoni tal-ministeru, jintużaw biex jgħinu f'dik li hi żamma tal-indafa fl-inħawi ta' Buġibba u l-Qawra u dan billi fis-sajf f'dawn l-inħawi jkun hemm influss qawwi ta' Maltin u barranin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li r-responsabbiltà tal-indafa fiz-zona turistika ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra hija tal-Kunsill Lokali San Pawl. Fil-fatt, kull sena jiġu allokati fondi kif ukoll ġew ivvutati fondi addizzjonali għal dan il-għan. Minn naħa tad-Dipartiment Servizzi tal-Indafa, jsir xogħol ta’ tindif regolari fit-toroq arterjali li jagħtu aċċess lil din iz-zona tal-pajjiż. Id-Dipartiment jagħti support kontinwu f’każijiet ta’ emerġenza meta jirċievi lmenti mill-pubbliku, speċjalment wara l-ħinijiet tal-uffiċċju u matul il-jiem ta’ tmiem il-ġimgħa. Fil-fatt id-Dipartiment Servizzi tal-Indafa kien ħasel il-promenade kollu minn tarf sa tarf wara diversi lmenti li waslu lid-dipartiment li dan ma kienx qed jinżamm fi stat nadif. Apparti minn hekk, qed isir sforz sabiex permezz ta’ makkinarju apposta jsir knis mekkanizzat matul il- promenade kollha ta’ San Pawl, Bugibba u l-Qawra għal mill-inqas darba fil-ġimgħa. Żdiedet ukoll il-frekwenza tal-ġbir ta’ skart mill-bajjiet kollha f’din iz-zona, fejn qed ikun hemm presenza kontinwa ta’ ħaddiema tad-Dipartiment matul il-ġurnata bejn is-7.00am u 17.00pm. Tajjeb wieħed ifakkar ukoll li fl-aħħar xhur, Taqsima oħra fi ħdan il-Ministeru għamlet anke xogħol ieħor ta’ manutenzjoni ġenerali sabiex tassisti lill-Kunsill Lokali tal-lokalità.

Veccia — breakwater - żona għall-għawm,

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk hux minnu li tabella li kienet turi li parti mill-baħar, wara l-breakwater tal Veccia kienet riservata għal għawm, nqalgħet biex twaħħlet x'imkien ieħor u dan b'danu għal dawk li kienu jużaw iż-żona biex jgħumu fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-tabella li tindika ż-żona riservata għall-għawwiema fil-lokalita’ magħrufa bħala l-Veċċja f’San Pawl il-Baħar ġiet mressqa minħabba li din is-sena sar xi tibdil fil-konfigurazzjoni ta’ din l-istess żona. Dan it-tibdil sar minħabba li kien hemm xi lmenti dwar ġebel li kien qed jaqa’ fil-baħar u li seta’ jkun ta’ periklu għall-għawwiema li jiffrekwentaw din iż-żona. Madanakollu, f’Lulju ta’ din l-istess sena, ż-żona msemmija reġgħet ġiet modifikata billi ġiet miżjuda parti oħra, għall-benefiċċju tal-għawwiema.
Leg 11 PQ #10878 Sitting 143 2009-09-30 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord tal-validità tal-ħruġ ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm, matul l-aħħar tnax-il xahar, appelli quddiem il-bord li jikkunsidra l-validità tal-ħruġ ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku? Kemm minn dawn l-appelli ġew milqugħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar tnax il-xahar (i.e. Settembru 2008 sa Settembru 2009) saru 19,590 petizzjonijiet quddiem il-Bord tal-Petizzjonijiet. Min dawn s’issa ġew deċiżi 13,887 kif ġej: 8,393 ġew aċċettati; 396 ġew aċċettati partzjalment; 4,796 ġew irrifjutati; 302 ġew kanċellati.

Tħawwil ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm tħawlu siġar ġodda matul l-2009 s'issa? Fejn tħawlu? Kemm minn dawn is-siġar kienu sponsored mill-privat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #9836 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: CENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali — passi biex kriżi tolqotna fl-inqas livell

Question

Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji u ekonomiċi mondjali li laqtu lid-dinja kollha, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif fil-qosor tal-passi li ħa l-Gvern biex fil-fatt jiġi assigurat li din il-kriżi tolqotna fl-inqas livell possibli u dan fid-dawl tal-fatt li aħna niddipendu ħafna minn dak li jiġri fil-pajjiżi ta' madwarna u wkoll tal-pajjiżi mhux daqstant qrib tagħna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ekonomija Maltija hija fost l-aktar ekonomiji miftuħa fid-dinja. Għaldaqstant ma jistax jonqos illi tintlaqat minn dak li huwa għaddej fl-ekonomija dinjija. Fit-tfassil tal-aħħar baġit, il-Gvern ta każ ta’ dak li kien qiegħed jiġi previst dak iż-żmien u għaldaqstant fassal baġit li jagħti emfasi partikulari fuq l-investiment fl-ekonomija u għas-sostenn għall-intrapriżi li joperaw hawnhekk. Id-dettalji dwar l-istrateġija tal-Gvern u l-miżuri li ttieħdu dakinhar jinsabu fid-diskors tal-baġit. Imma minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Gvern ħa passi oħra. L-ewwel, beda programm ta’ għajnuna lill-diversi intrapriżi fil-qasam tal-manifattura li huwa mmirat għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull intrapriża li ssib ruħha f’xi diffikultajiet. Dan il-programm qiegħed jitwettaq u nistgħu ngħidu li permezz tiegħu qegħdin mhux biss jiġu salvati l-impjiegi imma qegħdin ukoll jinħolqu mpjiegi ġodda filwaqt li qiegħed jiġi attirat investiment ġdid ukoll. It-tieni, żidna l-għajnuna lill-qasam turistiku permezz ta’ allokazzjoni akbar għall-promozzjoni turistika. Ħloqna wkoll fond speċjali sabiex nattiraw aktar konferenzi lejn Malta. Se tingħata wkoll għajnuna lil min irid jinvesti fil-faċilitajiet turistiċi tagħna. Il-Gvern qiegħed isegwi dak li għaddej fl-ekonomija internazzjonali u dik lokali ġurnata b’ġurnata u qiegħed jieħu d-deċiżjonijiet li jkun hemm bżonn b’mod proattiv.

Istitut għall-Istudji Turistiċi — opportunità lil studenti biex jagħmlu taħriġ barra minn Malta

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' studenti li qegħdin l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u li kellhom l-opportunità li jmorru jagħmlu taħriġ barra minn Malta? F'liema pajjiżi marru dawk li fil-fatt kellhom tali opportunità? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk dan l-istitut huwiex f'kuntatt ma' xi istituti oħrajn tat-tagħlim fil-qasam tat-turiżmu biex ikunu jistgħu jsiru skambji ta' studenti bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

88 student/a ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi għadhom kemm temmew sena ta’ taħriġ industrijali (International Internship) barra minn Malta f’dawn il-pajjizi –Awstrija, Svizzera, Lussemburgu, Belġju, Irlanda, Isle of Man, Franza, Jersey, Ġermanja, Italja, Ingilterra u Skozja. Ħafna minn dawn l-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom (ir-4 sena) f’ Ottubru li ġej. 98 student/a ta’ l-ITS għadhom kemm bdew it-taħriġ industrijali tagħhom. 85 minnhom telqu minn Malta lejn l-Ingilterra, Skozja, Irlanda, Isle of Man, Jersey, Italja, Belġju u Svizzera filwaqt li 13-il student/a barranin bdew it-taħriġ industrijali tagħhom (52 ġimgħa) f’Malta. L-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi qiegħed f’kuntatt ma’ diversi Istituti u Universitajiet konnessi mal-qasam tat-turiżmu f’ħafna pajjiżi fosthom, l-Ingilterra, Skozja, Spanja, Portugal, Franza, Belġju, Ġermanja, Finlandja, Svezja, Ċipru, Olanda u l-Italja. Ma’ dawn isiru skambji ta’ studenti kif ukoll diversi programmi Leonardo u Erasmus. Isir ukoll taħriġ ta’ għalliema.

Awtortià dwar it-Trasport — Xemxija - Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru l-aħħar diskussjonijiet mill-Awtorità dwar it-Trasport dwar il-ħtieġa li jkun hemm karozzi tal-linja li almenu fix-xhur tas-sajf jitilqu mix-Xemxija, biex ir-residenti ta' dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinqdew aħjar f'dak li hu servizz ta' trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 2184, partikolarment għall-aħħar sentenza tat-tweġiba mogħtija.

San Pawl il-Baħar — Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - studju partikolari

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex xi studju partikolari għal dawk li huma l-ħteġijiet preżenti u futuri għas-sistemi tad-drenagg li hemm f'San Pawl il-Baħar u l-kumplament tal-lokalità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħtiġijiet preżenti u futuri għas-sistema tad-drenaġġ li hemm f’San Pawl il-Baħar u l-kumplament tal-lokalità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar, huma inklużi fl-istudju li sar mill-Korporazzjoni għas-sistema kollha tad-drenaġġ f’Malta u Għawdex.