Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12954 u jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li kellhom data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali fis-sena 2023 u li ġew trasposti huma s-segwenti:
Direttiva
Skadenza għat-traspożizzjoni
Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1647 tat-23 ta' Settembru 2022 li temenda d-Direttiva 2003/90/KE fir-rigward ta' deroga għall-varjetajiet organiċi ta' speċijiet ta' pjanti agrikoli adattati għall-produzzjoni organika
30/06/2023
Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1648 tat-23 ta' Settembru 2022 li temenda d-Direttiva 2003/91/KE fir-rigward ta' deroga għal varjetajiet organiċi ta' speċi ta' ħxejjex adattati għall-produzzjoni organika
30/06/2023
Id-Direttiva ta' Implimentazzjoni (UE) 2022/2438 tat-12 ta' Diċembru 2022 li temenda d-Direttiva 93/49/KEE u d-Direttiva ta' Implimentazzjoni 2014/98/UE fir-rigward ta' pesti mhux ta' kwarantina regolati mill-Unjoni fuq materjal ta' propagazzjoni ta' pjanti ornamentali, materjal ta' propagazzjoni ta' pjanti tal-frott u pjanti tal-frott maħsuba għall-produzzjoni tal-frott
30/06/2023
Dik id-Direttiva li għandha pendenti hija:
Direttiva
Skadenza għat-traspożizzjoni
Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1438 tal-10 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Direttivi 2003/90/KE u 2003/91/KE fir-rigward tal-protokolli għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli u speċi ta’ ħxejjex.
31/12/2023
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li jridu jsiru mill-ġdid fil-Pjazza Antoine de Paule, f’Raħal Ġdid, humiex ser jsiru tul is-sena 2024?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument għaddejin diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid, Infrastructure Malta u Transport Malta biex tinsab soluzzjoni fit-tul għal din it-triq.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista bit-titoli tal-kotba li ġew restawrati fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba d-dawl fit-triq l-antika ta’ Marsaskala huwiex jinxtegħel regolarment, billi hemm ilmenti varji li ma huwiex u dan b’detriment għas-sewwieqa varji u dawk li jużawha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba d-dawl fit-triq l-antika ta’ Marsaskala huwiex jinxtegħel regolarment, billi hemm ilmenti varji li ma huwiex u dan b’detriment għas-sewwieqa varji u dawk li jużawha?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rilokati rifuġjati u persuni li ħaqqhom protezzjoni tul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li ġew rilokati 163 persuna lejn Membri Stati oħra li talbu protezzjoni tul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata tal-lum. Fl-istess perjodu, ġew risistemati lejn pajjizi terzi 44 persuna oħra li kienu talbu protezzjoni jew li kienu ngħataw protezzjoni.
Ninsab ukoll infurmat illi bejn l-2022 u l-2023, 479 persuna li kienu daħlu f’pajjiżna b’mod irregolari ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom; 195 fl-2022 u 284 fl-2023.
Marsaxlokk – Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin — Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, tul l-2022 u l-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġewwa l-park naturali ta’ Xrobb l-Għaġin għadna kemm inawgurajna Wildlife Rehabilitation Centre ġdid li se jipprovdi ambjent u faċilitajiet aħjar għar-riabilitazzjoni ta’ annimali selvaġġi feruti, kif ukoll se jservi bħala ċentru għar-riċerka u l-edukazzjoni ambjentali. Iċ-ċentru ġie żviluppat b’investiment ta’ €2.5 miljun iffinanzjat parzjalment minn fondi Ewropej taħt il-programm reġjonali ERDF u fondi nazzjonali.
B’rabta ma’ dan il-proġett, fl-aħħar sentejn saru diversi xogħolijiet biex ġiet irranġata l-binja eżistenti kif ukoll sar tisbiħ tal-madwar. Matul l-2022 ix-xogħolijiet kienu jikkonsistu primarjament f’ restawr tal-bini tal-Ex-Deutschewelle fejn tneħħew is-soqfa kollha li kienu kundannati, filwaqt li ġew infurzati l-kolonni li kienu qed iżommu s-soqfa li matul is-snin kienu ddeterjoraw u nagħataw konkos ġdid biex jinfurzahom. Ġiet irranġata wkoll is-sitema li kien hemm tal-effiċjenza tal-enerġija, flimkien mar-restawr tal-faċċata kollha tal-binja. Matul l-2022, Ambjent Malta kompliet ukoll bix-xogħol fuq il-manteniment tal-parti rurali u naturali fejn tul is-snin kienu tħawwlu aktar minn 20,000 siġra u arbuxell f’dan il-park naturali. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti f’tisqija, tneħħija ta’ speċi invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxell f’diversi żoni ġewwa l-park.
Matul l-2023, ix-xogħlijiet intensifikaw fir-riġward tal-interventi strutturali fejn tkomplew il-partijiet relatati mal-finishes kif ukoll fuq is-sistemi tad-dawl u l-ilma madwar il-binja kollha. Ġew installati sistemi ġodda ta’ pompi li jtellgħu l-ilma baħar għal ġewwa t-tankijiet, li nbnew apposta għall-fkieren li jkun qed jiġu riabilitati fil-Wildlife Rehabilitation Centre. Ġew attrezzati wkoll kmamar apposta biex iżommu fihom fawna tal-art (bħal qniefed u friefet il-lejl) li jkollhom bżonn kura u interventi mediċi, qabel jerġgħu jitpoġġew fl-abitat naturali tagħhom. Ġew installati sistemi ta’ CCTVs li jimmonitorjaw il-post kollu u sistema elettronika li tkun qed tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma baħar li jkun hemm fit-tankijiet tal-fkieren. Inbniet ukoll guva kbira biswit din l-binja biex isservi għar-rijabilitazzjoni tat-tjur salvaġġ. Inbniet ukoll sub-station tad-dawl biex dawn is-sistemi ġodda jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ebda diffikultà.
Ta’ min isemmi wkoll li Heritage Malta nediet proġett relatat mal-iskavar tat-tempju neolitiku li jinsab fi Xrobb l-Għaġin.
Ix-xogħlijiet li saru jfisser li reġa’ nfetaħ spazju ta’ 150,000 metru kwadru bħala park għall-pubbliku.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2065, 5406 u 8488, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fi Ġnien Lorry Sant, f’Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid illi x-xogħlijiet fi Ġnien Lorry Sant waslu fi stadju avvanzat ħafna, tant illi nfurmat li l-inawgurazzjoni tal-Ġnien ser issir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Diċembru.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħha, Project Green wettqet diversi xogħlijiet f’dan il-ġnien li kienu jinkludu tinqix tal-ħamrija, tisqija u żbir tas-siġar, kif ukoll saru x-xogħlijiet preparatorji biex tiġi estiża s-sistema awtomatika għat-tisqija tas-siġar. Infakkar li Ġnien il-Mediterran intgħażel bħala wieħed mis-16-il proġett li se jsiru taħt l-iskema Community Greening Grant u minbarra li dan il-ġnien se jiġi riġenerat il-proġett se jinkludi żona għall-istudenti tal-MCAST.
Kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 13868, ix-xogħol b’rabta mal-proġetti li se jsiru b’investiment ta’ €10 miljun taħt l-iskema Community Greening Grant wasal f’diversi fażijiet. Tlestiet il-konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati waqt l-ippjanar kif ukoll l-istudji meħtieġa. Barra minn hekk, tlesta x-xogħol amministrattiv marbut mat-tfassil biex jinħarġu s-sejħiet għall-offerti u preżentament qed isir it-tfassil tagħhom.
Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – applikazzjoni nru TRK/00266472
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2135 jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm xi żviluppi dwar l-applikazzjoni li saret lill-Awtorità tal-Ippjanar nru TRK/00266472 sabiex jiġi rranġat Ġnien San Alwiġi, f’Raħal Ġdid?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13938, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba sottomessa bin-numru TRK 266472 ġiet ikkunsidrata bħala kompluta fit-23 ta’ Jannar, 2023 u l-applikazzjoni ngħatat in-numru PA 00253/23. Din l-applikazzjoni ġiet ipproċessata u ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Ippjanar, nhar il-21 ta’ Novembru, 2023.
Vetturi “Y-Plate” — Spezzjonijiet minn uffiċjali ta’ Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet minn uffiċjali ta' Transport Malta sabiex jassiguraw li l-vetturi li għandhom l'hekk magħrufa “Y-Plate” huma miżmuma fi stat tajjeb ta’ ndafa u kundizzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta regolarment jispezzjonaw vetturi tal-kategorija msemmija sabiex jiżguraw li jkunu miżmuma fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11554, 11555 u 11556, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-siġra li tinsab f'art tal-eks grawnd tal-futbol Pace Grasso tiġi miżbura?
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11554, 11555 u 11556, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-siġra li tinsab f'art tal-eks grawnd tal-futbol Pace Grasso tiġi miżbura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.
Belt Valletta – Triq Nofsinhar — tiswijiet fiċ-ċangatura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12942 jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet indikati minnu sabiex issir it-tiswija taċ-ċangaturi fi Triq Nofsinhar, fil-Belt Valletta?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li li sar survey minn uffiċjali ta’ Infrastructure Malta u qed jitħejja rapport biex tittieħed azzjoni.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12943 jista’ l-Ministru jgħid b’mod aktar speċifiku x’xogħol se jsir fi Vjal Kottoner, fil-Fgura, billi Triq San Tumas tinsab ’il bogħod minnha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Vjal Kottoner, il-Fgura, ser isiru xogħlijiet ta’ tqegħid ta’ servizzi u bini mill-ġdid tat-triq u l-bankini.
Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni – Każijiet Pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11294 u 12948 u jgħid kemm kien hemm każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni sal-aħħar tas-sena 2022?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li sal-aħħar tal-2022 kien hemm tlett każijiet pendenti quddiem il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Implimentazzjoni ta’ direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza matul l-2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li matul l-2023, il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza ippublika Avviż Legali 251 tal-2023 li jittrasponi d-Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2023/277 tal-5 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ prodotti relatati mad-difiża f’konformità mal-Lista Militari Komuni aġġornata tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Frar 2022.
Bħalissa l-Ministeru qed jifinaliżża l-avviż legali li jittrasponi d-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ mpjieg bi kwalifiki għoljin, u li jħassar Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE.
Ministeru għall-Ġustizzja — Implimentazzjoni ta’ direttivi tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għall-Ġustizzja matul l-2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2023 il-Ministeru tal-Ġustizzja ttraspona dawn iż-żewġ Direttivi fil-liġi nazzjonali:
- Id-Direttiva numru (UE) 2022/211 li temenda d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/465/JHA, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali; u
- Id-Direttiva numru (UE) 2022/228 li temenda d-Direttiva 2014/41/UE, fir-rigward tal-allinjament tagħha mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.
Ma hemm l-ebda Direttiva li għadha pendenti u li ma ġietx trasposta għal 2023.