Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn — Triq Sant’Anna - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li jsir xi xogħol fi Triq Sant’Anna, Wied il-Għajn, matul din is-sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Sant’Anna hija waħda mit-toroq li ġiet proposta mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il- Għajn għal xogħol infrastrutturali. Dan ix-xogħol se jiġi implimentat wara diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali anke fil-kuntest ta’ xogħlijiet oħrajn li għaddejjin ġewwa l-istess lokalità sabiex jitnaqqas kemm jista jkun l-inkonvenjent.

Wied il-Għajn — Triq Sant’Anna - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk huwiex previst li jsir xi xogħol fi Triq Sant’Anna, Wied il-Għajn, matul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata qed ikunu kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Wied il-Għajn — Triq La Sengle - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux previst li jsiru xi xogħlijiet fil-bidu ta’ Triq La Sengle, Wied il-Għajn, matul is-sena 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq La Sengle hija waħda mit-toroq li ġiet proposta mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il- Għajn għal xogħol infrastrutturali. Dan ix-xogħol se jiġi implimentat wara diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali anke fil-kuntest ta’ xogħlijiet oħrajn li għaddejjin ġewwa l-istess lokalità sabiex jitnaqqas kemm jista jkun l-inkonvenjent.

Bormla — Parkeġġ quddiem l-iskola primarja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28310, jista’ l-Ministru jgħid xi żvilupp hemm ippjanat fir-rigward tas-sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr — Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr matul is-sena 2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma u inizjattivi li ittieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna għall-Eġittu tul is-sena 2024 huma: Introduzzjoni L-Ambaxxatur Roberto Pace qiegħed iservi bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Eġittu, u huwa akkreditat ukoll għas-Sudan. Fis-sena 2024 saru sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali Eġizzjani, li jirriflettu r-rabtiet sodi bejn iż-żewġ pajjiżi. Dawn l-impenji komplew isaħħu l-kooperazzjoni f’oqsma bħall-kummerċ, l-enerġija, is-sostenibbiltà, il-migrazzjoni, u l-kura soċjali. Ġew iffirmati wkoll żewġ Memoranda ta’ Ftehim importanti fl-oqsma tal-enerġija u l-politika soċjali. Fl-istess ħin, tniedu inizjattivi ġodda biex jiġu mħeġġa r-rabtiet kulturali u soċjali bejn il-komunitajiet Maltin u Eġizzjani. Fl-istess sena, is-sitwazzjoni fis-Sudan kompliet tiggrava minħabba l-gwerra ċivili li qed tikkawża ħsarat kbar u sfidi umanitarji drastiċi. L-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha sabiex tagħmel analiżi kontinwa tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan u tassisti fl-isforzi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun. Bilaterali Matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt: Eġittu - Analiżi tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż, inkluż monitoraġġ regolari tal-iżviluppi politiċi u istituzzjonali, il-politika barranija tal-Eġittu, u l-impatt tagħhom fuq ir-reġjun u fuq l-interessi ta’ Malta fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. - Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fuq żviluppi fl-Eġittu, kif fuq interessi u pożizzjonijiet komuni. - Taħditiet interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta dwar il-politika Maltija lejn il-Lvant Nofsani, kif ukoll dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali, inkluż l-enerġija rinnovabbli, il-migrazzjoni, il-kummerċ, is-sigurtà marittima, u l-kooperazzjoni ekonomika u kulturali. - Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Uffiċċju tas-Servizzi tas-Sigurtà Eġizzjan fir-rigward tas-sigurtà domestika u l-impatt fuq ċittadini u interessi Maltin. - Diskussjonijiet u koordinazzjoni ma’ diversi Ministeri tal-Eġittu waqt diversi laqgħat u żjarat, fosthom iż-żjara f’Malta tal-Ministru għall-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli, Dr Mohamed Shaker El-Markabni, kif ukoll iż-żjarat fl-Eġittu tal-Ministru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju, Julia Farrugia, u tal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli. - Parteċipazzjoni f’diversi avvenimenti kulturali, konsolari, ekonomiċi, politiċi u diplomatiċi organizzati mill-Ministeri Eġizzjani, mill-Unjoni Ewropeja u mill-korp diplomatiku fil Kajr u f’Lixandra, bħala parti mill-ħidma diplomatika ta’ rutina. - Laqgħat u taħditiet mal-Ministeru tal-Avjazzjoni Ċivili, ma’ linji tal-ajru, mas-settur privat dwar il-potenzjal fil-qasam tat-turiżmu, b’enfasi fuq l-esplorazzjoni ta’ rotot ġodda diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. - Taħditiet dwar diversi Memorandum ta’ Ftehim bejn Malta u l-Eġittu li għadhom qed jiġu negozjati, li jkopru oqsma ta’ interess reċiproku. - Appoġġ għal artisti u riċerkaturi Maltin li jixtiequ jikkollaboraw jew jesebixxu l-ħidma tagħhom fl-Eġittu, kif ukoll promozzjoni ta’ boroż ta’ studju u laqgħat skont it-tema tal-borża ta’ studju (bħal MEDAC u-Sigurtà Marittima). - Arranġament ta’ sapport reċiproka bejn l-Eġittu u Malta għall-kandidatura taż-żewġ pajjiżi fil Kategorija C tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. - Diskussjonijiet mal-UE u mal-gvern Eġizzjan fuq medda ta’ xhur li finalment wasslu għall-evakwazzjoni ta' pazjenti mediċi Palestinjani minn Gaza f'April 2025. - Appoġġ kontinwu liċ-ċittadini u turisti Maltin fl-Eġittu, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza konsulari jew każijiet ta’ vulnerabilità. Sudan - Analiżi kontinwa tas-sitwazzjoni politika u umanitarja fis-Sudan biex jinftiehem aħjar l-impatt fuq ir-reġjun u l-politika ta’ Malta. - Diskussjonijiet regolari mal-Ambaxxaturi u d-Deputati tal-pajjiżi tal-UE għas-Sudan, speċjalment dawk li jkopru s-Sudan u l-pajjiżi tal-madwar mill-Kajr. - Taħditiet Interni kontinwi mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ta’ Malta dwar diversi temi li jolqtu r-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali, inkluż l-iżvilupp tas-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan, il-migrazzjoni, u l-appoġġ għal inizjattivi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun. - Taħditiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan, b’attenzjoni għar-rwol tal-Eġittu fil-ħidma ta’ medjazzjoni u stabilizzazzjoni fir-reġjun.

Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja — Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja matul is-sena 2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma u inizjattivi li ttieħdu mill-Kummissjoni Għolja Maltija fl-Awstralja tul is-sena 2024 huma: Fl-2024, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Canberra u l-Konsulati Ġenerali f’Sydney u Melbourne komplew il-ħidma tagħhom, fuq livell politiku u konsolari rispettivament, madwar l-Awstralja u New Zealand. Il-ħidma rriflettiet il-valuri u l-prijoritajiet strateġiċi ta’ Malta filwaqt li rawmet rabtiet b’saħħithom mal-komunità Maltija-Awstraljana, ħidma li tejbet il-viżibilità ta’ Malta fiċ-ċrieki diplomatiċi, saħħet il-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali, u pprovdiet servizzi essenzjali liċ-ċittadini u lid-dixxendenti ta’ Malta. Kuntatti politiċi u diplomatiċi Matul is-sena 2024, ir-rappreżentanti ta’ Malta pparteċipaw f’aktar minn ħamsin avveniment diplomatiku, kulturali u komunitarju li jkopru livelli federali, statali u lokali. Dawn kienu jinkludu ċerimonji ta’ livell għoli, laqgħat ta’ informazzjoni dwar il-politika, kommemorazzjonijiet, u inizjattivi ta’ diplomazija kulturali. F’dawn l-avvenimenti, ġew enfasizzati l-impenn ta’ Malta għas-solidarjetà internazzjonali u l-kooperazzjoni reġjonali. Il-Kummissjoni Għolja kompliet tipparteċipa fl-laqgħat ta’ koordinazzjoni diplomatika tal-Unjoni Ewropea. Il-punti ewlenin tal-kollaborazzjoni tal-UE inkludew l-involviment ta’ Malta f’avveniment ta’ livell għoli dwar l-enerġija fl-Università ta’ New South Wales, kif ukoll il-parteċipazzjoni fl-Ikla Korporattiva Ministerjali tal-UE u kommemorazzjonijiet immexxija mill-UE kontra l-piena tal-mewt. F’Ottubru 2024, il-Kummissarju Għoli ngħaqad ma’ rappreżentanti oħra tal-UE għal żjara f’Perth, li għenet biex jissaħħu r-rabtiet mal-istituzzjonijiet f’Western Australia u enfasizzat l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u l-investiment. Għalkemm il-Kummissjoni hija bbażata fl-Awstralja, ir-rappreżentanti pparteċipaw b'mod virtwali f'laqgħat ikkoordinati mid-Delegazzjoni tal-UE bbażata fi New Zealand. Il-Kummissjoni Għolja żammet it-tradizzjoni li tospita r-riċeviment tal-jum nazzjonali ta’ Malta. Dan l-avveniment annwali serva bħala pjattaforma distinta biex jiġu ċċelebrati l-indipendenza u l-wirt ta’ Malta. Għal din l-attività attendew personalitajiet ta’ statura għolja fis-soċjetà Awstraljana, membri tal-korp diplomatiku, uffiċjali tal-gvern, u rappreżentanti tal-komunità Maltija-Awstraljana. Ir-riċeviment offra wkoll okkażjoni biex tintwera ir-rikkezza kulturali, il-potenzjal ekonomiku u l-ħidma internazzjonali ta’ Malta. Il-Kummissarju Għoli attenda bosta laqgħat ta' informazzjoni ospitati mid-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ (DFAT), li koprew suġġetti bħal-Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-QUAD (partnership bejn l-Awstralja, l-Indja, il-Ġappun u l-Istati Uniti, u l-iżviluppi tal-AUKUS (partnership bejn l-Awstralja, l-Istati Uniti, u r-Renju Unit). Preparazzjonijiet għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvern tal-Commonwealth (CHOGM) li saret f'Samoa Matul is-sena li għaddiet kien hemm enfasi partikolari fuq it-tħejjijiet għal din il-laqgħa. Il-Kummissarju Għoli (HC) għamel żjara preparatorja f'Samoa f'Lulju 2024 u aktar tard, laqa' d-delegazzjoni Maltija fi Brisbane matul it-tranżitu tagħhom qabel komplew il-vjaġġ għas-summit. F’Novembru, il-Kummissarju Għoli akkumpanja delegazzjoni Parlamentari Maltija f’Sydney biex tattendi s-67 Konferenza Parlamentari tal-Commonwealth. Id-delegazzjoni kienet magħmula mill-Onor. David Agius, Deputat Speaker, l-Onor. Davina Sammut Hili u l-Onor. Robert Cutajar. L-HC iffaċilita wkoll il-laqgħat tad-Delegazzjoni mad-diaspora Maltija f’Sydney. Xogħol Konsulari Is-servizzi konsulari, bħal kull sena oħra kien wieħed mill-aktar komponenti essenzjali u viżibbli tal-ħidma fl-2024. Il-Kummissjoni Għolja tiżgura wkoll li ċ-ċittadini u d-dixxendenti Maltin li jgħixu fi New Zealand jirċievu l-istess livell ta’ servizz u rappreżentanza bħal dawk fl-Awstralja. L-inizjattiva "Consul on the Move" (COTM) għal darb'oħra wriet li hija kruċjali biex is-servizzi jsiru aċċessibbli għal dawk li jgħixu f'żoni remoti. Fl-2024, saru żjarat tal-COTM fi New Zealand (33 appuntament), Brisbane (42), Perth (31), u Adelaide (12), li ppermettew liċ-ċittadini Maltin f’dawk il-postijiet jirċievu assistenza fl-applikazzjonijiet tal-passaport, taċ-ċittadinanza, awtentikazzjoni tad-dokumenti, reġistrazzjonijiet, u kwistjonijiet konsulari oħra. Il-Kummissarju Għoli kellu numru ta’ laqgħat mal-Australian Border Force dwar ċittadini Maltin miżmuma fl-Awstralja, fejn saru talbiet min-naħa Awstraljana biex ikunu mibgħuta lejn Malta. Kooperazzjoni Kulturali Id-diplomazija kulturali ingħatat importanza b’inizjattivi mfassla biex jippromwovu l-wirt, il-lingwa u l-arti kontemporanja ta’ Malta. Il-Kummissjoni Għolja u l-Konsulati Ġenerali ospitaw il-wiri tal-film Malti Carmen, avveniment li ntlaqa' tajjeb minn membri tal-komunità Maltija u l-korp diplomatiku madwar it-tliet stati. Kien hemm diversi attivitajiet oħra li kienu jinkludi parteċipazzjoni Maltija fil-Festival tal-Films tal-Amerika Latina u kollaborazzjonijiet ma’ artisti Maltin-Awstraljani. Saru laqgħat ma' talent lokali, bħal-leġġenda tal-mużika Maltija-Awstraljana Troy Cassar-Daley, u l-artista Maltija Stephanie Borg. Il-Kummissarju Għoli ffaċilita attività fejn ġew imqassma kotba bil-lingwa Maltija għal assoċjazzjonijiet tal-komunità u ta preżentazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni Maltija-Awstraljana ta' Canberra u Queanbeyan. Xogħlijiet fil-Kummissjoni Ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u ta’ kostruzzjoni fuq ir-residenza uffiċjali f’Canberra mxew skont il-pjan, bit-tlestija tal-proġett skedata għal Settembru 2025.

Qorti tal-Maġistrati (Malta) — Każijiet ta’ nuqqas ta’ ħlasijiet dovuti lill-impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-każijiet ġodda pendenti li ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) matul is-sena 2024, marbuta ma’ nuqqas ta’ ħlas ta’ pagi u benefiċċji oħra dovuti lill-impjegati?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Raħal Ġdid — Ġnien il-Mediterran - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet huma ppjanati li jsiru fi Ġnien il-Mediterran, Raħal Ġdid, matul is-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara ftehim milħuq mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-MCAST, li huma s-sidien tal-art inkwistjoni, u bi qbil ukoll mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, Project Green se tkun qed tagħmel proġett fi Ġnien il-Mediterran bil-għan li dan ikun jista’ jitgawda aktar mill-familji permezz ta’ titjib fl-aċċessibiltà, kif ukoll faċilitajiet bħal żoni għall-pikniks u logħob għat-tfal. Se jsiru wkoll żewġ ġibjuni u sistema t’irrigazzjoni għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti.

Kummissjoni Għolja Maltija fil-Ghana — Ħidma

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja Maltija fil-Ghana matul is-sena 2024?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2024, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’Accra kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Ghana, f’oqsma strateġiċi bħall-kummerċ, l-iżvilupp, il-kultura u d-diplomazija. Mill-aspett kummerċjali, il-Kummissjoni appoġġat seba’ kumpaniji Maltin li kisbu riżultati konkreti, inkluż ftehim għal faċilità medika, bejgħ ta’ assi tal-avjazzjoni, u proġetti fil-kostruzzjoni u fl-agrikoltura. Barra minn hekk, tnax-il kumpanija Maltija għamlu żjara l-Ghana. Żdied ukoll l-interess minn kumpaniji ġodda, li wassal li llum il-Ghana tinsab fil-ħames post fost id-destinazzjonijiet ta’ esportazzjoni barra mill-UE. Din hija partikularment sinifikanti minħabba li l-kummerċ bilaterali bejn Malta u l-Ghana kien kważi ineżistenti qabel it-twaqqif tal-Kummissjoni Għolja. Minn naħa tal-Ghana, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat it-twaqqif ta’ żewġ kumpaniji mill-Ghana f’Malta, it-tnejn li huma joperaw fis-settur tal-intelliġenza artifiċjali u l-ICT. Il-Kummissjoni Għolja kienet ukoll involuta b’mod attiv fil: • Malta Enterprise Startup Festival u l-EU Startup Summit f’Malta; • L-EU-Ghana Business Forum u l-West Africa Building & Construction Exhibition fil-Ghana. Fl-iżvilupp, il-Kummissjoni ffaċilitat boroż ta’ studju u apprentistati għal 18-il persuna, u appoġġat diversi inizjattivi edukattivi u soċjali ma’ NGOs lokali. Saru wkoll kollaborazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani, partikolarment fl-agrikoltura u s-sigurtà marittima. Fil-qasam kulturali, il-Kummissjoni appoġġat il-kooperazzjoni bejn AP Valletta u msieħba Ghanjani fuq il-wirt arkitettoniku, li wasslet għall-pubblikazzjoni ta’ studju u restawr ta’ siti storiċi. Iffaċilitat ukoll l-iffilmjar tas-serje televiżiva “Liquorish” fil-Ghana. Politikament, minkejja li kienet sena elettorali fil-Ghana, il-Kummissjoni rnexxielha tiffinalizza u tiffirma żewġ Memoranda ta’ ftehim (MoU), iffukati fuq l-istandardizzazzjoni tal-kompetenzi fi ħdan il-Malta Medicines Authority u l-Malta Competition and Consumer Affairs Authority (MCCAA). Dawn il-Memoranda ġew ikkumplementati minn żjarat uffiċjali mill-Ghana Standards Authority u il-Ghana Food and Drugs Authority. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat l-iffirmar ta’ tliet Memoranda oħra bejn is-settur privat Malti ma’ entitajiet governattivi u istituzzjonijiet akkademiċi Ghanjani. Kien hemm ukoll żjara statali f’Marzu li ġiet ikkoordinata b’suċċess mill-istess Kummissjoni. Inoltre, l-impjegati tal-Kummissjoni Għolja pparteċipaw f’missjonijiet ta’ osservazzjoni tal-elezzjonijiet, u taw sehemhom f’għadd ta’ gruppi ta’ ħidma relevanti fl-aħħar parti tas-sena. Dan l-ingaġġ jikkonferma l-impenn ta’ Malta lejn relazzjoni serja u sostenibbli ma’ wieħed mill-imsieħba l-aktar stabbli tal-Afrika tal-Punent, fil-kuntest tal-Istrateġija Nazzjonali Afrikana tagħna.

Għawdex — Xogħlijiet minn Infrastructure Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28320 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid b’liema xogħlijiet ġiet inkarigata Infrastructure Malta f’Għawdex?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li Infrastructure Malta minn żmien għal żmien tagħmel xogħlijiet meħtieġa marittimi fil-gżira t’Għawdex. Bħalissa Infrastructure Malta għandha pjanat xogħol fuq l-iskallijiet tal-Qbajjar u ta’ Ħondoq ir-Rummien, kif ukoll xogħlijiet ta’ emergenza fil-bajja tax-Xlendi u fuq skall fid-Dwejra.

Ħaż-Żabbar — Triq San Leonardu - Charging station

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 28315 u 28316 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali rispettivament u tara li ċ-charging station li hemm fi Triq San Leonardu, f’Ħaż-Żabbar (li tidher li ser taqa’), tiġi rranġata urġentement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ċ-charging pillar li qed issir referenza għaliha ssewwiet u reġgħet qed topera, wara li din ġarrbet ħsarat konsiderevoli minħabba li ntlaqtet minn karozza.

Bormla — Ground tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28307 u jgħid jekk il-ground li l-Iskola Primarja ta’ Bormla għandha preżentement huwiex ser jiġi garantit fl-iżvilupp ippjanat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi t-tweġiba lill-Ministru kkonċernat.

Bormla — Parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28308 u jgħid x’passi ser jittieħdu mill-Ministeru tiegħu fir-rigward tal-iżvilupp tas-sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ġiet sottomessa l-applikazzjoni biex jinġiebu l-permessi neċessarji qabel ma jkun jista’ jsir l-iżvilupp. Il-proġett jikkonsisti f’kostruzzjoni ta’ parkeġġ taħt l-art mibni fuq sitt sulari, fejn ser jinħolqu madwar 330 spazju ta’ parkeġġ. Il-pjan hu li l-parkeġġ ikun konness mal-moll ta’ Bormla viċin tal-Ferry landing. Fil-frattemp, ser tkun qed tiġi sottomessa applikazzjoni separata minn Project Green, fejn ser ikunu qed jieħdu ħsieb id-disinn tas-sular ta’ mat-triq li ser ikun iddiżinjat biex jiffaċilita’ l-użu tal-ispazju mill-istudenti u l-edukaturi. Il-proġett qed isir b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla.

Il-Gudja – Triq San Ċiru — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq San Ċiru qed isiru xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ, xogħlijiet fis-sistema tal-ilma tax-xorb, u bini mill-ġdid tal-bankini u t-triq, inkluż xogħol ta’ asfalt u żebgħa. Ix-xogħlijiet huma stmati li jdumu madwar xahrejn.

Il-Gudja – Triq San Ċiru — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq San Ċiru, fil-Gudja u kemm ser idumu sabiex jiġu ffinalizzati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet ta’ bdil ta’ mains tad-drenaġġ kif ukoll xogħlijiet fuq in-network tal-ilma tax-xorb fit-triq indikata. Huwa mmirat li dawn jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin u wara jissoktaw xogħlijiet oħrajn minn Infrastructure Malta.