Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' serer għal skop agrikolu, preżentament? Fejn jinsabu, raħal b'raħal dawn l-applikazzjonijiet?
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — passi neċessarji għall-identifikazzjoni ta' open plots
Question
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex is-siti li ġew identifikati bħala open plots f'diversi nħawi ta' Malta, u b'mod partikolari dawk li ġew identifikati mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u għaddew għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jingħalqu matul ix-xhur li ġejjin biex b'hekk ikunu diġà magħluqa qabel ma jibda l-istaġun tas-sajf li ġej?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jerga' jkun hemm sejħa għall-applikazzjonijiet biex żgħażagħ Maltin ikunu jistgħu jingħaqdu mal-Forzi Armati ta' Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Forzi Armati ta’ Malta għandhom l-approvazzjoni tal-Ministeru sabiex jimbarkaw fuq eżerċizzju ieħor ta’ reklutaġġ ta’ Uffiċjal Kadetti, suldati fil-Forza Regolari u suldati fil-Forza ta’ Emerġenza ta’ Riserva ta’ Voluntieri.
Ninsab infurmat li l-preparamenti meħtieġa qegħdin isiru sabiex is-sejħiet għall-applikazzjonijiet joħorġu fi żmien qrib.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-kunsilli lokali li fil-belt jew raħal tagħhom matul ix-xhur tas-sajf ikollhom popolazzjoni ferm ikbar milli jkollhom matul ix-xhur tax-xitwa, fil-fatt jiġu kumpensati għal dan l-isbilanċ ta' popolazzjoni, meta tiġi maħduma l-formula ta' l-allokazzjoni ta' l-istess postijiet? Jistgħu jiġu stabbiliti kriterji ċari li fuqhom tkun tista' tinħadem xi forma ta' equivalence f'dak li hu numru ta' persuni li joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet, proprju biex jiġi assigurat li l-kunsilli lokali rispettivi jirċievu l-allokazzjoni li tixraq skond il-popolazzjoni li tkun toqgħod f'dawn il-lokalitajiet?
Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-lukandi li infurmaw lill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta li ser jagħlqu għax-xhur tax-xitwa fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm lukandi oħra li fil-fatt għalqu f'dawn l-istess inħawi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Stqarrija Numru 1751 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni datata 12 ta’ Ottubru 2009, li fiha l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' skart għar-riċiklaġġ li nġabar kull xahar mill-lokalità ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 24 xahar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-ammont ta’ skart separat għar-riċiklaġġ li nġabar minn San Pawl il-Baħar permezz ta’ l-Iskema ‘Irriċikla Tlieta’ minn Mejju 2008, minn meta bdiet titħaddem l-iskema, sa April 2009, kien ta’ 187,000 kg. Skart separat mill-Bring - In - Sites mhux inkluż għax dan jiġi kkalkulat fuq bażi nazzjonali.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' pitkala li hemm joperaw mill-pitkalija f'Ta' Qali bħalissa? Kemm hu n-numru ta' skrivani tal-Gvern li fil-fatt jaħdmu ma' dawn il-pitkala preżentament?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'investimenti huma mistennija li jsiru fil-pitkalija f'Ta' Qali matul is-sena finanzjarja li jmiss? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx xi applikazzjoni pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal żvilupp min-naħa tal-Gvern fl-istess pitkalija?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' producers organisations li ġew imwaqqfa fil-qasam agrikolu sal-lum? Fejn huma reġistrati dawn il-producers organisations? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dawn fil-fatt jispeċjalizzawx fit-tkabbir/produzzjoni ta' xi prodott partikolari?
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba fil-ġimgħa jsir it-tbattil ta' l-iskips li tipprovdi l-WasteServ f'diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk jitteħdux passi partikolari biex tiżdied il-frekwenza tat-tindif, jekk jirriżulta li f'xi sit partikolari qed ikun hemm ammont sostanzjali ta' żibel żejjed kull darba li jsir it-tindif?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq l-ewwelnett niġbed l-attenzjoni tal-Onor Membru li l-WasteServ ma tipprovdix skips. Il-WasteServ tipprovdi Bring-In-Sites li jiġu mbattla kif ġej:
· Karta: Darbtejn fil-ġimgħa
· Plastik: Darbtejn fil-ġimgħa
· Ħġieġ: Darba f’ġimgħatejn
· Metall: Darba f’ġimgħatejn
Kull meta jkun avżat li hemm xi waħda mill-
bring- in- sites
li tkun imtliet qabel ma tgħaddi l-ġimgħa jew ġimagħtejn, din titbattal mill-ewwel.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' persuni li ttieħdu passi kontra tagħhom minħabba allegat ksur tal-liġi dwar il-kaċċa u l-insib matul l-2009? Kemm kien in-numru ta' każi tal-istess tip ta' allegati reati fl-2007 u 2008 rispettivament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
Sena
2007 282
2008 351
2009 187 sal-31 ta' Ottubru
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm dwar il-faċilitajiet tal-artiġjanat f'Għawdex f'dak li hu bini ġdid jew irranġar ta' faċilitajiet eżistenti f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret estensjoni taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġjanat f'Għajnsielem biex ikun provdut aktar spazju biex iċ-Ċentru jkun jista' joffri aktar korsijiet kif ukoll workshops għal dawk li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom f'dan is-settur. Sar ukoll upgrading fid-Dbieġi Crafts Village f'San Lawrenz.
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' mature students li daħlu għal xi kors fl-Università ta' Malta din is-sena? F'liema korsijiet daħlu dawn l-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Mellieħa — Santa Maria Estate - xogħlijiet fit-toroq
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitkompla x-xogħol fuq it-toroq ta' Santa Maria Estate, fil-Mellieħa? Liema toroq għadhom ma sarux? Meta hu mistenni li dawn it-toroq jingħataw it-tarmac?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fiż-żona ta' Santa Maria Estate għad iridu isiru xogħolijiet fi Triq il-Ġojjin, Triq il-Qortin, Triq ix-Xgħara ta' Barra, Triq il-Pont u Triq Fuq il-Widien.
Ninstab infurmat li fil-fatt diġa ġew ippublikati tenders għal xogħlijiet fi Triq il-Ġojjin u parti minn Triq ix-Xagħra ta' Barra.
Rigward it-toroq l-oħra dawn ser jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-bankina fit-triq prinċipali bejn Burmarrad u r-roundabout ta' erba' mwieżeb, fil-fatt tinqala' u ssir mill-ġdid għax tinsab fi stat ħażin ħafna, matul it-tul kollu tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi ħafna mix-xogħol li kien meħtieġ fuq is-sukkursu tas-Salina, issa fil-fatt tlesta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser isir ukoll it-tindif tas-Salina proprja, li tinstab fl-istess post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għall-kumplament tal-proġett saret applikazzjoni għall-fondi rurali Ewropej.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jsiru bus termini ġodda biex minnhom isiru l-vjaġġi tat-trasport pubbliku? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja ta' dawn il-pjanti u jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni saret mal-kunsilli lokali konċernati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja dwar network ġdid li juri fid-dettal l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmat li saret sessjoni ta’ informazzjoni lill-Kunsilli Lokali kollha fis-6 t’April, 2009. F’din is-sessjoni ingħatat informazzjoni dwar in-network u tqassmu Cds u DVDs lill-Kunsilli Lokali kollha. Dawk il-Kunsilli Lokali li m’attendewx, ġew mibgħuta din l-informazzjoni bil-posta.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' faċilitajiet għall-komunità jinsabu fid-dar tal-anzjani fil-Mellieħa, naturalment minbarra l-użu tal-post bħala dar tal-anzjani? Liema servizzi oħra hu mistenni li jibdew jingħataw minn dan il-post fiż-żmien li ġej?
Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali — għajnuna fuq proġetti
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk b'xi mod, il-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali ġietx f'kuntatt mal-Ministeru kemm biex tagħti għajnuna tagħha fuq proġetti partikolari, kif ukoll biex hi stess tirċievi għajnuna għall-inizjattivi speċifiċi li fil-fatt qiegħda timbarka fuqhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kellha kuntatt mal-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali dwar ir-restawr ta’ mitħna mekkanika ta’ taħt l-art. Din il-mitħna nbniet mis-servizzi Ingliżi fis-snin 50 u tinsab fil-Wied tal-Mistra.
Fil-preżent is-Sovrintendneza m’għandha l-ebda proġett b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għall-Wirt Industrijali.