Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Għaxaq — Triq il-Belt Valletta - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Għaxaq. Dawn ix-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta.

Wied il-Għajn — Community Police

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija assenjati lill-Community Police fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u jekk huwiex indikat li jiżdiedu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li f’Wied il-Għajn għandna topera għassa ġdida, kif ukoll il-pulizija tal-Komunità. Ninsab infurmat li fit-tim tal-Pulizija tal-komunità hemm surġent u erba’ kuntistabbli, li jingħaqad ma’ 16 uffiċjal ieħor tad-distrett. Fil-lokalità ssir ħidma wkoll minn taqsimiet oħra tal-korp tal-pulizija.

Ħal Tarxien — Triq Paola - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26275, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex preparat rapport tekniku dwar ir-raġunijiet li wasslu għall-kollass kważi totali ta’ Triq Paola, Ħal Tarxien? X’tip ta’ xogħol rimedjali ser ikun eżegwit u kemm ser jiswa? Jista’ jgħid ukoll jekk dan huwiex ser jitlesta qabel tibda l-festa tar-raħal?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin isiru it-testijiet neċessarji fuq servizzi li hemm eżistenti kif ukoll evalwazzjoni tal-ħsara li hemm u x’seta’ ikkawża din ħsara biex b’hekk jista’ jiġi stabbilit ix-xogħol ta’ rimedju li jrid isir. Il-pjan hu li x-xogħol ta’ rimedju jsir fis-sajf hekk kif kien mifthiem mal-Kunsill Lokali u għaldaqstant wara l-festi tal-lokal.

Ħal Tarxien — Triq l-Isqajjaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha ma tiġi miżbugħa ż-Zebra Crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien u jara li jiġi installat dawl relattiv għal mal-lejl?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien — Triq l-Isqajjaq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha ma tiġi miżbugħa ż-Zebra Crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien u jara li jiġi installat dawl relattiv għal mal-lejl?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ż-Żebra Crossing tinżżlet fl-iskeda tax-xogħlijiet pendenti tas-sezzjoni tal-manutenzjoni. Fir-rigward tad-dawl, il-Kunsill diġà qiegħed f’komunikazzjoni mal-Enemalta biex jitwaħħal arblu tad-dawl.

Ħal Għaxaq — Triq San Filippu - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq San Filippu Għaxaq qed isiru xogħlijiet ta’ rinfurzar tal-cables tad-distribuzzjoni tal-Enemalta. Flimkien mal-kumplament tan-network li qed issir fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq, dawn ix-xogħlijiet huma stmati li jammontaw għal madwar €1 miljun.

Ħal Għaxaq — Triq San Filippu - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq San Filippu, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Ghaxaq. Dawn ix-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta.

Ħal Għaxaq — Triq il-Belt Valletta - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru u għadhom qed isiru fi Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Għaxaq u kemm ser jiġu jiswew?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Belt Valletta Għaxaq qed isiru xogħlijiet ta’ rinfurzar tal-cables tad-distribuzzjoni tal-Enemalta. Flimkien mal-kumplament tan-network li qed issir fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq, dawn ix-xogħlijiet huma stamti li jammontaw għal madwar €1 miljun.

Ġuri pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25962, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li għandhom ġuri pendenti, kienu jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Frar 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx spjega ta’ kif ġew maħdumin r-rati bil-ħlas b’lura?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi s-suldati/uffiċjali li ngħataw: a. backdated promotion - kellhom ir-rati tal-ħlas tagħhom maħdumin mid-Dipartiment ta’ Teżor. Dawn ir-rati ġew ibbażati fuq rati relatati mas-sena tal- backdated promotion , jiġifieri ntużaw r-rati antiki relatati mas-snin ta’ meta il-promozzjoni ġiet mgħotija biex l-ammont ikun preċiż. b. boroż ta’ studju/safar/korsijiet – ammont ġie stabbilit mill-bord tal-inġustizzji bbażat fuq l-ammont li wieħed kellu jieħu relatat mad-diskrepanza ta’ inġustizzja. Hekk kif dawn taħt amministrazzjoni precedenti ma tħallsux għall-korsijiet li segwew u li kienu ta’ beneficcju għall-Forzi Armati ta’ Malta. Irrid infakkar li dawn il-bordijiet indirizzaw inġustizzji li dan il-Gvern wiret fil-Forzi Armati ta’ Malta.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jispjega għaliex ma ġietx mgħoddija spjegazzjoni bil-miktub lil kull persuna ta’ kif ġiet maħduma lilu r-rata applikabbli?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kull suldat/uffiċjal li kellu każ mal-bord tal-inġustizzji ġie mgħarraf bil-miktub, mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru, b’dak li kien intitolat/a u bi spjega dwar l-eżitu tal-bord. Kull forma ta’ kjarifika mitluba mil-istess suldati/uffiċjali, ġiet indirizzata u mogħtija spjegazzjoni kif meħtieġ.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid għala hemm persuni li għandhom l-istess pożizzjoni fir-ranks li ħarġu li kellhom ħlasijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li llum fil-Forzi Armati ta’ Malta, teżisti struttura ta’ korsijiet u struttura ta’ kif tipprogressa bħala ufficjal, kemm fil-lower u anke fil-higher ranks. Dan għaliex ġew indirizzati anomaliji li seħħew qabel l-2013, kif anke imressqa quddiem il-bord tal-inġustizzji. Miżuri li ttieħdu bil-għan li tali anomaliji ma jerġgħux iseħħu.

AFM Complaints Board — Commission for Injustices

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25699 dwar l-AFM Complaints Board - Commission for Injustices, jista’ l-Ministru jgħid abbażi ta’ liema kriterji rrakkomanda li ċertu persuni jingħataw kumpens qabel sabiex jitwaqqfu każijiet pendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 25699, infurmat li dan hu ibbażat ukoll fuq id-deciżjoni personali ta’ min ressaq l-ilment.

Ħal Tarxien — Triq tal-Barrani - Akkumulu tal-ilma tax-xita

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25948 dwar akkumulu tal-ilma fi Triq tal-Barrani, jista’ l-Ministru jerġa’ jibgħat it-tekniċi mid-dipartiment relattiv sabiex jaraw il-pożizzjoni billi mhix mitigata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din iż-żona s-sistema ta’ ġbir tal-ilma tax-xita kienet limitata għal ftit gradilji mat-triq. Dawn inżammu kollha u x-xogħlijiet li saru ricenti fit-Triq tal-Barrani kienu jinkludu il-bini ta’ numru ta’ collection water chambers fil-bankini li jferrgħu fil-ġibjun biswit mat-triq. Issa wkoll qed jiġi ppreparat disinn biex jinbena culvert ieħor u jiżdiedu l-gradilji ma’ ġenb it-triq.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25713, jista’ l-Ministru jindika bil-preċiż il-laqgħat li għandu jattendi jew li diġà attenda bid-dati relattivi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena attendejt għal-laqgħa tal-Justice and Home Affairs Council. Apparti din sa’ l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025, hemm skedati Justice and Home Affairs Councils ieħor ġewwa l-Lussemburgu, kif ukoll laqgħat u konferenzi varji fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Strasburgu.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25710, jista’ l-Ministru jindika bil-preċiż l-laqgħat li għandu jattendi jew li diġà attenda bid-dati relattivi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li m’għandix xi n¿id mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 25710.

Ġuri pendenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25962, jista’ l-Ministru jindika kemm mill-persuni li għandhom ġuri pendenti kienu jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Frar 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-aħħar ta’ Frar 2025 kien hemm wieħed u tletin (31) persuna fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin illi għandhom ġuri pendenti.

Ħal Tarxien — Proġett ta’ Riġenerazzjoni quddiem il-Knisja Parrokkjali

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 9428, 17201 u 24341, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien u tal-pjazza ta’ quddiemha?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ġie ffirmat mal-Kuntrattur li min-naħa tiegħu huwa mistenni li jipprepara d-dokumenti meħtieġa qabel ikun jista’ jibda x-xogħol.

Il-Palazz tal-Inkwiżitur — Viżitaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu matul l-2024? X’kien id-dħul miż-żjarat fil-Palazz u kemm kien id-dħul mill-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fl-2024 żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur 52,816 viżitatur. Id-dħul miż-żjarat ammonta għal €198,458.11, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet kien ta’ €6,178.67.