Legislature:
Category:
Reset
Active:

SportMalta u l-Kuntrattur tax-Shooting Range — Ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19071 u 19363 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18518, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha rilevanti tal-ftehim bejn SportMalta u l-kuntrattur tax-Shooting Range, billi dawn ma kenux kompleti? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-medjazzjoni mmexxija mill-Perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bejn SportMalta u l-kuntrattur li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament, inkluż u mhux limitat għad-deċiżjoni u/jew rakkomandazzjoni tal-istess Perit, liema medjazzjoni wasslet għaċ-ċessjoni tal-kawżi bejn SportMalta u l-istess kuntrattur quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19926.

Rapport tal-Ombudsman — Vetturi abbord bastimenti tal-Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20083 u jgħid x’passi ttieħdu fir-rigward tar-rapport tal-Ombudsman ippreżentat fl-20 ta’ Novembru 2023 fir-rigward ta’ vetturi abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vetturi kollha li jkunu abbord il-bastimenti tal-Gozo Channel, qed ikollhom il-magna mitfija. Min-naħa l-oħra, il-passaġġiera mhux jitħallew joqgħodu fil-garaxx tal-vapur matul it-traġitt tal-vjaġġ.

Il-Furjana – Funtana tal-Iljun — Nefqa

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 16622 u 19662, jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu spejjeż fuq il-Funtana tal-Iljun fil-Furjana?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet tar-restawr tal-funtana tal-iljun fi Triq Sant'Anna fil-Furjana li saru, kienu jikkonsistu fir-restawr tal-pedestal, l-ornamenti, l-istatwa u l-vaska, interventi fuq il-vaska, inkluż tindif minn materjal li akkumula matul is-snin kif ukoll trattament sabiex terġa’ tkun tista’ żżomm l-ilma mingħajr problemi ta’ tnixxija, l-installazzjoni ta’ sistema ġdida tal-ilma inkluż interventi minn ġewwa trinek, il-pumproom kif ukoll il-pedestal tal-istatwa sabiex ġew installati pompi u pajpijiet ġodda u installazzjoni ta’ sistema ta’ dawl ġdida kif ukoll kameras tas-sigurtà (CCTV). l-ispiża tammonta għal €109,000 (VAT eskluż).

Ġnien Bormla — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Ġnien Bormla u meta ser jiġi finalizzat kif ukoll kemm ser jiġi jiswa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-proġett tar-riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kottoner f’Bormla li qed isir minn Project Green. Ninfurmah li dan il-proġett huwa maqsum f’żewġ fażijiet u l-istima preliminari tiegħu hija ta’ madwar €2 miljun u huwa mmirat li jitlesta fl-2026. L-ewwel fażi li qed tiġi mwettqa bħalissa tinvolvi l-bini ta’ ċnut ġodda madwar il-ġnien kollu biex imbagħad jitwaħħal fence fuqhom. Sadattant, l-applikazzjoni għax-xogħlijiet marbuta mat-tieni fażi tinsab quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex tiġi proċessata u anke qed jiġi mħejji t-tender. Il-proposta għat-tieni fażi għandha l-għan li tiżviluppa spazju storiku u masġar, f’park attiv f’Bormla. Dan il-park mistenni jindirizza interessi diversi fi ħdan il-komunità lokali u lil hinn minnha, filwaqt li jixpruna r-rikreazzjoni fil-beraħ u l-għarfien ambjentali. Fost il-karatteristiċi proposti hemm mogħdijiet disinjati għall-użu rikreattiv tar-rota, kif ukoll spazji għall-annimali u logħob għat-tfal. It-tieni fażi se tinkludi wkoll tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxxelli ġodda kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni biex jissaqqew is-siġar u l-pjanti.

Ħal Luqa – Ġnien Betti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jiġi kurat il-Ġnien Wied Betti, f’Ħal Luqa? Jekk iva, x’ħidma qiegħda ssir?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa li Ġnien Wied Betti qiegħed jiġi kkurat. Il-Kunsill Lokali jieħu ħsieb li jżommu fi stat tajjeb u nadif u li jsirlu l-qtugħ tal-ħaxix meta meħtieġ.

Paola Hub – Ħsejjes tal-makkinarju tal-Air Conditioning

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm attenzjoni sabiex il-ħoss tal-makkinarju tal-Air Conditioning li hemm f’Paola Hub jiġi kkontrollat billi qiegħed idejjaq u jagħti fastidju lill-ġirien?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif ċert li jaf l-Onor. Interpellant, il-kuntratt bejn il-kuntrattur u l-FMS ġie terminat minħabba li l-kuntrattur ma onorax l-obbligi kuntratwali li għandu. Meta jerġa’ jitkompla x-xogħol u jitlesta, se jsiru t-testijiet meħtiega biex jiġi ċċekkjat li l-livell ta’ ħsejjes iġġenerati ma jkunux jaqbżu dak permess mir-regolamenti.

Raħal Ġdid — Triq il-Foss - Spezzjonijiet dwar l-indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet fuq l-istat ta’ ndafa li tinsab fih preżentement Triq il-Foss (Ditch Street), f'Raħal Ġdid, u jekk iva, x’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li għandu Contracts Manager li jieħu ħsieb jagħmel spezzjonijiet madwar ir-raħal u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar x’hemm bżonn li jsir.

Raħal Ġdid — Triq il-Foss - Spezzjonijiet dwar l-indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet fuq l-istat ta’ ndafa li tinsab fih preżentement Triq il-Foss (Ditch Street), f'Raħal Ġdid, u jekk iva, x’passi ttieħdu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment relatat ma’ nuqqas ta’ ndafa fit-Triq indikata mis-sena li għaddiet sal-llum. Minn wara li saret din il-mistoqsija parlamentari, uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali xorta reġgħu għamlu spezzjoni ġo din it-Triq iżda nstabet fi stat tajjeb ta’ ndafa u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħdu xi passi ulterjuri. Nappella lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi lment/i dan jgħaddihomli, ħalli d-dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jkompli jinvestiga.

Raħal Ġdid — Triq Sant’Ubaldesca - Spezzjonijiet dwar l-indafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex isiru spezzjonijiet fuq l-istat li tinsab fih preżentement Triq Sant’Ubaldesca, f'Raħal Ġdid, u jekk iva, x’passi ttieħdu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Paola li għandu Contracts Manager li jieħu ħsieb jagħmel spezzjonijiet madwar ir-raħal u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar x’hemm bżonn li jsir.

European Sport Forum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min irrappreżenta lil pajjiżna fil-European Sport Forum li għadu kif sar f'April 2024 u ċjoè min kienu l-persuni u kif intgħażlu? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li SportMalta, bħala kordinatur tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, tkun mistiedna biex tieħu sehem fil-Forum. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta u kif ukoll Manager fi ħdan l-entità rrapreżentaw lill-pajjiżna fil-Forum imsemmi, fejn l-ispiża totali kienet ta’ €2,008 li tinkludi per diems u akkomodazzjoni. Infurmat li din l-ispiża tiġi koperta mill-fond Ewropew tal-Ġimgħa Ewropea tal-Isport.

Raħal Ġdid — Triq il-Belt Valletta, Triq il-Kurvetti u Triq Brittanja - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet tlestew fit-toroq il-Belt Valletta, il-Kurvetti u Brittanja, f’Raħal Ġdid u kemm ġew jiswew dawn rispettivament?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-toroq imsemmija saret ħidma estensiva b’investiment totali ta’ ftit iktar minn €1,400,000. Fi Triq il-Kurvetti sar investiment infrastrutturali ta’ €38,500 b’xogħlijiet jinkludu tqegħid tal-main tal-ilma, tibdil ta’ soqfa tad-drenaġġ, bankini ġodda, skavar u bini mill-ġdid tat-triq u linji ġodda. Fi Triq Brittanja sar investiment infrastrutturali ta’ €467,500, bl-investiment jinkludi tqegħid ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni tul il-medda tat-triq, tibdil ta’ soqfa tad-drenaġġ b’parti mit-triq sar xogħol ta’ sistema ta’ drenaġġ ġdida; tqegħid tal-main tal-ilma filwaqt li parti mill-main kellha titbaxxa minħabba li kien fil-wiċċ, trinka u tqegħid ta’ cables tal-Enemalta, bankini ġodda, skavar u bini mill-ġdid tat-triq u linji ġodda. Fi Triq il-Belt Valletta, Raħal Ġdid sar xogħol estensiv kawża ta’ materjal dgħajjef li kienet komposta minnha t-triq. B’investiment ta’ €900,000 sar tibdil tal-main tad-drenaġġ u tal-ilma, trinka u tqegħid ta’ cables tal-Enemalta, bini ta’ bankini ġodda, skavar u bini mill-ġdid tat-triq, u linji ġodda.

Raħal Ġdid — Triq il-Belt Valletta, Triq il-Kurvetti u Triq Brittanja - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet tlestew fit-toroq il-Belt Valletta, il-Kurvetti u Brittanja, f’Raħal Ġdid u kemm ġew jiswew dawn rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Raħal Ġdid — Triq il-Perit Mintoff - Pjan għall-kontrollat tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex isir pjan aħjar għall-kontrollat tat-traffiku kull nhar ta’ Ġimgħa bejn il-11.00 a.m u t-3.00.p.m fil-parti ta’ fuq ta’ dik li kienet Triq Koradin li llum hija Triq il-Perit Mintoff, f'Raħal Ġdid, int u ħiereġ minn Għajn Dwieli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Ineterpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Santa Luċija Running Track – Kura tal-pjanti u siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li t-tisqija qed issir kif meħtieġ permezz ta’ bowsers u li qed jinġabru l-kwotazzjonijiet neċessarji għal sistema ġdida ta’ irrigazzjoni.

Santa Luċija Running Track – Kura tal-pjanti u siġar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Santa Luċija Running Track — Kura tal-pjanti u siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex jittieħdu l-passi neċessarji biex il-pjanti u s-siġar li hemm fl-hekk imsejħa “Santa Luċija Running Track” jiġu msoqqija u kkurati?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Fgura — Triq l-iskola - Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li daħlu rapporti ta’ rwejjaħ jintnu fi Triq l-Iskola, il-Fgura, u jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li dawn l-irwejjaħ kienu minħabba li ġiet iffertillizzata (imdemla) l-għalqa fil-viċin.

Il-Fgura — Triq l-iskola - Rapporti ta’ rwejjaħ

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li daħlu rapporti ta’ rwejjaħ jintnu fi Triq l-Iskola, il-Fgura, u jgħid x’passi ttieħdu dwar dan?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma rċieva l-ebda lment relatat ma’ rwejjaħ jintnu fit-Triq indikata mis-sena li għaddiet sa llum. Minn wara li saret din il-mistoqija parlamentari, uffiċjali mid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali xorta għamlu spezzjoni ġo din it-Triq iżda ma ġewx innutati rwejjaħ, kif ukoll ma kien hemm ebda żbroff ta’ xi ilma maħmuġ jew drenaġġ li jista` jikkawża rwejjaħ jintnu u għalhekk ma kienx hemm il-ħtieġa li jittieħdu passi ulterjuri. Nappella lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi lment/i dan jgħaddihomli, ħalli d-dipartiment għas-Saħħa Ambjentali jkompli jinvestiga.