Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u jgħid jekk il-proċess ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali huwiex magħluq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni preliminari saret però mhix konkluża u terġa' ssir konsultazzjoni li timxi pari passu mal-istadji differenti tal-proġett. Il-konsultazzjoni ma’ xi entitajiet pubbliċi għadha għaddejja, kif ukoll għadu għaddej il-proċess tad-disinn.
Raħal Ġdid – Knisja Santa Ubaldeska – restawr tal-faċċata
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, f’Raħal Ġdid, isir tul din is-sena u jekk le jgħid għaliex ma jistax isir?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483 jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u jgħid jekk il-proċess ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali huwiex magħluq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li l-proġett jinsab fi stat fejn il-Kunsill rispettiv ser ikun qiegħed jagħżel l-ispeċifikazzjonijiet tad-dawl dekorattiv sabiex jinħareġ it-tender.
Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali rispettiv li l-process ta’ konsultazzjoni mas-Sovrintendanza tal-Patrimonju Kulturali għadu għaddej.
Intant infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-permess PA 7489/19, fejn intalab tiġdid ta’ permess PA 20641/12, huwa relatat mar-rijabilitazzjoni taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u mhux relatat mal-pjazza.
Infurmat ukoll li s-Sovrintendenza għaddiet ir-rakkommandazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ u dan ġie approvat, u huwa validu sa Jannar 2024.
Fuq nota finali infurmat li sal-lum għadha ma ġietx sottomessa Commencement Notice u għaldaqstant is-Sovrintendenza ma waqqfet l-ebda xogħol ladarba dan għadu ma bediex.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-Tax Deduction ta’ 20% għas-sena 2022 u ta’ 40% għas-sena 2023 kif imsemmi fl-aħħar żewġ baġits mhumiex jiġu applikati fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jekk dan huwiex isir għas-sena 2021?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għas-sena bażi 2022 persuni li għandhom mill-inqas wieħed u sittin (61) sena ser jibbenfikaw minn eżenzjoni ta’ 20% fuq id-dħul derivati mill-pensjoni tagħhom (sa massimu ta’ eżenzjoni ta’ €2,864 għas-sena 2022).
Din l-eżenzjoni qed tiżdied b’20% fis-sena u b’hekk sas-sena bażi 2026 titla’ sa 100%.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-Tax Deduction ta’ 20% għas-sena 2022 u ta’ 40% għas-sena 2023 kif imsemmi fl-aħħar żewġ baġits mhumiex jiġu applikati fil-pensjoni maħruġa ai termini tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali u jekk dan huwiex isir għas-sena 2021?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qiegħed jaħdem fuq il-miżura msemmija wara l-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali f’Marzu li għadda mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni, biex l-ammont taxxabbli jkun konformi mal-istess avviż legali fl-iqsar żmien possibbli.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4462, jista’ l-Ministru jgħid fiex jinsab il-pjan ghat-turiżmu f’Wied il-Għajn issa li dieħel l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità kompetenti għadha qed tagħmel l-istudji neċessarji u għaldaqstant tkun tista’ tingħata aktar informazzjoni aktar 'il quddiem.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8316 jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu esegwiti x-xogħlijiet indikati fil-Bajja tar-Rinella, fil-Kalkara, aktar u aktar issa li dieħel l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intervent li kellu jsir mid-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni diġà sar, filwaqt li x-xogħol min-naħa tat-TZRA mistenni li jsir din il-ġimgħa.
Raħal Ġdid – Knisja Santa Ubaldeska – restawr tal-faċċata
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, f’Raħal Ġdid, isir tul din is-sena u jekk le, jgħid għaliex ma jistax isir?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Bdil fis-sistema preżenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6656 u 6844, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-disinni u l-pjani għat-toroq indikati ta’ Ħal Tarxien?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tara kif jista’ jiġi mtejjeb l-andament tat-traffiku fil-junctions ta’ fejn it-toroq msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari numru 6844 jingħaqdu ma’ Triq Tal-Barrani. Sussegwentement, dan ser jirriżulta f’numru ta’ proposti li ser jiġu kkunsidrati għall-analisi iktar fid-dettall. Madanakollu għad ma hemm xejn konkluż.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3369, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li kellu jsir f’Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf) sarux, sabiex tibda l-ħidma arkeoloġika?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li saru studji preliminari fuq is-sit tal-Katakombi ta’ Għar Gerduf, ġie stabbilit li minħabba l-fraġilità u xi kunsenturi li nstabu fis-sisien u s-saqaf tal-għar, għandhom isiru investigazzjonijiet aktar profondi fuq it-tessut u t-terren tal-madwar. Għal dan il-għan, f'dawn l-aħħar xhur ġie preparat u evalwat tender (SPD3/2023/010 – Award Notice; 15 ta’ Mejju 2023) għall-provista’ ta’ studju xjentifiku tal-istat ġeoloġiku u jirrakkomanda miżuri ta’ konsolidament tal-blat li jifforma l-Katakombi ta’ Għar Gerduf bl-aħjar interventi u possibbilment reversibbli li jirrispettaw u jħarsu s-sensittività ta’ dan il-post storiku f’Għawdex. L-istess tender jaħseb ukoll biex ifassal pjan metodoloġiku għall-iskavar arkeoloġiku meħtieġ, mingħajr ma jikkomprometti l-istess struttura jew b’xi mod ikun ta’ periklu għall-ħaddiema involuti fl-istess proċess. Dan kollu qed isir b’kollaborazzjoni u f’kunsultazzjoni sħiħa mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3369, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li kellu jsir f’Kerċem Tombs (Katakombi ta’ Għar Għerduf) sarux sabiex tibda l-ħidma arkeoloġika?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Ix-Xgħajra – Triq ix-Xatt (Żona tal-Milord) — Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru jew huma previsti li jsiru fi Triq ix-Xatt, fix-Xgħajra, fil-parti magħrufa aħjar bħala Tal-Milord?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona li qed jirreferi għaliha, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi mhuma qed iwettqu l-ebda xogħol. Madankollu, ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkunsidra li tagħmel titjib fis-sistema tad-drenaġġ, billi jitkabbru l-pumping station eżistenti u anke r-rising main. B’mod parallel, l-Enemalta qed tikkunsidra wkoll interventi li jsaħħu l-provvista tal-elettriku.
Raħal Ġdid – Knisja Santa Ubaldeska – restawr tal-faċċata
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Ubaldeska, f’Raħal Ġdid, isir tul din is-sena u jekk le, jgħid għaliex ma jistax isir?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni li hemm lista ta’ proġetti oħrajn li jieħdu preċedenza fil-prijorità.
Madankollu mhux eskluż li tittieħed azzjoni li titqies meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8491 dwar xogħlijiet fil-post li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament, jista’ l-Ministru jitlob verifika mill-ġdid għax jidher li parti mix-xogħol li kellu jsir għadu mhux lest?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar xogħlijiet fil-post imsemmi, sar kuntatt mal-inkwilin u rriżulta li dan ma kienx qed jirreferi għal xogħlijiet ta’ tiswija li tlestew fil-post riċentement imma għal proġett ta’ manutenzjoni tal-faċċati li kien tlesta madwar sentejn ilu. L-inkwilin kien ilmenta minn dħul ta’ ilma mill-faċċata u wara li sar l-ilment il-problema kienet ġiet indirizzata mill-kuntrattur xi ġimgħat ilu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fid-Dipartiment tal-Probation u Parole sal-aħħar ta’ Mejju 2023 u jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ingaġġati persuni oħra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-persuni impjegati fid-Dipartiment tal-Probation u Parole sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kienu jammontaw għal 33. Dwar ingaġġar ngħid li skont l-HR Plan tal-2023 mistenni li jsiru diversi sejħiet ta' reklutaġġ sabiex jiżdiedu l-impjegati.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà sal-aħħar ta’ Diċembru 2022? Jista’ jindika wkoll l-eqdem rahan li ngħata u li għadu veljanti u ma nġabarx sal-aħħar ta’ Diċembru 2022?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2022 kien hemm 4,515-il rahan depożitati fil-Monte di Pieta, bl-ixjaħ rahan imur lura għas-26 ta’ Marzu 1984.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1948 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 136, fl-20 ta' Ġunju 2023)
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8713, jista’ l-Ministru jgħid fiex jinsabu n-negozjati u ċjoè jekk humiex fi stadju avvanzat u allura kemm qiegħed jiġi previst li se jdumu biex jiġu konklużi?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozjati għadhom għaddejjin.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7954, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi biex Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, tiġi rranġata fil-parti indikata fl-istess mistoqsija?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 7954.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7954, jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħdux passi biex Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta, tiġi rranġata fil-parti indikata fl-istess mistoqsija?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.