Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li attendew l-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn fl-aħħar sena akkademika? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ippjanat li jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinarju u straordinarju matul is-sajf?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni ssir skont il-ħtieġa. Filwaqt li n-numru ta’ studenti fl-iskejjel primarji ta’ Marsaskala għal din is-sena skolastika kien ta’ 1,053 student.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li attendew l-Iskola Primarja ta’ Marsaxlokk fl-aħħar sena akkademika? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex ippjanat li jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni ordinarju u straordinarju matul is-sajf?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni ssir skont il-ħtieġa. Filwaqt li n-numru ta’ studenti fl-iskola msemija għal din is-sena skolastika kien ta’ 202 student.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kappella tal-Madonna tas-Sokkors f’Bormla hijiex tinfetaħ u jekk hijiex qed tiġi kkurata? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex possibli li l-faċċata tagħha tinżamm f’kundizzjoni aħjar?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-Tempji ta’ Kordin f’Għajn Dwieli, magħrufa wkoll bħala Kordin III, humiex jinfetħu u jekk humiex jiġu kkurati fuq bażi regolari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-sit ta’ Kordin III huwa taħt il-kura ta’ Heritage Malta, li hija responsabbli għall-konservazzjoni u l-manutenzjoni tiegħu. Is-sit jinfetaħ matul Open Days, għal attivitajiet speċjali organizzati mill-aġenzija, kif ukoll għal żjarat minn gruppi jew individwi li jippreżentaw talba biex iżuruh.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Forti ta’ Delimara hijiex tinfetaħ u jekk hijiex qed tiġi kkurata fuq bażi regolari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Forti Delimara jiġi kkurat fuq bażi regolari minn Heritage Malta. L-Aġenzija tkompli b’mod kontinwu bl-isforzi tagħha ta’ restawr u ristrutturar sabiex tassigura l-preservazzjoni tas-sit u li dan jinżamm f’kundizzjoni sigura kemm jista’ jkun. Is-sit jinfetaħ għall-pubbliku matul Open Days u għal attivitajiet speċjali organizzati mill-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sit tal-Villa Rumana Tas-Silġ, f’Marsaxlokk hijiex tinfetaħ u jekk hijiex qed tiġi kkurata fuq bażi regolari? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm progress fir-rigward tat-tibdil tat-triq li tgħaddi mill-istess post?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li s-sit arkeoloġiku ta’ Tas-Silġ huwa wieħed ta’ użu reliġjuż tul perjodu twil ta’ żmien, li jmur minn dak Neolitiku sa tal-inqas dak Biżantin. Heritage Malta hija konxja mill-importanza li dan is-sit iġorr fl-istorja u l-arkeoloġija ta’ Malta kif ukoll taċ-Ċentru tal-Mediterran. Għaldaqstant, il-ħidma ta’ Heritage Malta hija kontinwa sabiex is-sit jiġi kkurat u ppreservat. F’dawn l-aħħar xhur, beda x-xogħol sabiex is-sit jiġi dokumentat b’mod diġitali, jibda l-proċess ta’ conservation assessment u jiġu indirizzati wkoll l-elementi l-oħra identifikati bħala prijoritajiet fil-management brief tas-sit. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkomplu fis-snin li ġejjin. It-tneħħija tat-triq hija, fil-fatt, waħda mill-prijoritajiet ewlenin indikati fil-management brief. Ix-xogħol f’dan ir-rigward għaddej. Il-proċessi meħtieġa biex dan jitwettaq għaddejjin ukoll fuq diversi fronti.
Ninsab infurmat ukoll li bħala sit, Tas-Silġ jibqa’ aċċessibbli għal żjarat permezz ta’ booking kif ukoll waqt Open Days organizzati mill-Aġenzija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel primarji li ser jirtiraw minħabba l-età matul il-ħames snin li ġejjin u kemm kien hemm għalliema li rriżenjaw matul l-aħħar ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel sekondarji li ser jirtiraw minħabba l-età matul il-ħames snin li ġejjin u kemm kien hemm għalliema li rriżenjaw matul l-aħħar ħames snin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni ser tkun qed tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fi Triq il-Knisja, f’Raħal Ġdid u kemm huma mistennija jdumu għaddejjin?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ix-xogħlijiet fi Triq il-Knisja, f’Raħal Ġdid jikkonsistu minn bini mill-ġdid ta’ mains, rikostruzzjoni ta’ bankini u kisi mill-ġdid t’asfalt. Ix-xogħol kollu mistenni jkun komplut fil-ġimgħat li ġejjin.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28311, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità għat-Trasport f’Malta waslitx għal xi deċiżjoni dwar x’passi għandhom jittieħdu fir-rigward tas-sit tal-Park & Ride f’Pembroke?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kif tħabbar mill-Gvern, dan is-sit se jiġi konvertit f’Park and Ride operattiv fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28313 u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-Torri tal-Arloġġ li hemm f’Pembroke, mibni fl-1903, jiġi restawrat?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28314 u jgħid jekk hemmx ħsieb li t-Torri tal-Arloġġ li hemm f’Pembroke, mibni fl-1903, jiġi restawrat?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett ta’ restawr tat-Torri tal-Arloġġ f’Pembroke, li nbena fl-1903, bħalissa jinsab taħt diskussjoni. Qegħdin jiġu ikkunsidrati diversi possibiltajiet sabiex jiġi identifikat l-aħjar mod ta’ finanzjament, inkluż il-possibbiltà li jintuża finanzjament mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, minħabba n-nefqa sostanzjali li jirrikjedi restawr ta’ din ix-xorta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Ħaż-Żabbar, f’Raħal Ġdid hijiex ser issir mill-ġdid, billi partijiet minnha qed jisfrundaw?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Infrastructure Malta ser tkun qed twettaq xogħlijiet t’asfalt fi Triq Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid, fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret minn pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Afrikana matul l-aħħar tliet snin u ċjoè matul is-snin 2022, 2023 u 2024?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu 2022 - 2024, Malta kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Unjoni Afrikana (UA) bħala Stat osservatur. L-ingaġġ ta’ Malta mal-UA iseħħ primarjament permezz tal-Ambaxxata tagħna f’Addis Ababa, akkreditata mal-Kummissjoni tal-UA. Dan ir-rwol jippermetti komunikazzjoni kontinwa, segwitu istituzzjonali u kontribuzzjoni politika kostanti.
L-Ambaxxata Maltija f’Addis Ababa għandha funzjoni ewlenija mhux biss fil-monitoraġġ u l-lobbying, imma wkoll fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej fil-kuntest Afrikan, speċjalment f’oqsma bħal paċi u s-sigurtà, il-governanza tal-migrazzjoni u s-sigurtà marittima.
Fuq livell tematiku, Malta tiffoka fuq oqsma fejn għandha valur miżjud: l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-wirt kulturali u l-liġi marittima. Għal diversi drabi, l-Ambaxxata ġiet mitluba tikkontribwixxi f’diskussjonijiet dwar il-politiki Afrikani f’dawn is-setturi, fosthom dawk relatati mal-Istati Gżejjer Żgħar u l-ekonomija blu.
Malta tagħmel użu wkoll min-netwerks multilaterali, inkluż il-Commonwealth u l-UNESCO, biex tappoġġa inizjattivi ta’ kooperazzjoni u kandidaturi strateġiċi, fosthom għall-Kunsill tal-IMO.
Ir-rappreżentanza ta’ Malta kkontribwiet b’mod regolari fil-formulazzjoni tal-politiki tal-UE lejn l-Afrika permezz tal-Grupp COAFR, kif ukoll fil-kuntest tal-laqgħat mal-EUSR għall-Afrika. Malta kienet preżenti wkoll fis-Summit UE–UA tal-2022 fi Brussell, fejn ġiet adottata d-Dikjarazzjoni Konġunta favur sħubija ġusta u proprjetà Afrikana tas-soluzzjonijiet.
B’mod konsistenti, Malta enfasizzat l-importanza ta’ koerenza bejn l-inizjattivi Ewropej u l-prijoritajiet Afrikani, inkluż dawk ta’ komunitajiet bħall-ECOWAS u l-AES.
Fl-aħħar nett, l-esperjenza miġbura f’dawn it-tliet snin qed tiddawwar f’kontribut għat-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Afrika 2025–2030. L-għan hu li Malta tkompli tkun sieħeb kredibbli, proporzjonat u allinjat mal-viżjoni tal-kontinent Afrikan u l-UE.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma kompliet titwettaq matul is-snin 2024 u 2025, b’rabta mal-Malta Africa Strategy for Partnership 2020-2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2024 u l-2025, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu kompla jwettaq il-Malta Africa Strategy for Partnership 2020–2025, li għandha l-għan li ssaħħaħ relazzjonijiet sostenibbli mal-pajjiżi Afrikani fuq livell politiku, ekonomiku u multilaterali, b’enfasi fuq proprjetà Afrikana tas-soluzzjonijiet, governanza tajba u koerenza reġjonali.
Il-ħidma ewlenija kienet tinkludi:
– Il-konsolidazzjoni tal-preżenza diplomatika f’Addis Ababa u f’Accra, li qed jiffaċilitaw il-kuntatt regolari ma’ sħab Afrikani u jikkontribwixxu għal involviment iktar iffukat fir-reġjuni rispettivi;
– L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet bilaterali aktar sodi mal-Etjopja u mal-Ghana, inkluż permezz ta’ laqgħat ministerjali u djalogi tematiċi dwar it-turiżmu, l-edukazzjoni, il-konnettività u kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali;
– L-istabbiliment ta’ rappreżentanza diplomatika għal diversi Stati oħra permezz ta’ ħatriet ta’ Ambaxxaturi mhux residenti, fosthom għall-Angola, il-Capo Verde, in-Namibja, in-Niġerja, ir-Rwanda, is-Senegal, u s-Seychelles, bħala parti mill-istrateġija diplomatika ta’ Malta għall-Afrika;
– Parteċipazzjoni attiva fil-fora bejn l-UE u l-Afrika, inkluż il-proċess ta’ reviżjoni tad-Dokument Konġunt UE–UA u l-Ministerial Summit tal-2025, kif ukoll il-laqgħat regolari fil-Grupp Afrikani tal-Kunsill (COAFR);
– Koordinazzjoni kontinwa mar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE għall-Afrika, b’mod partikolari permezz ta’ Ambaxxatur inkarigat mill-monitoraġġ tal-iżviluppi u l-kontribut ta’ Malta f’dawn il-qafas;
– Kontribut f’suġġetti ta’ rilevanza tematika bħall-ġustizzja klimatika, il-governanza diġitali u l-konnettività edukattiva, li ġew indirizzati kemm f’laqgħat bilaterali kif ukoll f’fora multilaterali;
– Bidu tal-proċess ta’ reviżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Afrika lejn it-tmiem tal-2024, biex jiġu identifikati l-prijoritajiet għal perjodu ġdid 2025–2030, f’konformità mal-Istrateġija tal-Politika Barranija mġedda tal-Ministeru.
L-attivitajiet imwettqa sa issa kkontribwixxew għal profil aktar ċar u kredibbli ta’ Malta bħala sieħeb proporzjonat, realistiku u impenjat favur djalogu strutturat mal-kontinent Afrikan.