Legislature:
Category:
Reset
Active:

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt għall-Kunsill informali tal-Affarijiet Interni f’Jannar, u hemm invit għal dawn li ġejjin fi ħdan l-Unjoni Ewropea f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025: • Il-Kunsill tal-Affarijiet Interni f’Marzu • Il-Kunsill tad-Difiża f’Mejju • Il-Kunsill tal-Affarijiet Interni f’Ġunju

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa attendejt għal laqgħa waħda tal-Agrifish fis-27 ta’ Jannar ġewwa Brussell. Fis-sitt xhur li ġejjin hemm pjanat li nattendi laqgħat hekk kif ġej: - 24 Frar Agrifish Brussell - 24 Marzu Agrifish Brussell - 28 April Agrifish Lussemburgu - 26 Mejju Agrifish Brussell - 15 - 17 Ġunju Agrifish (Informali) Polonja - 23 - 24 Ġunju Agrifish Lussemburgu (mhux konfermata)

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Marzu mistenni nattendi għall-Kunsill Informali tat-Trasport li se jseħħ f'Varsavya, il-Polonja, u f’Ġunju hemm skedat il-Kunsill Formali tat-Trasport fil-Lussemburgu. Mill-bidu tas-sena s'issa, ma kien hemm l-ebda laqgħa Ministerjali fi ħdan l-Unjoni Ewropea jew l-Kunsill tal-Ewropa jew laqgħat formali oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea li kellhom x’jaqsmu mal-kompetenza tal-ministeru.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala prassi, u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, din is-sena, s’issa għad ma kienx hemm laqgħat simili.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-pjan hu li nattendi għall-laqgħa informali tal-EYCS Warsaw, il-Polonja fis-7 u t-8 t’April 2025 u l-laqgħa formali tal-EYCS, Brussell, fit-12 u t-13 ta’ Mejju 2025.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu attendejt u ġejt mistieden għal-laqgħat msemmijja hawn taħt fl-2025: 27 ta’ Jannar – FAC Brussell 24 ta’ Frar – GAC Brussell 17 ta’ Marzu – FAC Brussell 14 t’April – FAC Lussemburgu 29 t’April – GAC - Varsavja 7 – 8 ta’ Mejju – Gymnich – Varsavja 15 ta’ Mejju – FAC (Kummerċ) - Brussell 19 ta’ Mejju – FAC Brussell 19 – 20 ta’ Mejju – Forum Umanitarju Ewropew – Brussell 26 ta’ Mejju – FAC (Żvilupp) – Brussell 27 ta’ Mejju – GAC – Brussell 23 ta’ Ġunju – FAC Lussemburgu Barra min hekk, fl-14 ta’ Mejju 2025, ser nattendi l-Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Ewropa li ser issir ġewwa l-Lussemburgu, fejn hemmhekk Malta tieħu uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. Ġejt mistieden ukoll nippreżenta l-prijoritajiet ta’ Malta fil-laqgħa tad-Deputati tal-Kumitat tal-Ministri fit-28 ta’ Mejju 2025 ġewwa Strasburgu. Ser nattendi wkoll il-laqgħa tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex nindirizza s-seduta ta’ Ġunju fl-irwol tiegħi bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Din se ssir bejn it-23 u s-27 ta’ Ġunju 2025.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif qed ikun elenkat hawn taħt; 10 ta’ Marzu Epsco. 13 ta’ April Epsco. 12 ta’ Ġunju Epsco.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Sentenzi ta’ ħabs ta’ inqas minn tnax-il xahar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn tnax-il xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024, 471 il-persuna kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn tnax-il xahar fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2024 skontaw il-multa tagħhom u kemm kienu l-ammonti komplessivi hekk skontati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm 109 persuni li skontaw multa jew multi kkonvertiti f’ħabs. Kumplessivament, dawn il-multi ammontaw għal- €212,390.57

Sptar San Luqa — Tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25523 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22860, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-eżitu tal-ispezzjonijiet tax-xogħlijiet ta’ tindif u l-manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relattiv?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ispezzjonijiet mill-esperti għadhom għaddejjin u fil-ġimgħat li ġejjin mistenni r-rapport finali sabiex jinbeda ix-xogħol ta' manutenzjoni hekk kif meħtieġ.

Malta Libraries — Rimi ta’ kotba ‘antiki’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25522 fl-intier tagħha u jispjega għala ma ngħatax id-direzzjoni biex dawn il-kotba jingħataw bħala donazzjoni minflok jintremew kompletament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Malta Libraries ma tarmix kotba li jistgħu jintużaw mod ieħor filfatt ċerta kotba jiġu offruti lill-klijenti tagħna bi prezz baxx ħafna u l-flus jerġgħu jintużaw biex nixtru kotba ġodda, ċerta kotba jittieħdu minn artisti għal crafts, kotba oħra jintefgħu f’dawn il-libreriji li jinsabu fil-ġonna biex jittieħdu b’xejn, u l-kotba li jkunu f’kundizzjoni ħażina ħafna, bis-susa u maħmuġin imorru riċiklaċċ għax ikunu ta’ detrement għas-saħħa. Dan l-eżerċizzju huwa segwiet ukoll mill-libreriji internazzjonali u huwa mportanti biex inżommu l-libreriji tagħna attwali, relevanti u ħajjin.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għall-operat tal-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema parametri ġew deċiżi l-pagamenti indikati ‘ex-gratia’ billi kien hemm xi diskrepanzi varji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-pagamenti saru fuq bażi ex-gratia bħala full and final settlement għall-proċess tal-ilmenti rispettivi quddiem il-board. Dan il-pagament kien tal-istess ammont għal kulħadd.

Il-Mużew Marittimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu persuni fil-Mużew Marittimu matul is-sena 2024 u jekk hux ser jerġa’ jagħmel perjodu kompletament magħluq biex isiru xi xogħlijiet ulterjuri?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għal-mistoqsija parlamentari 24354 fir-rigward tal-viżitaturi bi ħlas fil-Mużew Marittimu matul is-sena 2024. Rigward ix-xogħolijiet ninsab infurmat li ġew konklużi s’issa kienu biss l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett maġġuri. Il-mużew se jerġa’ jagħlaq il-bibien lejn nofs din is-sena sabiex ix-xogħol infrastrutturali jkun jista’ jitkompla aktar tard din is-sena, u mistenni jieħu madwar tliet snin biex jitlesta.

Ħal Tarxien — Triq l-Annunzjata - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq l-Annunzjata, f’Ħal Tarxien u kemm ser idumu għaddejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fiż-żona indikata, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq it-tieni fażi ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u x-xogħlijiet min-naħa ta’ Enemalta fit-triq imsemmija huma lesti fejn tpoġġew cables ġodda u t-trinek imtlew bil ‘backfilling’.

Sudan — Gwerra ċivili - Pożizzjoni diplomatika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sudan u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt fis-Sudan, Malta baqgħet konsistenti fl-enfasi tagħha fuq l-importanza li tinżamm l-għaqda, is-sovranità u l-integrità territorjali tas-Sudan, filwaqt li sejħet għal waqfien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġlied sabiex jiffaċilita’ djalogu politiku u triq lejn il-paċi. Malta tkompli tappoġġa l-isforzi diplomatiċi mill-Unjoni Afrikana (AU), l-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp (IGAD), il-Lega tal-Istati Għarab, in-Nazzjonijiet Magħquda (UN), kif ukoll il-kontributi minn pajjiżi bħas-Sawdi Arabja, l-Eġittu, l-Iżvizzera, it-Turkija u l-Istati Uniti. Malta wkoll kienet soda fil-kundanna tagħha tal-azzjonijiet ta’ atturi kemm statali kif ukoll mhux statali li kkontribwew għal ammont ta’ mewt u qerda fost iċ-ċivili kważi mingħajr preċedent, u li l-għemil tagħhom wassal għas-sitwazzjoni diżastruża preżenti. Aktar minn 10 miljun persuna ġew spostati internament, filwaqt li aktar minn 2 miljuni ħarbu lejn pajjiżi ġirien. Malta hija ferm imħassba li aktar minn 20 miljun persuna fis-Sudan jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti, iżda minħabba l-vjolenza persistenti, numru żgħir biss minn dawn irċevew l-għajnuna meħtieġa. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-aċċess umanitarju u li d-daħliet biex taqsam il-fruntieri fis-Sudan jibqgħu miftuħa sabiex l-għajnuna tilħaq lil dawk fil-bżonn. Malta temmen bis-sħiħ li dawk kollha responsabbli għall-kriżi attwali għandhom jiġu identifikati u miżmuma responsabbli għall-atroċitajiet li wettqu u li għadhom iwettqu. F’dan ir-rigward, Malta appoġġjat bis-sħiħ l-isforzi tal-Unjoni Ewropea biex timponi miżuri restrittivi fuq individwi u entitajiet li heddew il-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tas-Sudan, u se tkompli tappoġġa sanzjonijiet addizzjonali kontra dawk fil-pożizzjonijiet ta’ tmexxija li jfixklu l-operazzjonijiet umanitarji u r-ritorn għal tranżizzjoni demokratika. Fl-aħħar nett, kif indikajna bosta drabi matul il-mandat ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024, Malta temmen li t-tranżizzjoni lejn gvern demokratiku trid tibqa’ l-għan aħħari għas-Sudan, flimkien ma’ żieda konsiderevoli fl-għajnuna allokata għaċ-ċivili fil-pajjiż. Minn meta beda l-kunflitt fl-2023, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta madwar €125,000 f’għajnuna umanitarja, u l-Ministeru se jkompli jipprovdi din l-assistenza matul l-2025.

Kongu u Rwanda — Pożizzjoni diplomatika

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni diplomatika ttieħdet u x’rappreżentazzjonijiet saru fil-konfront tal-gwerra ċivili li għaddejja fil-Kongu u Rwanda u jekk pajjiżna huwiex b’xi mod jgħin umanitarjament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn meta beda l-kunflitt bejn ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Rwanda, Malta ħadet inizjattivi bilaterali u diplomatiċi biex tikkundanna l-eskalazzjoni tal-vjolenza li ħalliet mijiet ta’ eluf ta’ ċivili spostati. Nibqgħu mħassba dwar l-iżviluppi riċenti, li jheddu l-istabbiltà tal-pajjiż u tar-reġjun, u ninsabu fi qbil sħiħ mal-pożizzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar dan il-kunflitt kif espressa fid-dikjarazzjoni mill-Viċi President u Rappreżentant Għoli Kallas tal-25 ta’ Jannar 2025. F’dan l-istadju, il-prijorità tagħna għandha tibqa’ l-ħarsien tal-integrità territorjali tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Malta temmen li huwa kruċjali li l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt jirritornaw għal-laqgħat ta’ negozjar u li l-istati jżommu mal-impenn tagħhom, kif imwiegħed waqt is-Summit tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Komunità għall-Iżvilupp tal-Afrika t’Isfel fit-8 ta’ Frar 2025. Dawn l-isforzi għandhom iwasslu għal waqfien tal-ostilitajiet, aċċess umanitarju mingħajr xkiel, u l-bidu mill-ġdid tal-proċess ta’ djalogu permezz tal-Proċessi ta’ Luanda u Nairobi. Fl-istess waqt, jeħtieġ li jingħataw l-għajnuniet umanitarji lil dawk milquta, u s-sigurtà tal-persunal umanitarju trid tkun garantita. Dan il-kunflitt kien ukoll indirizzat matul il-mandat ta’ Malta bħala membru elett fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn Malta dejjem sostniet il-Missjoni ta’ Stabbilizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO - Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo) bil-għan li jipproteġu liċ-ċivili u jistabbilizzaw ir-reġjun. Malta sejħet ukoll lil kull parti involuta biex tirrispetta l-mandat ta’ MONUSCO u enfasizzat il-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi biex tiġi promossa l-koperazzjoni reġjonali u jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt. Malta se tkompli tappoġġa dawn l-isforzi, li huma aktar essenzjali minn qatt qabel fid-dawl tal-kuntest attwali. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kwistjonijiet umanitarji, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu bħalissa qed jaħdem biex jidentifika atturi umanitarji affidabbli li qed jaħdmu fuq il-post fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, bl-għan li jipprovdi appoġġ finanzjarju għall-isforzi tagħhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-Kalkara — Bighi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22861, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet f’Bighi, fil-Kalkara?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti mogħtija fil-mistoqsijiet preċedenti PQ 7948, PQ 11305, PQ 12938 u PQ 22861 dwar dan is-suġġett. Dan ix-xogħol qed isir minn Infrastructure Malta permezz ta’ kuntrattur imqabbad minnhom. Minħabba tibdil fil-pjanijiet oriġinali tas-sit u t-tisħiħ tal-ħitan u l-blat taħt il-wiċċ, id-disinji – inkluż dawk relatati mal-moll li għandu jinbena minn Infrastructure Malta – kellhom jiġu riveduti. Dan ix-xogħol qed isir b’mod parallel max-xogħol ieħor ta’ Infrastructure Malta fuq il-bqija tal-ħitan ta’ barra, li jibdew min-naħa tal-Esplora u jdawwaru sa fejn seħħ il-kollass imsemmi. Għaldaqstant, il-fażi preliminari tal-istudji issa waslet fi tmiemha, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda ladarba l-iskavi fis-sit ikunu kważi lesti. Id-disinji ġew riveduti mill-ġdid biex jiġu definiti l-iskavi meħtieġa, sabiex ix-xogħol fuq il-moll ikun jista’ jibda min-naħa tal-art.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Każijiet biex jiġu deċiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li li fl-aħħar ta’ Diċembru 2024, 268 -il persuna kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Sentenzi ta’ ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fl-aħħar ta’ Diċembru 2024 kien hemm 431 -il persuna li huma sentenzjati u qed jiskontaw il-piena tagħhom ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Belt Valletta — Triq San Ġwann - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25039, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idum isir ix-xogħol fi Triq San Ġwann, fil-Belt Valletta u kemm ser jiġi jiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.