Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien — Triq il-Kbira - Miżuri minħabba sewqan eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li ġewwa Triq il-Kbira Ħal Tarxien jiġu installati sleeping policemen peress li matul il-lejl qed ikun hemm każijiet ta’ sewqan eċċessiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li diġà indirizza din il-problema billi talab u kiseb l-approvazzjonijiet neċessarji għall-installar ta’ speed bumps. Ninsab infurmat ukoll li ġie akkwistat dak kollu neċessarju, ix-xogħlijiet meħtieġa għandhom jitlestew sal-ġimgħa d-dieħla.

Wied il-Għajn — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Wied il-Għajn fis-snin 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Wied il-Għajn u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali Wied il-Għajn — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li rċieva madwar 1,324 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti, l-iktar relevanti kien fuq qtugħ ta’ bozoz, skart, knis u qtugħ ta’ ħaxix.

Marsaxlokk — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Marsaxlokk fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Marsaxlokk u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu ndirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali Marsaxlokk — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li rċieva madwar 363 ilment u suġġeriment matul is-sena 2023. Fost l-ilmenti, l-iktar relevanti kien hemm dwar qtugħ ta’ bozoz, xogħol ta’ marki fit-toroq, żebgħa u tiswijiet tat-toroq, tiswijiet ta’ tabelli, bankini, u ndafa.

Siġar taċ-ċitru – Reġistru nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx reġistru nazzjonali tas-siġar taċ-ċitru li huma fil-pubbliku? Jista’ jindika x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet fl-użu tal-larinġ tal-bakkaljaw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jinżammx reġistru nazzjonali taċ-ċitru. Fir-rigward tal-larinġ tal-bakkaljaw, għalkemm id-Dipartiment ma għandux rakkomandazzjonijiet uffiċjali, tradizzjonalment dan jintuża għat-tilqim taċ-ċitru.

Bulebel — Triq tal-Ħotba – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex kull filgħaxija, fi Triq tal-Ħotba li twassal minn Bulebel għal Tal-Barrani jinqata’ d-dawl u jkun hemm dlam ċappa? Peress li dan hu ta’ periklu, jista jgħid għaliex dan ma jistax jiġi rimedjat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li saret il-manutenzjoni meħtieġa fid-dawl li hemm installat fit-triq indikata u li qed tiġi evalwata wkoll il-possibbiltà ta’ proġett ta’ street lighting f’din it-triq biex tkun tista’ tinbidel l-infrastruttura eżistenti. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Enemalta jistgħu jċemplu fuq 8000 2224 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku enemalta.com.mt

Bulebel — Triq tal-Ħotba – Qtugħ ta’ dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kull filgħaxija, fi Triq tal-Ħotba li twassal minn Bulebel għal Tal-Barrani jinqata’ d-dawl u jkun hemm dlam ċappa? Peress li dan hu ta’ periklu, jista jgħid għaliex dan ma jistax jiġi rimedjat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż- Żejtun li ma rċeviex rapporti f’dan ir-rigward.

Żejtun — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fiż-Żejtun fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew fiż-Żejtun u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kunsill Lokali Żejtun — ilmenti u suġġerimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċieva lmenti u suġġerimenti l-Kunsill Lokali taż-Żejtun matul is-sena 2023 kif ukoll fiex kienu jikkonsistu dawk l-ilmenti l-iktar relevanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li matul is-sena 2023 irċieva diversi lmenti u suġġerimenti li parti sostanzjali minnhom saru b’mod verbali lis-Sindku u l-membri tal-Kunsill u għaldaqstant ma jistgħux jiġu kkwantifikati. In-natura ta’ dawn is-suġġerimenti kienu varji, fosthom sabiex isir manteniment ta’ bankini, żieda ta’ bozoz fit-toroq u taħwil ta’ siġar f’zoni differenti u problemi relatati mal-iskart.

Local Governance Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu każijiet quddiem il-Local Governance Board imwaqqaf bl-Avviż Legali 363.150 matul is-sena 2023 u kemm hemm każijiet pendenti kif ukoll minn min huwa kompost l-istess bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 tressqu 7 każijiet lil-Bord għall-Governanza Lokali u li hemm 16 il-każ pendenti. Il-Bord huwa kompost kif ġej: ChairpersonSur Simon Abela MembriSur Joseph Scerri Sur Michael Mifsud Sa Sarah Lee Zammit SegretarjuSur Pablo Cachia Belli

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat — Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Tista’ tgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-Ministeru tiegħi hemm bord wieħed l-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu li jinkludi fih rappreżentanza ta’ erba’ Segretarji Permanenti kif jesiġi (kap.557) artiklu 4 “Persons within the Autism Spectrum (Empowerment) Act". Il-membri fil-kariga huma maħtura ex officiou dawn huma: 1. Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat jew rappreżentant tagħha. 2. Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Finanzi jew rappreżentant tiegħu. 3. Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Ed​ukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jew rappreżentant tiegħu. 4. Segretarju Permanenti tal-Ministeru​ għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jew rappreżentant tiegħu.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda Segretarju Permanenti jew is-Segretarju Permanenti Ewlieni li ġew appuntati f’bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru.

Deċiżjoni ta’ sentenza

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid taħt liema Ministeru u dekasteru taqa’ l-materja partikolari tal-mistoqsijiet parlamentari 14025, 14026 u 14478?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li l-Ministeru li taħtu taqa l-materja msemmija huwa dak għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li s-Segretarju Permamenti Ewlieni jservi bħala Chairperson tal-Bord tal-MITA. Nirreferi ukoll lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 11525.

Raħal Ġdid — Dockyard Street - Bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi raġuni valida għaliex il-bankina li hemm f’Dockyard Street, Raħal Ġdid quddiem il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ma tiġix konformi mar-rakkomandazzjoni tal-CRPD 18/11/22?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li l-parti tal-bankina indikata (murija fir-ritratt meħud fit-18.3.24 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) hija affettwata minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li għadhom ma tlestewx. Il-proċedura hija li mat-tlestija tax-xogħlijiet, il-Kunsill jiddikjara mal-Awtorità tal-Ippjanar jekk il-bankina tħallietx fi stat tajjeb jew le.

Il-Furjana – Triq Ġnien Dante Aligheri – Siġar taċ-ċitru

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16617, jista’ l-Ministru jara li anke jekk il-frott tas-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Aligheri, il-Furjana huwa tal-bakkaljaw, jistgħux jinġabru u jiġu użati, jekk mhux mill-entità non-governattiva msemmija fl-istess tweġiba, minn oħra, għax hija ħasra li jintremew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li din il-materja, flimkien ma’ oħrajn ser tkun diskussa mal-kuntrattur il-ġdid li beda bil-ħidma tiegħu fl-1 ta’ April 2024.

Landscape Convention – dħul fis-seħħ

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 7425 u 12937 tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju tinsab l-implimentazzjoni tal-Landscape Convention?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għadu għaddej.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Tista’ tgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sur Christopher Cutajar, Segretarju Permamenti fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, huwa maħtur bħala Membru fuq il-Bord tad-Diretturi ta’ Wasteserv (Malta) Ltd. It-terminu kurrenti huwa effettiv għal perjodu ta’ sena mit-22 ta’ Frar 2024 u l-ħlas stabbilit huwa ta’ €7,314.00 fis-sena.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet – Membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu hemmx membri appuntati li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni? Jista’ jgħid min huma dawn il-persuni u kemm jitħallsu, inklużi l-perkaċċi varji u fuq liema Bord iservu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda membru appuntat fuq il-bordijiet ta’ entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li jokkupaw il-kariga ta’ Segretarju Permanenti jew Segretarju Permanenti Ewlieni. Naturalment din ir-risposta m’għandiex tinqara bi ħsara għall-istanzi fejn il-liġi innifisha tobbliga lill-Ministru li jaħtar Segretarju Permanenti b’mod ex officio.