Sptar San Luqa — Tindif u manutenzjoni tas-soqfa - Rapport
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25697, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport tax-xogħlijiet ta’ tindif u manutenzjoni tas-soqfa tal-Isptar San Luqa ġiex iffinalizzat? Jekk le, jista’ jgħid kemm huwa stmat li għad fadal biex dan ir-rapport jiġi ffinalizzat?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant li għalissa m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari 25697.
Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid — Rivisti ppubblikati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li fis-snin imsemmija ma ippubblika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq Santu Wistin, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2024 jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2024 kien hemm 891 persuna li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Persuni taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fis-sena 2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jew li kienu taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Frar 2025, daħlu 181 persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li minnhom 140 daħlu arrestati u 41 b’sentenza.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Każijiet biex jiġu deċiżi aktar minn għaxar snin
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn għaxar snin jistennew?
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Każijiet biex jiġu deċiżi aktar minn ħames snin
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25534, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qed jistennew li l-każ tagħhom jiġi deċiż u l-proċess determinat waqt li kienu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, ilhom aktar minn ħames snin jistennew?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġuri kien hemm pendenti sal-aħħar tas-sena 2024 u liema huwa l-iktar li ilu pendenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar tas-sena 2024 kien hemm mitejn u sebgħa u għoxrin (227) ġuri pendenti. Fosthom hemm sittax (16)-il ġuri appuntat. Il-kumplament qed jistennew li jiġu appuntati jew l-eżitu ta’ proċeduri oħrajn. L-aktar ġuri li ilu pendenti ilu hekk mis-sena 2008.
Ħal Tarxien — Triq Santa Maria - Tindif ta’ spralli
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1950, 1951 u 1952, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet neċessarji fl-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, f’Ħal Tarxien, mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola, humiex qed isiru, peress li kull darba li tagħmel ix-xita t-triq tkun mimlija perikli?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25039 u 25524 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser idumu għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq San Ġwann, il-Belt Valletta u kemm ser jiġu jiswew?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet imsemmija mistennija li jitlestew fi żmien għaxar ġimgħat u huma stmati li jiswew €180,000.
Il-Belt, Valletta — Roundabout quddiem l-Berġa ta’ Kastilja
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-art madwar ir-roundabout preċiż quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt, Valletta, tiġi msewwija billi ilha hekk numru ta’ ġimgħat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li l-manutenzjoni ta’ Pjazza Kastilja dejjem issir mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti — Kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’pożizzjoni ħadet pajjiżna fis-seduta quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ nhar il-24 ta’ Frar 2025 fil-kwistjoni tal-Invażjoni tal-Ukraina?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif f’dawn il-jiem qed nimmarkaw tliet snin mill-bidu tal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, Malta tibqa’ soda fl-impenn tagħha lejn is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Dan kien il-messaġġ li pajjiżna wassal waqt il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fl-24 ta’ Frar 2025 li huwa rifless fil-votazzjonijiet fir-rigward taż-żewġ riżoluzzjonijiet li ġew adottati dwar l-Ukrajna.
Riżoluzzjoni tal-Ukrajna flimkien ma’ pajjiżi Ewropej:
L-Ukrajna, flimkien ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej, ipproponew Riżoluzzjoni bl-isem “L-avvanz ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna”. Ir-riżoluzzjoni appellat għal impenn favur “is-sovranita’, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha” u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont għal reati mwettqa taħt il-liġi internazzjonali, permezz ta’ “investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ġusti u indipendenti fuq livell nazzjonali u internazzjonali”. Din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata bi 93 vot favur, 18 kontra, inkluż l-Istati Uniti u b’65 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, bl-esklużjoni ta’ pajjiż wiehed li vvota kontra.
Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti:
L-Istati Uniti ppreżentat riżoluzzjoni oħra bl-isem “Triq għall-Paċi” li iffukat fuq it-tqanqil tat-telf tal-ħajja tul il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna, fejn tenniet li l-iskop prinċipali tan-Nazzjonijiet Magħquda huwa li żżomm il-paċi u s-sigurta’ internazzjonali u li ssolvi b’mod paċifiku t-tilwim u ssejjaħ għat-tmiem rapidu tal-kunflitt, filwaqt li tħeġġeġ paċi dejjiema bejn l-Ukrajna u r-Russja.
Ir-Russja u l-Unjoni Ewropea ressqu emendi differenti għal din ir-riżoluzzjoni. Ir-Russja pproponiet li żżid il-kliem “inkluż billi tindirizza l-kawżi ewlenin tagħha” mat-tielet paragrafu (dwar tmiem rapidu tal-kunflitt). Din l-emenda ma ġietx adottata fl-Assemblea Ġenerali, b’31 vot favur, 71 kontra u 59 astensjoni. Li wieħed jinnota lis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kollha vvutaw kontra.
Franza, f’isem numru ta’ Stati Ewropej (inkluża Malta), ipproponiet tliet emendi għar-Riżoluzzjoni tal-Istati Uniti, li żiedu referenzi għall-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja, is-sovranita’ u l-integrita’ territorjali tal-Ukrajna, u l-ħtieġa ta’ “paċi ġusta, dejjiema u komprensiva bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa skont il-Karta (Charter) tan-Nazzjonijiet Magħquda”. L-Assemblea Ġenerali adottat dawn l-emendi b’60 vot favur, 18 kontra, u 81 astensjoni. Malta vvutat favur u ko-sponsorjat dawn l-emendi, flimkien ma’ 24 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. [1] L-Istati Uniti vvutat kontra l-emendi u astjeniet fuq ir-riżoluzzjoni tagħha stess.
Il-verżjoni emendata tar-riżoluzzjoni tal-Istati Uniti ġiet adottata bi 93 vot favur, 8 kontra u 73 astensjoni. 26 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea inkluż Malta ivvota favur, filwaqt li pajjiż wiehed astjena.
Stqarrija ta’ Malta
Malta għamlet ukoll stqarrija waqt din il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali li mmarkat it-tielet Anniversarju tal-Gwerra tal-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna. Fl-istqarrija tagħha, Malta sostniet li paċi ġusta, dejjiema, u komprensiva fl-Ukrajna teħtieġ it-tmiem immedjat tal-ostilitajiet mir-Russja, flimkien mal-irtirar bla kondizzjonijiet u sħiħ tal-forzi militari Russi mit-territorju kollu tal-Ukrajna b’rispett lejn il-fruntieri internazzjonalment rikonoxxuti tagħha. Malta esprimiet ukoll it-tħassib tagħha dwar is-sitwazzjoni umanitarja u l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru u d-deportazzjonijiet sfurzati fl-Ukrajna, b’mod partikolari dwar it-trasferimenti tat-tfal lejn ir-Russja.
_________________________
[1] L-Ungerija vvutat kontra u s-Slovakkja astjeniet. L-Italja vvutat favur imma ma ko-sponsorjatx.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja ta’ pajjiżna fil-Kanada minn meta nfetħet sal-aħħar ta’ Diċembru 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Ottawa ġewwa l-Kanada għaddejja mill-fażi inizjali tagħha. Il-Kummissarju Għoli Dr. Mark Pace ippreżenta l-kredenzjali tiegħu f’April li għadda. Għaddejja ħidma sħiħa biex jiġu stabbiliti l-funzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex il-Kummissjoni Għolja tkun tista’ topera bis-sħiħ.
Bħala titjib fir-relazzjonijiet bilaterali ta’ bejn Malta u l-Kanada saru diversi laqgħat introduttorji mal-awtoritajiet lokali. Il-Kanadiżi urew interess partikolari fl-irwol ta’ Malta f’organizzazzjonijiet multilaterali, bħall-Presidenza Maltija fil-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali fil-Commonwealth (Commonwealth Ministerial Action Group, CMAG), kif ukoll sabiex jibdew sensiela ta’ konsultazzjonijiet politiċi (Political Consultations).
Il-Kummissjoni Għolja stabbilixxiet kuntatti ma’ Membri tal-House of Commons u s-Senat u bħalissa għaddejjin diskussjonijiet għat-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari Kanadiż-Malti (Maltese-Canadian Parliamentary Friendship Group) bl-appoġġ ta’ Deputati Kanadiżi ta’ nisel Malti.
Il-Kummissjoni Għolja qiegħda tikkopera ukoll mal-Malta Enterprise u mal-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta dwar it-tfassil ta’ strateġija għal relazzjoni bilaterali aktar b’saħħitha fl-isfera ekonomika. Qed tikkopera ukoll mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu sabiex tfakkar is-sittin sena anniversarju tal-Indipendenza ta’ Malta kif ukoll minn meta ġew stabbiliti r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada.
Minn dan l-aspett, il-Kummisjoni Għolja qiegħda tagħti prijorita’ kbira lid-dijaspora Maltija. Ta’ min ifakkar li l-Kanada tospita t-tieni l-akbar komunita’ ta’ Maltin li jgħixu barra minn xtutna. Il-Kummissjoni għenet ukoll fl-identifikazzjoni tal-membri Kanadiżi fil-Kumitat tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet ukoll għaqda informali ta’ professjonisti, akkademiċi u artisti Kanadiżi-Maltin li jiltaqgħu għal laqgħat regolari, bil-għan li trawwem kuntatti bejn in-nies, skambji ekonomiċi u edukattivi. Ġew stabbiliti ukoll kuntatti ma’ Universita’ ġewwa Ottawa u qed isiru l-preparamenti għall-ewwel diskussjonijiet ma’ tliet fakultajiet ġewwa l-Università ta’ Malta.
AFM Complaints Board — Commission for Injustices - Pagamenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699, rigward l-operat tal-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jindika x’kienu l-parametri tal-pagamenti ex gratia jew li ġew deċiżi on case by case basis?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li, kif spjegajt fil-mistoqsija parlamentari 25699, li ex-gratia payment huwa pagament wieħed li ngħata lil dawk kollha li aċċettaw id-deċiżjoni bħala full & final settlement.
Mill-banda l-oħra, dawk li ngħataw raġun mill-Board u aċċettaw id-deċiżjoni, irċevew l-arretrati tal-pagi tagħhom dovuti skont il-bażi ta’ dak iż-żmien u d-differenza fir-rank, kif applikabbli.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698, jista’ l-Ministru jindika mil-liema libreriji sar l-eżercizzju li qed jagħmel referenza għalih fl-istess tweġibiet u jgħid kemm kienu komplessivament il-kotba li ntremew?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-sena l-oħra sar weeding f’dawn il-libreriji: Attard, Birkirkara, Central Public Library – Floriana, Fgura, Gozo Central Public Library, Għajnsielem, Għaxaq, Gudja, Gżira, Luqa, Mellieħa, Nadur, Mġarr, Mosta, Msida, Mtarfa, Naxxar, Pembroke, Paola, Qormi, Qrendi, Rabat (Malta), Sannat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Sliema, Santa Luċija, Xagħra, Xewkija, Żabbar, u Żejtun.
Nagħmel referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698 fir-rigward tal-proċedura t’avalwazzjoni u l-użu jew recycling tal-weeded books. Din il-proċedura tal-weeding issir fil-libreriji tad-dinja kollha u huwa proċess importanti biex inżommu l-libreriji relevanti u siguri.
Ninsab infurmat li n-numru ta’ kotba li ġew weeded fl-2024 tammonta għal 22,582. Din l-istatistika tinżamm għal fini ta’ rekord u accountability. Fil-kotba ikun hemm ukoll checklist fejn tindika eżatt għal-liema raġuni ġie weeded u fejn sejjer jekk hux riċiklaċċ, jinbigħ bħala second handbook jew jingħata donazzjoni f’attivitajiet tal-libreriji.
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta’ u x-Xogħol mistenni jittrasponi Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2025/290 tal-4 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġġornament tal-lista ta’ prodotti relatati mad-difiża f’konformità mal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea aġġornata tad-19 ta’ Frar 2024.
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għandu Direttiva waħda li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħha taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025:
Direttiva
Skadenza
Direttiva (UE) 2024/1275 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (riformulazzjoni)
1 ta’ Jannar (parzjalment)
Ħal Tarxien — Triq tal-Barrani - Akkumulu tal-ilma tax-xita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ser isiru biex fi Triq tal-Barrani fil-parti faċċata tal-ftuħ lejn Ħal Tarxien ma jibqax l-akkumulu tal-ilma li jkun hemm kull darba li tagħmel ix-xita b’ċerta abbundanza?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din iż-żona s-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita kienet limitata fil-gradilja mat-triq. Dawn inżammu kollha u x-xogħlijiet li saru riċenti fit-Triq tal-Barrani kienu jinkludu il-bini ta’ numru ta’ collection water chambers fil-bankini li jferrgħu fil-ġibjun biswit mat-triq. Ukoll f’din t-triq inbena culvert għall-ġbir ta’ l-ilma u jonqos biss xogħol ta' asfalt. Bil-bini ta’ dan il-culvert, il-problema tnaqset drastikament.