Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7954, 9172 u 11145, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li x-xogħlijiet ta’ tiswija fi Triq San Ġwann l-Belt Valletta, isiru billi bl-użu frekwenti qed isiru iktar urġenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonjiet biex isir l-aħjar intervent f’dawn l-akkwati.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Il-Fgura — Triq Kottoner - Tiswija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11347 jista’ l-Ministru jgħid x’passi ulterjuri ttieħdu sabiex Triq Kottoner, fil-Fgura, tiġi aħjar milli hija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Kottoner huma parti minn proġett iktar usa’. Din it-triq ser issir flimkien ma’ Triq San Tumas, bix-xogħlijiet mistennija jibdew fix-xhur li ġejjin.

Ħaż-Żabbar/Fgura — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11345 dwar xogħlijiet maġġuri fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija prevista li se tkun l-ispiża tax-xogħlijiet komplessivament wara li finalment jiġu konklużi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet maġġuri li għaddejjin fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa, bejn Ħaż-Żabbar u l-Fgura, huma stmati li ser jiswew 2.5 miljun ewro. Ix-xogħlijiet, li saru fuq medda ta’ tul ta’ 600 metru, inkudew il-bini mill-ġdid tat-triq bi tliet saffi t’asfalt. Sar disinn ġdid tat-triq, bankini iktar wesgħin u infrastruttura adegwata għaċ-ċiklisti u l-mixi. Sar disinn ġdid ta’ landscaping, inkluż b’sistema ta’ irrigazzjoni u bini ta’ ġibjun ġdid biex it-tisqija ssir b’mod sostenibbli. Ġiet installata sistema ta’ dawl ġdida u strutturi għas-saħħa u s-sigurta’ għas-sewwieqa (Vehicle Restraint Systems), strutturi ta’ ħitan ġodda, sistemi ġodda ta’ servizzi ta’ provvista ta’ ilma u tliet pelican crossings.

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva – Kawżi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ġew reġistrati kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva ġewwa l-Qrati ta’ Malta minn meta t-Tribunal ġie fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju, 2007 sal-31 ta’ Ottubru 2023.

Ċentru tal-Arbitraġġ – Każijiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati każijiet fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-aħħar ta' Ottubru 2023.

Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva – Kawżi deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva minn meta ġie fis-seħħ, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minn meta beda t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, ċjoè mill-15 ta’ Ġunju 2007 sal-aħħar t’Ottubru 2023 kien hemm 1,906 kawża li ġew terminati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi iktar fid-dettall kif ġew terminati l-kawżi fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva fil-perjodu msemmi.

Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – Każijiet Pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11294 u jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni sal-aħħar tas-sena 2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Landscape Convention – dħul fis-seħħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7425 tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Landscape Convention hijiex se tidħol fis-seħħ tul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jaħdem fuq il-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni, li wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu.

Il-Kalkara — Bighi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 7948 u 11305 dwar xogħol f’Bighi, fil-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid meta attwalment se jibda dan ix-xogħol u jekk huwiex previst li jsir tul din is-sena u qabel is-sajf li ġej?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta b’kollaborazzjoni ma Infrastructure Malta qed jaħdmu fuq pjan ħolistiku għaż-żona li ser ikun jinkludi l-bini ta' moll li ser iservi biex inaqqas l-erużjoni tal-blat u bħala passaġġ għat-tarf tal-peninsula, kif ukoll ser jinkludi li tinbena mill-ġdid is-selħa li hemm fil-blat u jintrabat il-blat li hu ta' riskju li jiġġaraf. Il-pjan ser jitwettaq f'fażijiet bl-ewwel fażi li jitneħħa l-materjal biex jitnaqqqas l-periklu għal ħaddiema mistenni jibda' fix-xhur li ġejjin. Bħalissa għaddejin studji ġeoloġiċi biex l-intervent isir bl-aktar mod għaqli possibli.

Il-Kalkara – Smoking Room f’Bighi — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11306, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fit-tiswija tal-iSmoking Room f’Bighi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li l-proċess ta’ evalwazzjoni li jwassal għall-award tal-kuntratt tax-xogħol ġie iffinalizzat. Intant infurmat li r-rapport tal-evalwazzjoni bħalissa jinsab għand id-DCC għall-konsidrerazzjoni tagħhom.

Il-Kalkara — Triq li tagħti mill-Bajja tar-Rinella għall-Fortizza – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11309 dwar xogħlijiet biex it-triq li mill-Bajja tar-Rinella tagħti għall-Fortizza fil-Kalkara tiġi rranġata, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex stabbilit pjan ta’ xogħol u stima billi t-triq hija prevista li tkompli taqa’ bil-maltemp li jiġi tul ix-xhur tax-xitwa?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qed jipprepara sejħa għall-offerti għat-tiswija u r-restawr tal-istruttura li fuqha hija mibnija t-triq. Huwa pjanat li din is-sejħa tiġi ppubblikata fil-bidu tas-sena d-dieħla u x-xogħol jitwettaq iktar tard f’dik is-sena.

Belt Valletta – Triq in-Nofsinhar — tiswijiet fiċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11148 dwar xogħol fuq iċ-ċangatura fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt, Valletta, jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu sabiex tonqos il-ħsara li hemm f’din it-triq?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12942.

Belt Valletta – Triq in-Nofsinhar — tiswijiet fiċ-ċangatura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11148 dwar xogħol fuq iċ-ċangatura fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt, Valletta, jista’ l-Ministru jgħid x’passi jistgħu jittieħdu sabiex tonqos il-ħsara li hemm f’din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonjiet biex isir l-aħjar intervent f’dawn l-akkwati.

Ħal Tarxien — Joanna Gardens - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11344 dwar xogħlijiet fil-Joanna Gardens, ġewwa Ħal Tarxien, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-istima oriġinali u kemm attwalment ser jitħallas għall-istess xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi preżentement m’hemm l-ebda fattura mħallsa fir-rigward ta’ dan il-proġett. Intant infurmat li l-ammont oriġinali tat-tender kien ta’ €42,880.25 (VAT eskluż).

Kontravvenzjonijiet għal nuqqas ta’ użu tal-indikatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravvenzjonijiet tul din is-sena għal sewwieqa li ma jużawx l-indikatur kif tgħid il-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm disgħa mija u disa’ u sittin (969) kontravvenzjonijiet li nħarġu kontra sewwieqa ta’ vetturi, talli ma użawx l-indikatur skont il-liġi fil-perjodu ta’ bejn Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru 2023.

Twaħħil ta’ lifts f’appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11299 dwar l-istallazzjoni ta’ lifts fi blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex ġew installati l-lifts indikati fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll fejn għad hemm bżonn li jiġu installati lifts oħra?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment fuq il-lifts installati skont it-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 11299 kienet ta’ €331,891.49c. Bħala applikazzjonijiet pendenti għall-installar ta’ lifts fl-istess lokalitajiet imsemmija hemm 3 f’Ħal-Għaxaq u 3 fiż-Żejtun.

Awtorità tad-Djar — Twaħħil ta’ lifts f’appartamenti f’Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, il-Gudja u l-Fgura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11300 dwar l-istallazzjoni ta’ lifts fi blokok ta’ akkomodazzjoni soċjali, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża biex ġew installati l-lifts indikati fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid ukoll fejn għad hemm bżonn li jiġu installati lifts oħra?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment fuq il-lifts installati skont it-tweġiba għall- mistoqsija parlamentari 11300 kienet ta’ €649,530.53c. Bħala applikazzjonijiet pendenti għall-installar ta’ lifts fl-istess lokalitajiet imsemmija hemm 2 fil-Gudja, 2 f’Raħal Ġdid, 3 f’Santa Lucija u 1 f’Ħal Tarxien.

Ħal Għaxaq — Skola Primarja – Nefqa fuq xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11301 dwar xogħlijiet fl-Iskola Primarja ta’ Ħal Għaxaq, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża attwali?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment fuq l-iskola msemmija hu ta’ madwar €6 miljun.

Università – Refurbishment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11302 dwar refurbishment fl-Università ta’ Malta, jista’ l-Ministru jgħid meta attwalment ser isir dan ir-refurbishment?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11302.