Legislature:
Category:
Reset
Active:

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu spejjeż sal-ġurnata tal-lum kif ukoll kif inhu għaddej l-andament tax-xogħol u meta hu previst li se jiġi tterminat?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid – xogħlijiet fil-pjazza – kumpens lin-negozji

Question

B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’kumpens u għajnuna qed tingħata lid-diversi operaturi u sidien tal-ħwienet li qegħdin kull jum jitilfu min-negozji tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — ħabsin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sal-aħħar ta’ Ottubru 2017? Jista’ jindika kemm minnhom kienu qed jiskontaw sentenza tal-Qrati? Kemm minnhom qed jistennew li jingħataw il-libertà proviżorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nhar il-31 ta’ Ottubru 2017 il-popolazzjoni fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin kienet ta’ 588, li minnhom kien hemm 432 issentenzjati u 156 taħt arrest preventiv.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – multi konvertiti f’Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li daħlu l-ħabs biex jiskontaw sentenza wara li l-multi ġew konvertiti f’ħabs, mill-bidu tas-sena 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 60 persuna li ddaħħlu fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin minħabba konverżjoni ta’ multi.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – persuni miżmuma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perijodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Ottubru 2017 kien hemm 490 persuna li għal xi raġuni jew oħra ġew miżmuma għal xi perjodu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Bord tal-Parole – rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali li saru s’issa mill-Bord tal-Parole u dan ai termini tas-sub-artikolu 4 tal-Artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi Kapitolu 516?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-erba’ rapporti annwali li saru s’issa qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Tarxien – Triq Santa Maria u Triq Annetto – xogħlijiet ta’ asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar ix-xogħol ta’ asfaltar fuq Triq Santa Maria u Triq Annetto Caruana, f’Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew jiswew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li x-xogħol fuq Triq Santa Marija u Triq Annetto Caruana sar bejn l-perjodu ta’ Awissu u l-bidu ta’ Settembru ta’ din is-sena u ġie jiswa €84,818.78.

Amerika Latina – trattati/ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati/ftehim pendenti ma’ pajjiżi fl-Amerika Latina? Jista’ jindika ma’ min huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija kienet ingħatat bħala parti mit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari Numru 1221 fis-seduta numru 23 tal-4 ta’ Ottubru 2017. Hemm 15-il trattat/ftehim pendenti ma’ pajjiżi fl-Amerika Latina. Dawn huma: L-Arġentina - 2 Il-Bolivja - 1 Il-Brażil - 4 Il-Kolombja - 1 L-Ekwador - 2 Il-Messiku - 2 Il-Peru - 2 Iċ-Ċile - 1

Amerika Ċentrali – trattati/ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm trattati/ftehim pendenti ma’ pajjiżi fl-Amerika Ċentrali? Jista’ jindika ma’ min huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija kienet ingħatat bħala parti mit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari Numru 1221 fis-seduta numru 23 tal-4 ta’ Ottubru 2017. Hemm 4 trattati/ftehim pendenti ma’ pajjiżi fl-Amerika Ċentrali. Dawn huma: Kuba - 1 Il-Panama - 2 Il-Bahamas - 1

L-Asja– trattati/ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il trattati/ftehim pendenti hemm ma’ pajjiżi fl-Asja? Jista’ jindika ma’ min huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija kienet ingħatat bħala parti mit-tweġiba għall-mistoqsija Parlamentari Numru 1221 fis-seduta numru 23 tal-4 ta’ Ottubru 2017. Wieħed ta’ min jinnota li hemm 23 trattat/ftehim pendenti ma’ pajjiżi fl-Asja. Dawn huma: Il-Brunei Darussalam - 1 Il-Bangladesh - 4 Il-Ġappun - 1 L-Indja - 4 L-Indoneżja - 1 Il-Korea ta’ Isfel - 3 Il-Malasja - 2 Il-Mongolja - 1 It-Tajlandja - 1 Iċ-Ċina - 3 Il-Mongolja - 2

Pajjiżi Ewropej – trattati/ftehim pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il trattati/ftehim pendenti hemm ma’ pajjiżi fl-Ewropa? Jista’ jindika ma’ min huma?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-segwenti hija l-lista ta’ ftehim pendenti li hemm ma’ pajjiżi fl-Ewropa: Ċipru - 2 Bożnija-Ħerzegovina - 1 Kosovo - 1 It-Turkija - 1 Ir-Repubblika tal- Maċedonja – 2 Il-Montenegro - 1 Is-Serbja - 1 Bożnija- Ħerzegovina - 1 Kosovo - 1 L-Italja - 1 L-Olanda - 1 Il-Polonja - 1 L-Irlanda - 1 Il-Monako - 1 L-Estonja - 1 Ir-Repubblika Ċeka - 1 Franza - 1 Il-Ġermanja - 1 Il-Belġju - 1 Il-Lussemburgu - 1 L-iSlovakkja - 1

Il-Ġappun – trattati ffirmati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’trattati hemm iffirmati mal-Ġappun? Jista’ jgħid x’inizjattivi diplomatiċi ttieħdu wara l-aħħar vista tal-Prim Ministru Ġappuniż tul din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi fir-Reġistru tat-Trattati hemm elenkat żewġ (2) trattati/ftehim iffirmati mal-Ġappun. Dawn huma: · Ftehim bilaterali dwar il-Kummerċ, 13 ta’ Novembru, 1968 · Skambju ta’ Noti bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Ġappuniz fuq il-faċilitazzjoni ta’ l-ivjaġġar bejn Malta u l-Ġappun, 5 ta’ Frar, 1973 Madankollu, ta’ min wieħed jinnota li dawn iż-żewġt ftehim kienu ġew abrogati mad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Proposta li qed tiġi studjata miż-żewġ naħat hija l-arranġament bejn Malta u l-Ġappun dwar “working holidays” prinċipalment għal studenti u żgħażagħ. Mil-lat ta’ kummerċ, bi pjaċir ninforma li, fis-6 u s-7 ta’ Settembru li għadda, l-Organizazzjoni għall-Kummerċ Extern tal-Ġappun (JETRO), preċizament, rappreżentanti mill-uffiċju tal-JETRO f’Milan, żaru Malta għall-sensiela ta’ laqgħat, faċilitati mill-Ministeru tiegħi, mal-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar; mal-Malta Enterprise; mat-Trade Malta; u mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bil-għan li nsaħħu il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-oqsma. Jien ukoll kellu l-okkażjoni niltaqa’ mar-rapprezentanti tal-JETRO nhar is-6 ta’ Settembru fejn tkellimna dwar kif Malta u l-Ġappun jistgħu jqawwu l-impenn tagħhom favur iktar promozzjoni tal-kummerċ f’oqsma kummerċjali ġodda, minbarra dawk li diġa’ qed jikbsu suċċess kbir bħal ma’ huma l-akwakultura (b’mod partikolari l-bejgħ tat-tonn) u l-kummerċ awtomobilistiku. Tajjeb insemmi wkoll li nhar is-6 ta’ Settembru stess ġiet wkoll imwaqqfa l-Kamra tal-Kummerċ bejn Malta u l-Ġappun bħala organizazzjoni mhux governattiva, b’ sede f’Malta bil-għan li jissaħħaħ l-iskambju kummerċjali bejn Malta u l-Ġappun bl-appoġġ tal-Gvern Malti u dak tal-JETRO.

Community Worker Scheme – żieda fil-pagi tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta se tiżdied il-paga fix-xahar tal-ħaddiema li qegħdin preżentement taħt il-Community Worker Scheme kif imħabbar u jekk kemm-il-darba humiex se jingħataw l-arretrati ta’ kemm ilhom ingaġġati fl-istess skema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żidiet ser jidħlu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2018. Għaldaqstant ma hemm l-ebda arretrati dovuti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti li preżentement huma ngaġġati fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru għandu Legal Consultant, Political Analyst, Senior Advisor, Advisor u erba' Policy Consultants li huma preżentament ingaġġati fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — konsulenti ngaġġati taħt position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-konsulenti li preżentement huma ngaġġati taħt position of trust fil-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru m’għandux konsulenti ngaġġati taħt Position of Trust.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru f’reklamar mill-5 ta’ Ottubru 2017 sal-lum? Jista’ jgħid f’liema tip ta’ reklamar dawn intefqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Ottubru 2017 sal-lum intefqu €1,256.48 f'reklamar. Dawn kienu għal reklamar fuq il-Gazzetta tal-Gvern, gazzetti, website, u internet portal.

Żjarat Statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żjarat statali li saru barra minn pajjiżna tul din is-sena u jista’ jindika kemm ġew jiswew?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq żjarat statali ma taqax taħt il-mandat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Tul din is-sena kien hemm 4 żjarat statali barra minn pajjiżna

Żjarat Statali minn kapijiet ta’ stati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm żjarat statali li saru ġewwa Malta minn kapijiet ta’ stati f’pajjiżna tul is-snin 2014, 2015, 2016 u 2017 u jista’ jindika wkoll kemm ġew jiswew?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa fuq żjarat statali ma taqax taħt il-mandat tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. Tul is-snin, 2014, 2015, 2016 u 2017, kien hemm is-segwenti żjarat statali li saru ġewwa Malta minn kapijiet ta’ stati f’pajjiżna: 2014 - 1 2015 - 2 2016 - 3 2017 - 4

Ħaddiema tal-Gvern — reati fuq minuri - proċeduri legali u amministrattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba humiex jittieħdu l-proċeduri amministrattivi u legali sabiex ħaddiema li jaħdmu mal-Gvern u li nstabu ħatja li kkomettew reati fuq minuri, ma jkunux jistgħu jaħdmu fi skejjel primarji?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-każ fejn Uffiċjali Pubbliċi li jkunu nstabu ħatja li kkommettew reati fuq minuri, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jieħu dawk il-proċeduri neċessarji skont kif ġej: 1. Dwar proċeduri amministrativi u legali konnessi mal-applikazzjoni tal-Att dwar Reġistrazzjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri Kapitolu 518 tal-Liġijiet ta’ Malta, il-Ministeru jagħmel il-proċeduri kif titlob il-liġi billi jitlob lis-Sezzjoni ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja tal-Qorti Ċivili (Prim’Awla), bħala "l-qorti kompetenti", informazzjoni li tista’ tkun reġistrata fir-Reġistru mwaqqaf skont l-Artikolu 3 tal-att imsemmi, dwar kull persuna li jkun bi ħsiebu jimpjega billi jissottometti rikorsi fejn jiġi notifikat l-Avukat Ġenerali. Kemm ilhom isiru dawn ir-rikorsi ma jirriżultax li kien hemm xi każ dwar xi persuna mniżżla fuq dan ir-reġistru li l-Ministeru kien bi ħsiebu jimpjega. 2. Fil-każ fejn Kap ta’ Dipartiment isir jaf li uffiċjal pubbliku taħt ir-responsabbiltà tiegħu jkun allegatament wettaq reat li jista' jkun ta’ natura kriminali, bħalma huma reati fuq minuri, tiġi applikata l-proċedura skont kif imniżżla fir-Regolament 13 tar-Regolamenti tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. 3. Fil-każ meta persuna tkun instabet mill-Qorti jew mill-Qorti tal-Appell ħatja ta’ reat kriminali, il-proċedura li tiġi applikata hi skont kif imniżżel fir-Regolament 15 tar-Regolamenti tal-2017 tal-Proċedura ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. F’dan ir-rigward meta impjegat ikun instab ħati ta’ reati serji bħal dawn, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku l-impjegat, kif ġara f’ċerti każijiet, jista’ jkollu l-impjieg tiegħu mas-Servizz Pubbliku itterminat. Ninforma wkoll li bil-ħidma sfieqa mwettqa mis-sezzjoni responsabbli mill-Akkreditar fi ħdan id-Direttorat għall-Kwalità u l-iStandards fl-Edukazzjoni, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qed iħares li kull skola tal-Knisja u Indipendenti qed tassigura li kull impjegat, inkluż iżda mhux limitat għall-edukaturi, għandu/ha kondotta nadifa u mhux qiegħed/qiegħda imniżżla fir-reġistru ta' min ikkommetta reat fuq minuri. Din l-istess sezzjoni tieħu wkoll ir-responsabbiltà li ta’ kull sena tfakkar lill-Kapijiet tal-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti sabiex josservaw il-Legal Notice 206 tal-2016. Barra minn hekk, kull meta l-istess Direttorat jasallu rapport mill-Forzi tal-Ordni, mill-iskejjel stess, jew minn oħrajn dwar reati, jew allegazzjonijiet ġodda, minnufih jiġi stabbilit kuntatt mal-mexxejja tal-iskola sabiex b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet ta’ kull individwu, jitħarsu l-interessi tal-minuri fdati lill-kommunità rispettiva.

Rapport f’gazzetta Taljana — Inkjesta interna

Question

Fid-dawl tar-rapport li deher fil-gazzetta Taljana “Il Sole 24 Ore” u tal-inkjesta interna mħabbra minnu fit-8 ta Novembru 2017, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra minn min ser titmexxa din l-inkjesta u x’terms of reference għandha?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, malli ħarġu l-allegazzjonijiet li dehru fil-gazzetta (online) ‘www.ilsole24ore.com’, bil-firma ta’ Ivan Cimmarusti fl-artiklu intitolat “Business illecito di gasolio libico: I presunti rapporti fra i traffricanti e il Ministero degli Esteri di Malta”, jiena tlabt li ssir investigazzjoni dwar dawn l-istess allegazzjonijiet.Dan kien magħruf fi stqarrija maħruġa fit-8 ta’ Novembru 2017.Għaldaqstant ħtart Bord ta’ Inkjesta skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap 273) li l-membri tiegħu huma tliet Segretarji Permanenti. It-terms of reference ta’ dan il-Bord huma wesgħin u għandu d-dritt li jinvestiga kull allegazzjoni li saret fl-artiklu. Il-Bord se jkun qed jinvestiga jekk ġewx imħarsa l-proċeduri u l-prattiċi fil-proċess tal- legalizzazzjoni ta’ ċertifikati, il-komunikazzjonijiet li saru jew li setgħu saru bejn l-uffiċjal jew uffiċjali tal-Ministeru kif allegat fl-artiklu, u dwar jekk setax kien hemm xi ksur ta’ proċeduri, regoli jew liġijiet f’dan ir-rigward. Il-Bord se jkollu kull dritt li jinvestiga kif jidhirlu u lil min jidhirlu kif ukoll li jagħmel ir-rakkommandazzjonijiet tiegħu skont l-istess Att dwar l-Inkjesti li diġa` għamilt referenza għalih.