Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mill-In-Work Benefit fiż-Żejtun u kemm irċevew komplessivament f’benefiċċji soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul l-2023 kien hemm 809 benefiċjarju tal-In Work Benefit residenti fiż-Żejtun. Flimkien mal-In Work Benefit, il-benefiċjarji komplessivament rċevew dawn il-benefiċċji/allowances pensjonijiet kif indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Iż-Żejtun — Sussidji fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni residenti ż-Żejtun li matul is-sena 2023 ibbenefikaw mis-sussidju fuq kirjiet li saru qabel l-1995 u wara u jgħid kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin f’dan il-proċess?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2023, fiż-Żejtun kellha 45 benefiċjarju ta’ sussidju ta’ kera qabel l-1995 b’€230,958.79 u 56 benefiċjarju wara l-1995 b’€205,844.16, b’każ wieħed ta’ żgumbrament.
Il-Kalkara – Rinella – Restawr fil-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet inbdew biex il-parti tal-ħajt fil-kumpless ta’ Bighi, fir-Rinella l-Kalkara li kien waqa’, jiġi restawrat? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex jiġi kkunsidrat li l-parti tal-art adjaċenti u mitluqa, tiġi riabilitata wkoll?
Response (BONNICI, OWEN)
Ix-xogħlijiet fuq il-ħajt li waqa’ bil-maltemp fil-Bajja tar-Rinella issa ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar ġimgħat. Ix-xogħol qiegħed isir minn kuntrattur imqabbad u taħt is-superviżjoni ta’ Infrastruttura Malta, bl-assistenza ta’ Heritage Malta. Bħalissa qiegħed jitneħħa l-materjal minn wara l-ħajt, sabiex titnaqqas il-pressjoni tal-materjal minn fuq it-truf tal-kollass. Fil-ġimgħat li ġejjien mistenni jibda x-xogħol fuq in-naħa ta’ barra mill-baħar, dan sabiex jiġi krejat il-pedament tal-ħajt li jrid jerġa’ jinbena u jissaħħaħ il-blat.
Kull art oħra adjaċenti li hemm barra mill-konfini tal-kumpless ta’ l-Ex Sptar Navali ta’ Bighi, użat bħala Head Office u laboratorji ta’ Heritage Malta, mhux amministrata minn Heritage Malta.
Marsaxlokk – Xrobb l-Għaġin — Park Naturali - Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13934, ninformah li, matul din is-sena, x-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, jinkludu l-manutenzjoni ġenerali tal-park fosthom tħawwil ta' siġar u arbuxelli ġodda, tisqija regolari skont il-ħtieġa, qtugħ u ġestjoni tal-ħaxix biex jiġu evitati inċidenti minn nirien, manutenzjoni taż-żona għall-picnics, installazzjoni ta’ tankijiet għar-rimi tal-ilma tal-baħar, tikħil tal-kamra tas-sigurtà u tindif ġenerali. Minn meta ġiet inawgurata t-tieni fażi tal-proġett ġewwa dan is-sit, il-park żaruh madwar 40,000 ruħ u 6,000 student.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Ġnien il-Mediterran, f’Raħal Ġdid matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li matul din is-sena sar qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar ġewwa Ġnien il-Mediterran.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru, jekk saru, fi Ġnien il-Mediterran, f’Raħal Ġdid matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament Project Green tieħu ħsieb biex dan il-ġnien jinżabar u jissaqqa’. Ġnien il-Mediterran, li fih madwar 21,000 metru kwadru u huwa wieħed mill-akbar ġonna f’Malta, intgħażel bħala wieħed mis-16-il proġett li se jsiru taħt l-iskema Community Greening Grant.
Il-proġett għar-riġenerazzjoni tal-ġnien se jilħaq partikolarment mat-18,000 familja li jabitaw f’distanza ta’ 10 minuti, lill-istudenti tal-MCAST li għandhom aċċess għall-ġnien permezz tal-pont li nbena riċentament, kif ukoll lill-haddiema li jaħdmu fiż-żona industrijali ta’ Kordin.
Bħalissa l-ġnien fih nuqqas ta’ landscaping u faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familji. Minbarra li se jsir tħawwil ta’ diversi siġar u pjanti b’żieda ma’ dawk li diġà hemm, se jiġi restawrat ġibjun ezistenti u se jinbena ieħor ġdid biex l-ilma li jinħażen fihom jintuża għat-tisqija tal-ġnien permezz ta’ sistema t’irrigazzjoni awtomatika li se tiġi introdotta wkoll permezz tal-proġett. Il-passaġġi se jsiru minn materjal apposta b’sistema li twassal l-ilma għal ġol-ġibjuni. Ser jiġu installati wkoll numru ta’ pannelli solari u l-enerġija li jiġġeneraw se tintuża biex jiddawwl il-ġnien.
Il-proġett huwa maħsub biex itejjeb iż-żoni li jagħtu għall-Punent u l-Majjistral tal-ġnien billi jsiru passaġġi ġodda għall-aċċess mill-pubbliku. Tul dawn il-passaġġi se jiġu allokati spazji żgħar bħala picnic areas u se jiġu introdotti wkoll numru ta' żoni għal-logħob tat-tfal.
Jista’ l-Ministru jgħid liema kotba, bit-titoli relattivi, li ġew restawrati matul is-sena 2024 u dawk li se jiġu restawrati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Peress li d-dekasteru li jien politikament responsabbli minnu jikkomprendi wkoll l-Arkivji Nazzjonali inkun grat jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika aħjar għal liema dipartimenti jew entitajiet qed jirreferi sabiex inkun nista' nagħti l-aħjar informazzjoni possibbli.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2315 u 7945, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol neċessarju fuq Misraħ Karmnu Grima, iż-Żejtun?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19074, jista’ l-Ministru jara li fil-librerija tal-Università ta’ Malta mhux biss ikun hemm aċċess għall-internet imma li jkun hemm apparat disponibbli?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19071 li fiha ngħatat l-informazzjoni kollha. Infurmat li l-Università ma tħossx li hemm neċessità għal apparat addizzjonali la m’hemmx domanda għalih.
Il-Furjana – Triq Ġnien Dante Alighieri – Siġar taċ-ċitru
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18519, jista’ l-Ministru jgħid jekk ittieħdux passi ulterjuri sabiex ikun hemm iż-żabra u l-ġbir neċessarju fuq is-siġar taċ-ċitru li hemm fi Ġnien Dante Alighieri l-Furjana?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li fil-ġnien bħalissa għaddej it-tindif, il-ħrit tal-konki madwar is-siġar u t-tisqija. Sadattant infurmat wkoll li ż-żabra u l-ġbir tal-frott mhux ideali li jsir daż-żmien iżda aktar tard meta jaqleb it-temp wara l-istaġun tas-sajf.
Jista’ l-Ministru jivverifika l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17507, dwar il-bankina li hemm fi Triq it-Tarzna, Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li sal-lum ma kienx hemm żvilluppi ulterjuri fl-istat tal-bankina u l-iżvilupp fir-residenza minn kif indikat fl-aħħar tweġiba li ngħatat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16622, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-ispejjeż li ġew inkorsi sabiex il-Funtana tal-Iljun fil-Furjana tiġi lura għan-normal?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Raħal Ġdid — Żbir ta’ siġra li qiegħda tagħmel ħsara lill-proprjetà
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 11554, 11555 u 11556, jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex is-siġra li hemm fuq wara tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, tiġi debitament miżbura?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li s-siġra inkwistjoni qiegħda fi Ground Pace Grasso u fl-aħħar ġimgħat saru xogħlijiet fejn is-siġra nżabret sew u huwa l-ħsieb li din tkompli tinżabar sabiex tkun aktar ikkontrollata.
Wied il-Għajn — Bajja ta’ San Tumas - xogħlijiet ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk kemm-il darba humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji inkluż it-tindif fil-Bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn fix-xahar li ġej qabel jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċessi ta’ tindif f’kull bajja huma xogħlijiet ta’ rutina li jsiru tul is-sena kollha. Qed isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni u żebgħa fuq il-bankijiet u t-tlett picnic tables li ġew installati s-sena l-oħra.
Wied il-Għajn — Bajja ta’ San Tumas - xogħlijiet ta’ manutenzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk kemm-il darba humiex ser isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji fil-Bajja ta’ San Tumas fix-xahar li ġej qabel jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega għal liem xogħlijiet ta’ manutenzjoni qed jirreferi.
Għajnuna Legali – Elenku — Avukati u Prokuraturi Legali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm avukati u prokuraturi legali li qegħdin iservu fuq l-elenku tal-Għajnuna Legali u kemm huwa l-ħlas rispettiv? Jista’ jindika wkoll kemm huwa l-baġit approvat għall-istess, skont il-Ministeru tal-Finanzi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Matul dawn l-aħħar sentejn saret ħidma sabiex is-servizz tal-għajnuna legali jkompli jiġi żviluppat f’servizz aġġornat għaż-żminijiet tal-lum. Għalhekk ġie rrakkomandat li s-servizz jinqasam f’panels speċjalizzati ta’ avukati sabiex jagħtu servizz aktar iffukkat lill-klijenti li jagħżlu li jinqdew bis-servizzi tal-Aġenzija u panel ieħor ta’ Prokuraturi Legali. Dawn il-panels speċjalizzati bdew jagħtu s-servizz tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2024 li huma maqsuma kif ġej fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra..
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li fil-bidu ta’ Triq Santu Rokku, il-Kalkara min-naħa tal-Kunvent tal-Kappuċċini, isiru żewġ zebra crossings sabiex il-qsim min-naħa għal oħra jsir b’iktar attenzjoni?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fiż-żona msemmija huwa pjanat proġett ta’ kostruzzjoni kif ukoll upgrade ta’ toroq li huma suġġetti għal road safety audit u ser ikun qed jinkludi wkoll l-infrastruttura neċessarja għal-pedestrians.