Legislature:
Category:
Reset
Active:

MFHEA – Yearly Business Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar erba’ snin fi ħdan il-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) kienx hemm Yearly Business Plan sottomess kull sena lill-Bord għad-diskussjoni u għall-approvazzjoni u jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dawn fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat – kundizzjonijiet tal-avukati u prokuraturi legali

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7941 u 8315, issa li ġie stabbilit li union għandha l-maġġoranza tal-impjegati fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa previst li ser idumu għaddejja dawn it-trattattivi, senjatament meta diġà hemm dawk li ġew stabbiliti mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u jkun għaqli li ma jkunx hemm diverġenza bejn il-kondizzjonijiet rispettivi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall- mistoqsijia parlamentari 7941 fejn diġà ġie spjegat li dan ser ikun proċess ta’ negozjati mal-union rikonoxxuta. Konvint li l-Onor. jifhem illi l-proċess ta’ negozjati jrid isir b’mod għaqli u li jeħtieġ jieħu in konjizzjoni r-realta unika tal-entità partikulari filwaqt li juri sensittività lejn ir-relattività. Dan jassigura li n-negozjati jiġu ffinalizzati fl-iqsar żmien possibbli fiċ-ċirkostanzi filwaqt li jassiguraw sostenibilità.

Il-Furjana – manutenzjoni taż-żona wara l-Librerija Pubblika Ċentrali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żona li tinsab wara l-Librerija Pubblika Ċentrali ġewwa l-Furjana, faċċata tal-Imsida Bastion Historic Garden, hijiex ser tiġi kkurata u miżmuma tajjeb?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8479 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Raħal Ġdid – Triq Brittanja – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5966 dwar xogħol fi Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid meta tlestew ix-xogħlijiet u kemm ġew jiswew komplessivament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq Brittanja, f’Raħal Ġdid għadhom ma ġewx iffinalizzati. Parti mix-xogħlijiet fl-istess triq ma setgħux jiġu implimentati minħabba żvilupp minn parti terza. Madanakollu, parti oħra tat-triq hija pprogrammata biex titlesta bit-tqegħid finali tal-asfalt meta x-xogħlijiet tat-toroq li għaddejjin biswit jkunu qed joqorbu lejn it-tlestija.

Il-Gudja – Triq De Warsbergh – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5694 dwar xogħol fi Triq De Warsbergh, fil-Gudja, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li x-xogħlijiet fl-imsemmija triq jiġu konklużi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq De Warsbergh, Gudja hu previst li jiġu konklużi fil-jiem li ġejjin.

Raħal Ġdid – Triq Kurvetti – xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5962, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li jibda x-xogħol neċessarju fi Triq Kurvetti, f’Raħal Ġdid?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq Kurvetti, f’Raħal Ġdid ser issir bħala parti mill-ħidma tal-Aġenzija b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-kunsilli lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Ombudsman għall-Edukazzjoni – każ kontra l-MFHEA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li matul is-sena li għaddiet l-Ombudsman għall-Edukazzjoni rrakkomanda każ kontra l-Malta Further & Higher Education Authority, (MFHEA), u jekk dan huwa minnu, kemm kienet l-ispiża inkorsa, x’kienet in-natura tal-każ u min approva l-pagamenti relattivi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MFHEA — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati mal-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) u kemm minnhom ġew hekk ingaġġati fl-aħħar sentejn? Jista’ wkoll jgħid jekk dawn sarux bl-approvazzjoni tal-Bord relattiv?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

MFHEA – estensjoni tal-liċenzja lill-AUM

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-estensjoni tal-liċenzja mill-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) lill-American University of Malta (AUM) għal perjodu ulterjuri ta’ ħames snin ma ġietx approvata formalment mill-Bord billi meta din ġiet imħabbra, dan il-Bord ma kienx legalment kompost u ma kienx qiegħed jiltaqa’?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liċenzja ġiet mġedda abbażi tal-Institutional audit li sar f’Lulju tas-sena 2021 u infurmat ukoll li dan l-audit ġie approvat mill-bord tal-MFHEA.

MFHEA — infiq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fl-aħħar erba’ snin l-infiq fil-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) qabeż in-€0.5 miljun ta’ dak li kien approvat mill-estimi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

MFHEA – sejħa pubblika għal ħatra mill-ġdid ta’ CEO

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fi ħdan il-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) kull tliet snin għandu jkun hemm sejħa pubblika għall-ħatra mill-ġdid ta’ CEO? Jekk dan huwa minnu, jista’ jgħid jekk din il-prattika ġietx segwita jew le?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-CEO preżenti ġġeddilha l-kuntratt fis-sena 2021 meta l-Bord tal-Awtorità ddeċieda li jagħmel dan hekk kif stipulat fil-kuntratt ta’ ingaġġ tal-kuntratt preċedenti tal-istess CEO.

MFHEA – reviżjoni tal-operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul dawn l-aħħar snin saritx reviżjoni indipendenti tal-operat tal-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) u jekk iva, jista’ jgħid x’kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, minn min saru u jqiegħed kopja ta’ dan fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Vetturi pparkjati quddiem garaxxijiet privati u użati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li nbidlet il-prattika kostanti li vetturi pparkjati quddiem garaxxijiet privati u użati li jkunu qed jimblukkaw l-aċċess liberu, la jingħataw ċitazzjonijiet u lanqas jiġu towed?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi ma nbidlet l-ebda prattika kemm mill-Pulizija kif ukoll minn Uffiċjali tal-LESA, dwar vetturi pparkjati quddiem garaxxijiet privati u użati, li jimblukkaw l-aċċess liberu. F’każijiet bħal dawn is-sidien tal-vetturi kienu, u għadhom qed jingħataw kontravenzjoni. Jista' jkun hemm istanzi fejn vetturi jiġu rmonkati jekk ma jinstabx is-sid.

Ħal Tarxien – bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6844 u 7671, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn id-disinji ġewx kompluti u ppreżentati lill-kunsill lokali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proposti għat-toroq imsemmija għadhom qed jiġu żviluppati u għalhekk ser jiġu diskussi mal-Kunsilli Lokali inkwistjoni bħala parti mill-konsultazzjoni regolari.

Kulleġġ ta’ Santa Margerita – exclusions f’dawn l-aħħar sitt snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6652 u 6841 u jgħid kemm ingħataw exclusions lill-istudenti fil-Kulleġġ ta’ Santa Margerita tul dawn l-aħħar sitt snin, possibbilment maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Kulleġġ imsemmi, matul dawn l-aħħar sitt snin, kien hemm total ta’ 315-il student li ngħataw exclusion.

Santa Luċija – bus shelters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7200, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress dwar bus shelters f’Santa Luċija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija illi l-istess Kunsill qiegħed jikkomunika b'mod kontinwu mal-entitajiet ikkonċernati sabiex tali sitwazzjoni tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli.

MFHEA – konferenza f’isem il-Euro-Asian Association

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li f’Novembru 2022 il-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) żammitx konferenza f’isem il-Euro-Asian Association u jekk dan huwa minnu, kemm kienu l-ispejjeż relattivi, jekk dawn tħallsux mill-istess Awtorità u jekk iva, taħt l-awtorizzazzjoni ta’ min?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża totali kienet ta’ €13,350.26 u dan il-pagament ġie approvat mis-CEO tal-MFHEA.

MFHEA – ċelebrazzjonijiet f’għeluq l-għaxar anniversarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Malta Further & Higher Education Authority (MFHEA) matul is-sena li għaddiet iċċelebrat bil-kbir l-għaxar anniversarju tagħha b’attivitajiet varji, inkluż b’kunċert? Jekk dan huwa minnu, kemm kienet l-ispiża u min awtorizza dan l-infiq?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MFHEA ċċelebrat kif inhu xieraq, fejn l-ispiża totali kienet ta €7,227.12. Din l-ispiża ġiet awtorizzata mis-CEO tal-MFHEA.

Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat – kundizzjonijiet tal-avukati u prokuraturi legali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7941, jista’ l-Ministru jgħid f’liema pożizzjoni jinsabu t-trattattivi biex l-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jingħataw l-istess kundizzjonijiet ta’ ħlas li qed jirċievu dawk fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li riċentament għadu kemm sar eżerċizzju ta’ verifika. Tali eżerċizzju stabbilixxa li union partikulari għandha l-maġġoranza tal-impjegati tal-professjoni legali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan iffisser li jrid jibda proċess ta’ negozjat ma' tali union li jistabbilixxi, tramite Ftehim Kollettiv iddedikat għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, il-kundizzjonijiet ta’ ħlas għal dawn l-impjegati.

Kalkara – Bajja tar-Rinella — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru, jew hemm il-ħsieb li jsiru, tul dawn ix-xhur sabiex il-Bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara jsirilha x-xogħol neċessarju sabiex tkun tista’ tintuża tul is-sajf li ġej?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-ġranet li ġejjin ser isir intervent permezz ta’ makkinarju min-naħa tad-Diviżjoni tal-Tindif u Manutenzjoni sabiex jitneħħa l-ġebel kollu li tela’ bil-maltemp fuq din il-bajja. Qed isir ukoll koordinament bejn din id-Diviżjoni u t-TZRA sabiex tingħata assistenza fuq żebgħa tal-promenade wara diskussjoni li dawn kellhom ma’ rappreżentanti mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara.