Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Tista’ tgħid ukoll liema laqgħat hija mistennija li tattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sitt xhur li għaddew attendejt għall-Kunsilli Ministerjali tal-Enerġija u tal-Ambjent, u l-ħsieb tiegħi hu li sal-aħħar tas-sena nerġa’ nattendi l-istess laqgħat. Kif diġà spjegajt diversi drabi, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali -L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 attendejt għal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Kultura membri tal-UE li saret Warsaw, il-Polonja mis-7 sat-8 ta’ April, 2025 u l-laqgħa formali tal-Ministri tal-Kultura li saret Brussell, il-Belġju fit-13 ta’ Mejju, 2025. Fit-tieni nofs tas-sena 2025, mistenni li nattendi għal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Kultura tal-auE li se ssir bejn it-3 u l-4 ta’ Novembru, u għal-laqgħa formali tal-Ministri tal-Kultura tal-UE li se ssir fit-28 ta’ Novembru, Brussell, il-Belġju.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — L-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa? Jista’ jgħid ukoll liema laqgħat huwa mistenni li jattendi fit-tieni nofs tal-2025?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, ipparteċipajt fit-tlettax il-laqgħa tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u Iżrael li saret fl-24 ta’ Frar 2025 fi Brussell, kif ukoll għall-ewwel Djalogu Politiku ta’ Livell Għoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-Palestina, li seħħ fl-14 ta’ April 2025 fil-Lussemburgu. Attendejt għall-Forum Umanitarju Ewropew, li sar fi Brussell mid-19 sal-20 ta’ Mejju 2025, kif ukoll għal-Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana fil-21 ta’ Mejju 2025. Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, attendejt għal-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saru fi Brussell fis-27 ta’ Jannar, fl-24 ta’ Frar, fis-17 ta’ Marzu, fit-23 ta’ April, fl-20 ta’ Mejju u fit-23 ta’ Ġunju 2025. Il-laqgħa formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li seħħet fl-14 ta’ April 2025 saret fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, mis-7 sat-8 ta’ Mejju 2025, attendejt il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saret f’Varsavja u fid-9 ta’ Mejju 2025, attendejt il-laqgħa ministerjali tal-Grupp ewlieni dwar l-istabbiliment tat-Tribunal Speċjali għar-reat ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna fl-Lviv, l-Ukranja. Ġejt mistieden nipparteċipa wkoll fil-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li saru fi Brussell fit-28 ta' Jannar, fil-25 ta' Frar, fit-18 ta' Marzu, fis-27 ta' Mejju 2025, u kif ukoll dik tal-24 ta' Ġunju 2025 fil-Lussemburgu. Barra minn hekk, kont mistieden nipparteċipa fil-laqgħa informali tal-Ministri li saret f’Varsavja fis-17 u t-18 ta' Frar 2025. Bejn it-18 u d-19 ta’ Ġunju, ipparteċipajt f’Laqgħa Ministerjali ġewwa Taormina fi Sqallija, li fakkret is-70 Sena Anniversarju mill-Konferenza ta’ Messina. Fit-tieni nofs tas-sena, mistieden nipparteċipa fil-laqgħat formali tal-istess Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali li ser isiru fi Brussell fit-18 ta' Lulju, fis-16 ta' Settembru, fis-17 ta' Novembru u fis-16 ta' Diċembru, u kif ukoll dik tal-21 t’Ottubru li ser issir fil-Lussemburgu. Il-Presidenza Daniża ser tkun qed torganizza wkoll laqgħa informali tal-Ministri responsabbli mill-affarijiet tal-Unjoni Ewropea f’Kopenhagen, fl-1 u fit-2 ta’ Settembru. Din is-sena hi sena importanti għal Malta fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa, hekk kif Malta ħadet f’ idejha r-riedni ta’ din l-organizzazzjoni għas-sitt xhur li ġejjin. Fl-14 ta’ Mejju, ipparteċipajt fil-Laqgħa Ministerjali tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, fejn hemmhekk Malta ħadet uffiċjalment il-Presidenza tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Bħala parti mir-rwol tiegħi bħala President tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, ipparteċipajt f’numru ta’ laqgħat, inkluż l-ewwel laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri ġewwa Strasburgu fit-28 ta’ Mejju; fil-laqgħa tal-Presidential, Bureau u Standing Committee tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li saret ġewwa Malta bejn it-22 u 23 ta’ Mejju, u indirizzajt ukoll l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-24 u 25 ta’ Ġunju. Fl-istess ġimgħa kelli wkoll l-unur li nippresjedi għall-iffirmar bilaterali bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Ukrajna għat-twaqqif tat-Tribunal Speċjali għar-Reati ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Ewropa Alain Berset u l-President tal-Ukrajna l-Eċċ. Volodymyr Zelensky. Fid-29 u 30 ta’ Awwissu 2025 se nkun mistieden nattendi l-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li ser issir f’Kopenħagen. Fid-29 u 30 ta’ Settembru 2025 se nkun mistieden nattendi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Żvilupp) li ser isir f’Kopenħagen ukoll. Fid-9 u 10 ta’ Ottubru ser inkun mistieden biex nattendi l-Forum tal-Global Gateway li ser isir fi Brussell. Fit-13 u 14 ta’ Ottubru 2025 mistenni li niġi mistieden nattendi l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Kummerċ) li ser isir f’Horsens, id-Danimarka. Mistenni wkoll niġi mistieden nattendi għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Żvilupp) li ser isir fi Brussell fil-21 ta’ Novembru, kif ukoll għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin (Kummerċ) li se jitlaqqa’ fi Brussell fl-24 ta’ Novembru. Barra minn hekk, ser inkun qed nattendi għal-laqgħat formali tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Ottubru u fi Brussell fl-10 ta’ Novembru u 15 ta’ Diċembru 2025. Mistenni wkoll li nipparteċipa għal-laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf (EU-GCC) li ser issir il-Kuwajt fis-6 ta’ Ottubru 2025. Mistenni wkoll nipparteċipa fil-Forum Reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran (UFM), li se jseħħ fit-28 ta’ Novembru 2025 f’Barċellona. Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti se nkun mistieden għal-Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità tal-Amerika Latina u l-Karibew. Għat-tieni nofs ta’ din is-sena, il-programm tal-Kunsill tal-Ewropa ser jibqa impenjattiv, b’laqgħat kemm fi Strasburgu kif ukoll hawn Malta. F’ Malta, ser nindirizza il-Konferenza fuq id-Demokrazija u r-Reżiljenza kontra d-Disinformazzjoni, li ser tiġi organizzata fis-17 ta’ Settembru mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, kif ukoll il-laqgħa tal-Kumitat tad-Deputati tal-Ministri, li ser tiġi organizzata fis-7 t’ Ottubru u li ħa tlaqqa fiha r-Rappreżentanti Permanenti tal-membri tal-Kunsill tal-Ewropa. Ġewwa Strasburgu, ser jkolli l-opportunità nerġa nindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fl-irwol tiegħi ta’ President tal-Kumitat tal-Ministri fl-ewwel ġimgħa t’ Ottubru.

Bormla — Parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29065 u 29596 u fid-dawl li hemm tħassib konsiderevoli mill-ġenituri dwar kif dan il-proġett se jaffettwa lil uliedhom, jista’ l-Ministru jippreżenta l-pjanti relattivi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti huma aċċessibbli għall-pubbliku kif spejgat fit-tweġibiet preċedenti.

Local Governance Board — Każijiet imressqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29598 u jgħid kemm tressqu każijiet quddiem il-Local Governance Board imwaqqaf mill-Avviż Legali 363.150 matul is-sena 2024 u kemm hemm każijiet pendenti? Jista’ jgħid ukoll minn min huwa kompost dan l-istess bord?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fis-sena 2024 tresqu żewġ ilmenti u hemm seba’ każijiet pendenti. Il-Membri tal-Bord huma: S-Sur Simon Abela – Chairperson, S-Sur Pablo Cachia Belli – Segretarju, S-Sur Joseph Scerri – Membru, S-Sa Sarah Lee Zammit – Membru u S-Sa Sarah Mifsud – Membru.

Bormla — Żamma ta’ monument

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29448 dwar il-monument tal-bronż iddedikat lill-Perit Dom Mintoff u l-funtana li jinsabu quddiem il-Każin tal-Banda ta’ San Ġorġ, f’Bormla, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu wara li sar il-kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Bormla?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li, għalkemm il-monument tal-bronż iddedikat lill-Perit Dom Mintoff ma jaqax direttament taħt r-responsabbiltà tiegħu, il-Kunsill jieħu ħsieb li jsir it-tindif regolari.

Il-Belt Valletta — Pjazza Jean De La Valette - Restawr ta’ monument

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29449, jista’ l-Ministru jara li ssir spezzjoni fuq il-monument dedikat lill-Gran Mastru Jean La Valette, fil-Belt Valletta, peress li dan huwa fost l-iktar monumenti li jittieħdu ritratti u jistħoqqlu kura u restawr?

Response (BONNICI, OWEN)

Se nara li ssir spezzjoni.

Iż-Żejtun — Misraħ Karmnu Grima - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19769 u 25021, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed isir f'Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet f’Misraħ Karmenu Grima, Żejtun bdew fl-1 ta’ Lulju 2025. Dawn jikkonsistu f’bini mill-ġdid tal-pjazza li jinkludi wkoll parking ġdid u bini tal-pavimentar mill-ġdid.

Iż-Żejtun — Misraħ Karmnu Grima - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 19769 u 25021, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol qiegħed isir f'Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li x-xogħol li qiegħed isir f’Misraħ Karmnu Grima jikkonsisti f’xogħol ta’ tisbiħ li qed isir minn Infrastructure Malta.

Qrati — Kumpilazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29609 u jgħid kemm kien hemm kumpilazzjonijiet pendenti fil-Qrati ta’ pajjiżna sal-aħħar tas-sena 2024 u kemm minnhom ġew deċiżi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Community Service Orders, Probation, u sentenzi sospiżi — Sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29610 u jgħid kemm kien hemm sentenzi fejn il-piena inflitta kienet dik ta’ Community Service Orders, Probation, u sentenzi sospiżi matul is-sena 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħal Tarxien — Għassa tal-Pulizija - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Tarxien, għalkemm mhijiex użata, tingħata t-tiswijiet neċessarji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Tarxien, ser jinbidel il-bieb ta’ barra li kien inħaraq.

Qrati — Kumpilazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29600 u jgħid kemm kien hemm kumpilazzjonijiet pendenti fil-Qrati ta’ pajjiżna sal-aħħar ta’ Ġunju 2025 u kemm minnhom ġew deċiżi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Community Service Orders, Probation u sentenzi sospiżi — Sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29601 u jgħid kemm kien hemm sentenzi fejn il-piena inflitta kienet dik ta’ Community Service Orders, Probation u sentenzi sospiżi sal-aħħar ta’ Ġunju 2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Skema BM40 — Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi disponibbli u kemm ġew utilizzati taħt l-iskema BM40? Jista’ ukoll jagħti elenku kemm ta’ dawk l-iskejjel li għamlu użu minn dawn il-fondi u kemm li ma għamlux, u jgħid kemm?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet parlamentari 27378 u 29450.

Ħal Tarxien — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien matul is-sena 2024, u f’liema toroq seħħew dawn l-inċidenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2024 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Ħal Tarxien u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Fgura — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fil-Fgura matul is-sena 2024, u f’liema toroq seħħew dawn l-inċidenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2024 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew il-Fgura u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Raħal Ġdid matul is-sena 2024, u f’liema toroq seħħew dawn l-inċidenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-sena 2024 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew Raħal Ġdid u ġew indirizzati mill-Pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li kienu indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Community Service Orders, Probation, u sentenzi sospiżi — Sentenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi fejn il-piena inflitta kienet dik ta’ Community Service Orders, Probation, u sentenzi sospiżi matul is-sena 2024?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.