Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija — Skola San Tumas More – tiswijiet fil-bieb prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk it-tiswijiet neċessarji fil-bieb prinċipali fuq wara tal-Iskola San Tumas More f’Santa Luċija u li jagħti għall-Triq Ħal Luqa, sarux?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fuq il-bieb tal-entratura li tagħti fuq wara tal-iskola San Tumas More f’Santa Luċija, inġabru l-kwotazzjonijiet għall-ispejjeż tal-alterazzjonijiet. Din l-imsemmija entratura se tiġi rtirata ’l ġewwa tlettax-il metru sabiex il-vettura li tkun dieħla (private bus) ikollha fejn toqgħod sakemm tinfetaħ il-grada u ma jinħoloq l-ebda periklu għal ħaddieħor. Dan ix-xogħol huwa ppjanat li jsir wara li tingħalaq l-iskola għall-vaganzi tas-Sajf u għalhekk jiġi evitat kull periklu, kemm għall-istudenti, kif ukoll għal kull individwu ieħor.

Annual Ambassadors’ Meeting — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienet l-ispiża involuta fl-Annual Ambassadors’ Meeting li sar bejn il-31 ta’ Mejju 2018 u l-1 ta’ Ġunju 2018? Jista’ jagħti informazzjoni wkoll liema kienu l-ambaxxaturi li attendew u dawk li ma attendewx? Jista’ jippreżenta wkoll id-diskorsi li saru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża tal-Annual Ambassadors' Meeting kienet ta’ €25,779.30.L-Ambaxxaturi residenti kollha attendew minbarra r-Rapprezentant Permanenti fi Brussel minħabba xogħol tal-UE u l-ambaxxaturi mhux residenti ma setgħux jattendu tlieta minnhom. Dwar iż-żewġ diskorsi li saru minni u mill-Prim Ministru ninforma l-Onor. Interpellant li ma kinux diskorsi miktuba b’mod formali.

Forom ta’ żwiġijiet reliġjużi rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma l-forom ta’ żwiġijiet reliġjużi li huma rikonoxxuti ai termini tal-artikolu 17 tal-kapitolu 255 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ambaxxata Maltija għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għall-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu għexiren l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet matul dawn ix-xhur. Ta’ min jgħid ukoll li sitt xhur matul dan il-perjodu indikat, l-Ambaxxata ta’ Malta żammet il-Presidenza Ewropeja. Il-ħidma ta’ l-Ambaxxata ta’ Malta għall-Istati Uniti ta’ L-Amerka – li hi ukoll akkreditata għal-Kanada – jinqasmu f’ diversi aspetti differenti. Dawn huma: - Politika - Konsolari - Kultura u relazzjoni Pubbliċi - Ekonomija - Amministrazzjoni Politika Tul dawn l-aħħar tlett snin, ix-xogħol relatat mal-aspett politiku żdied bi kważi t-tripplu. L-Ambaxxata Maltija żdiedet il-kuntatti tagħha mhux biss mad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, imma wkoll ma’ membri tal-Kungress, mal- White House , mad- Department of Treasury Amerikana u ma’ Dipartimenti oħrajn. Inizjattivi politiċi konkreti jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali ¾ Delegazzjoni Senatorjali lejn Malta mmexxija mis-Senatur Repubblikan Rand Paul ¾ Zjara uffiċjali f’Malta minn Justice Ruth Bader Ginsburg, Associate Justice tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti; ¾ Delegazzjoni lejn Malta f’livell ta’ Deputy Assistant Secretary; ¾ Delegazzjoni mill- Homeland Security Amerikana; ¾ Diversi Delegazzjonijiet Ministerjali minn Malta għall-laqgħa mal- Under Secretary għall-Affarijiet Internazzjonali tat- Treasury Amerikana; Diskussjonijiet bilaterali L-Ambaxxata żammet diskussjonijiet regolari mal-State Department Amerikan fuq temi bilaterali li jinkludu fost l-oħrajn: ¾ Ir -resettlement ta’ Refuggjati minn Malta għall-Amerka; ¾ Koordinazzjoni fuq l-assessment tal- Visa Waiver Programme; ¾ Is-sutjenn tal-Amerika għall-aċċess ta’ Malta fil- Missile Technology Control Regime (MTCR); ¾ L-aġevolazzjoni tal-bandiera marittima Maltija fil-portijiet Amerikani. Rigward il-Kanada, l-Ambaxxata żammet diskussjonijiet mal-awtoritajiet Kanadiżi, b’mod partikolari mal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin. Temi diskussi jinkludu: - Relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Kanada - Diskussjonijiet konsultattivi fuq leġislazzjoni u regulazzjoni tal-kannabis - Politika rigward l-LGBTIQ. Minbarra l-kuntatti, saru wkoll żjarat mill-Ambaxxatur Pierre Clive Agius ġewwa l-Kanada, fejn kellu laqgħat mal-Ministru tal-Affarjiet Barranin Chrystia Freeland u mal-Prim Ministru Justin Trudeau. Konsolari F’dan il-perjodu, kien hemm żieda sontanzjali ta’ talbiet minn Maltin li jgħixu ġewwa l-Amerka għal-ċittadinanzi u passaporti Maltin. Jekk nieħdu per eżempju ċ-ċittadinanzi, it-talbiet bejn 2016 u Mejju 2018 żdiedu bi kważi 300%. Bejn l-2016 u 2018, l-Ambaxxata żiedet ukoll s-servizzi tal-“ Consul on the Move ”. Fl-2016, kull ma kien hemm servizz wieħed li seħħ ġewwa San Francisco. Din is-sena, ser ikun hemm tlett servizzi li ser isiru bejn Ottubru u Diċembru 2018 f’dawn il-postijiet: - f’Detroit Michigan, - f’San Francisco California - u għal-ewwel darba, ser ssir missjoni ġewwa Phoenix, Arizona. Din hija riflessjoni tal-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata biex tkun iktar qrib tal-kommunità Maltija u biex tiffaċilita l-proċess tal-Passaporti. Minbarra s-servizzi għal-Maltin li jgħixu barra, l-Ambaxxata toffri wkoll servizzi ta’ proċessar ta’ applikazzjonijiet ta’ visas , li wkoll kien hemm żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet tal- visas mhux biss minn persuni li ġejjin Malta għal-btala, imma wkoll minn studenti li sejrin jistudjaw Malta, u plejers tal-futbol li sejrin jinqgħadu ma’ timijiet Maltin. L-Ambaxxata kienet minn ta’ quddiem biex tagħmel abbozz ta’ linji gwida għal- clubs tal-futbol Maltin biex ikun hemm għarfien aħjar tal-proċess tal-viża, fejn dawn ġew mgħoddija lill-Awtorità tal-Futbol Malti (Malta Football Association) L-Ambaxxtata ta’ Malta f’Washington tindokkra wkoll ir-relazzjonijet mad-Diaspora Maltija partikolarment fl-Amerka. Fil-Kanada Malta għandha Konsolat Ġenerali. L-Ambaxxata Maltija kienet ferm involuta fl-organizzazzjoni taż-żjara mil-ET il-President ta’ Malta lill-Komunitajiet Maltin ġewwa Detroit u San Francisco. Kultura u Relazzjonijiet Pubbliċi Waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata hi l-promozzjoni ta’ Malta f’diversi setturi, inkluż is-settur kulturali u tal-edukazzjoni. L-Ambaxxata ħadet diversi inizzjattivi f’dan il-qasam, u f’medja organizzat avveniment fix-xahar. Highlights minn dawn l-avvenimenti jinkludu: ¾ Kunċert minn artist Malti fil-famuż Kennedy Center; ¾ Kunċert minn artist Malti fin- National Gallery ġo Washington DC ¾ Żewġ serati letterarji ta’ xogħol ta’ kittieba Malta ġo xejn inqas mill-Library of Congress; ¾ Parteċipazzjoni regolari fil- European Open House li din is-sena attirat 3000 visitatur fl-Ambaxxata; ¾ Parteċipazzjoni fl- Embassy Adoption Programme, fejn l-Ambaxxata Maltija “taddotta” klassi tal-Primarja u tipprovdi lezzjonijiet interattivi dwar il-kultura Maltija; ¾ Promozzjoni tal- films Maltin u x-xogħol li twettaq il-Kummissjoni Maltija għal-Films ¾ Esebizzjoni ta’ Bizzilla Maltija fil- George Washington University Museum and Textile Museum; ¾ Esebizzjoni ta’ Arti u Fotografija ta’ żewġ artisti Maltin, Anna Galea u Stephanie Galea bit-titlu ta’ Women Perspectives: a Mother/Daughter Synergy. ¾ Esebizzjoni tax-xogħol tal-Artist malti Raphael Vella; ¾ Parteċipazzjoni ta’ Malta fil- Kids Euro Festival Short Film Series; ¾ Diskussjoni fuq manuskritti antiki Maltin li saret ukoll ġewwa il- Library of Congress. ¾ Sensiela ta’ lectures mill-Ambaxxatur għand istituzzjonijiet kbar u reputtabli ferm bħal: ¾ New York University ¾ Visitation College ¾ Tufts University ¾ New York Bar Association ¾ Ronald Reagen International Center Bħala kontribut lejn is-soċjetà li tagħha hi ospite, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Amerka zammet ukoll avvenimenti particolari bħal meta l-binja tal-Ambaxxta ġiet: ¾ Mixgħula blu nhar l- Autism Awarness Day ; ¾ Mixgħula rosa nhar il- Breast Cancer Awareness Day ; ¾ Mixgħula bil-Kuluri tal-qawsalla biex jiġi ċċelebrat jum l-ugwaljnaza Ekonomija, Turiżmu u Edukazzjoni. L-Ambaxxata ta’ Malta tkompli taħdem bi sħiħ biex tippromovi l-ekonomija Maltija u t-turiżmu ġewwa Malta. Inizjattivi konkreti għall-promozzjoni ekonomika Maltija fost oħrajn kienu: ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-Winternational Fair ġewwa Washington DC; ¾ Organizzazjoni ta’ stand fl-International Education Fair tal-Amerikan Catholic University; ¾ Organizzajoni ta’ stand fil-fiera għall-istudenti organizzata mill-Istate Department Amerikan; ¾ Laqgħat ma’ oqsma interessati fil- blockchain technology fosthom anke ġurnalisti; ¾ Diversi laqghat ma atturi ekonomici, bankiera u kmamar ta’ kummerċ Amerikani inklużi: ¾ Lagħat mal-bank Amrikan J P Morgan sabiex tinstab soluzzjoni għall- corresponding banks ; ¾ Libya-US Business Association biex Malta tintuza bħala ċentru loġistiku; ¾ Promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni medika ta’ kwalità – attività li tat riżultati sbieħ bir-rikonoxximent ta’ Malta bħala s-sebgħa l-aqwa post fl-Ewropa għat-turiżmu medikali; ¾ Ko-ordinazzjoni bejn il-Bank Ċentrali ta’ Malta u l- Office of Academic Exchange Programmes tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan fuq possibilità ta’ scholarships għall-studenti Maltin biex jipparteċipaw fil- Fulbright Programme; ¾ Laqgħa ma’ Chamber of Commerce of Jacksonville Florida fejn ġew diskussi possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni ¾ fil-qasam tat-trasbord, ¾ kura għall-kanċer, ¾ avvjazzjoni u ¾ software engineering ; Dawn id-diskuzzjonijiet għadhom għaddejin u hemm pprogrammati laqgħat oħrajn fil-ħarifa. Tajjeb li nsemmu wkoll li grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, reġa’ ġie introdott il- Malta Fulbright Programme, li kien ilu nieqes għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Ħames studenti Amerikani pparteċipaw f’dan il-programm. Amministrazzjoni F’dawn it-tletin xahar, l-Ambaxxata ta’ Malta ġiet ukoll rinnovata wara għexiren ta’ snin mitluqa, tant li s-sular ta’ fuq kien kundannat. Ġew mibdula il-kmamra tal-banju, is-soqfa tas-sular ta’fuq u t-twieqi tas-sular ta’ fuq ukoll. Ġie wkoll rinnovat kompletament il-konsolat ta’ Malta f’Washington inkluż l-apparat li jintuża sabiex jinħargu l-viża u l-passaporti.

Ambaxxata Maltija għat-Tuneżija — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna għat-Tuneżija tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel ma wieħed janalizza l-ħidma tal-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija huwa importanti li wieħed jikkunsidra l-kuntest attwali tal-pajjiż. Mill-2011 ‘l hawn t-Tuneżija għaddiet b’suċċess minn tranżizzjoni demokratika li għal perjodu ħolqu element ta’ inċertezza u instabbilità. Kellha tilqa’ wkoll għal sfidi ġodda fosthom dawk tat-terroriżmu. Is-sena 2015 kienet immarkata minn tlett attakki terroristi li ħallew impatt profond fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u b’konsegwenza fuq il-ħidma diplomatika ta’ Malta f’dan il-pajjiż. Malta, anke fir-rwol tagħha ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, uriet appoġġ kontinwu għat-Tuneżija u dawn l-aħħar xhur kienu kkaratterizzati minn attività diplomatika intensiva bi skambji u viżti regolari u ta’ livell mill-aktar għoli. Inizzjattivi Politiċi Żjarat Bilaterali 20 April 2016 - Il-President ta’ Malta attendiet is-seminar “Promoting Values of Peace and Dialogue”. Matul din iż-żjara, l-President kellha laqgħat mal-għola awtoritajiet Tuneżini fosthom il-President tar-Repubblika Tuneżin. 26 Mejju 2016 - Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin mexxa viżta uffiċjali f’Malta u kellu laqgħat mal-għola awtorijatijet Maltin. 25-26 April 2017 Bħala parti mill-programm tal-Prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, f’April tal-2017, l-Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija organizzat laqgħa f’Tuneż tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Unjoni Ewropea kontra t-Terroriżmu (COTER). Din kienet l-ewwel darba li dan il-Grupp iltaqa’ barra minn Brussell u li r-rappreżentanti tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea kellhom l-opportunità li jkollhom esperjenza diretta tal-pajjiż li miegħu l-UE għandha programm intensiv ta’ kooperazzjoni fil-qasam konċernat. Din il-viżta, li seħħet b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet Tuneżini, tat l-opportunità biex isir skambju diretti dwar il-ħidma u l-progress li twettaq b’kooperazzjoni ma’ memrbri tal-komunità internazzjonali fosthom l-UE wara l-attakki terroristiċi tal-2015. 7-8 Novembru 2017 Bħala parti mill-kommemorazzjoni tal-ħamsin anniversarji tar-relazzjonijiet diplomatici bejn Malta u t-Tuneżija, il-President ta’ Malta, fuq stedina tal-President tar-Repubblika Tuneżin, mexxiet Viżta Uffiċċjali fit-Tuneżija u kellha laqgħat mal-għola awtorijatijet Tuneżini u mal-komunità Maltija. F’din il-laqgha l-President kienet akkumpanjata mill-Ministru tal-Affarijet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll mill-Ministru ghall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. Il-President inawgurat Business Forum Malti-Tuneżin (ara d-dettalji aktar 'l isfel). Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin u tal-Promozzjoni tal-Kummerc, mexxa Konsultazzjonijiet Politiċi mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin. Fost affarijiet oħra, ġie deċiż li s-sessjoni li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta (Joint Comission) bejn Malta u t-Tuneżija tinżamm Malta matul l-2018. Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin iffirmaw ftehim bilaterali dwar it-turiżmu u ftehim ieħor dwar l-edukazzjoni. Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-proċess biex tiltaqa' l-Kummissjoni Konġunta. F’Gunju 2018, l-Ambaxxata għaddiet stedina mill-President ta’ Malta lill-President tat-Tuneżija biex imexxi Żjara Statali f’Malta matul l-2018. Matul is-sena 2017 il-Ministru tal-Kultura Tuneżin attenda konferenza f'Malta u kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru Malti responsabbli għall-Kultura. Matul l-2017 il-Ministri Maltin responsabbli għall-Kultura, għall-Edukazzjoni u għall-Intern, attendaw laqgħat multilaterali li seħħew fit-Tuneżija. Kummerċ L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regolari u kontinwu mal-kummerċanti Maltin preżenti fit-Tuneżija. L-Ambaxxata b’mod regolari tati appoġġ lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ. L-Ambaxxata regolarment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn kummċerjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessanti f’kummerċ bilaterali. L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizzjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma kummerċjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessanti li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda. Ta’ min isemmi li matul l-2017 il-kumpanija tal-ajru Maltija l-Air Malta reġgħet bdiet titjiriet regolari diretti bejn Malta u t-Tuneżija wara waqfa ta’ tmien snin. L-Ambaxxata għamlet bosta rappreżentazzjonijiet importanti mal-awtoritajiet Tuneżini biex jiġi faċilitat l-operat ta’dawn it-titjiriet. Business Forum Fl-isfond tal-Viżta Uffiċjali tal-President ta’ Malta fit-Tuneżija, fis-7 ta’ Novembru 2017, l-Ambaxxata b’kooperazzjoni mal-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż, organizzat Business Forum Malti-Tuneżin. Dan il-forum ġie inawgurat mill-President ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru Tuneżin fil-preżenza ta’ sitt membri tal-kabinett Tuneżin. Il-ftuħ ġie segwit minn Business to Business Meetings bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini. Il-kmamar tal-kummerċ ta’ Malta u ta’ Tuneż organizzaw it-tieni edizzjoni tal-Busines Forum Malti-Tuneżin, f’Malta bejn it-12 u t-13 ta’ Marzu 2018. L-Ambaxxata tat appoġġ loġistiku per eżempju bil-ħrug ta’ viżas. L-Ambaxxata qiegħda ssegwi l-kuntatti li seħħew matul iż-żewg edizzjonijiet tal-Business Forum u rċeviet numru ta’ talbiet għall-għajnuna mingħand kummerċjanti u intrapriżi Maltin li wħud minnhom għamlu żjarat ta’ follow up f’dawn l-aħħar xhur. Bħalissa, l-Ambaxxata qiegħda tipprepara għal-viżta f’Malta ta’ numru ta’ Kummerċjanti Tuneżini. Kultura u Promozzjoni L-attakki terroristiċi tal-2015 kellhom impatt sostanzjali fuq il-ħidma tal-Ambaxxata biex tippromovi kuntatti kulturali bejn iż-żewg pajjiżi. Madanakollu l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu ma’ entitajiet kulturali Tuneżini. Fi Frar tal-2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil stazzjon televiżiv Tuneżin li tella produzzjoni dwar il-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. F’April 2018 l-Ambaxxata tat għajnuna lil entità kulturali Maltija li żaret Tuneż biex tipproduċi film dwar il-preżenza Maltija fit-Tuneżija. Huwa maħsub li matul l-2018 mużiċisti Maltin jieħdu sehem f’żewġ attivitajiet kulturali f’Tuneż. Qiegħdin isiru tħejjijiet biex jixxandar feature fuq Malta f’riviżta Tuneżina ta’ kwalità għolja fis-sajf 2018. F’Novembru 2017 l-Ambaxxata nehdiet stand Maltija fil-bażar annwali li jorganizza l-Korp Diplomatiku fit-Tuneżija. L-Ambaxxata tipparteċipa wkoll f’bosta attivitajiet biex jinġabru fondi għal entitajiet filantropiċi Tuneżini. Servizzi Konsulari - L-Ambaxxata toħroġ l-viżas għal-ċittadini Tuneżini u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-Tuneżija. Wara l-awtorizzazzjoni mis-Central Visa Unit, ċittadini Libjani jkunu jistgħu japplikaw għall-viża fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Tuneż. - L-Ambaxxata toffri servizzi konsolari (per eżempju tiġdid ta’ passaporti u reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ u atti ċivili oħra), lill-komunità Maltija li tgħix fit-Tuneżija u lill-familjari tagħhom. Toffri wkoll servizz ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti. - L-Ambaxxata tilqa' numru ta’ talbiet ta’ informazzjoni u applikazzjonijiet għaċ-ċittandinanza l-aktar minn dixxendenti tal-komunità Maltija li kienet tgħix fit-Tuneżija fis-sekli dsatax u għoxrin. - Apparti milli toffri servizzi konsulari m’mod regolari l-Ambaxxata żżomm kuntatt kontinwu mal-komunità Maltija f’Tuneż u ġieli torganizza laqgħat informali mal-membri. - Matul dawn l-aħħar snin l-Ambaxxata Maltija tat assistenza lil ċittadin Malti li kien qed jiskonta sentenza ta’ ħabs f’Tuneż u wara li ġie meħlus ħargitlu dokument tal-ivvjagar u ffaċilitat ir-ritorn tiegħu lejn Malta. Amministrazzjoni L-Ambaxxata għaddejja minn proċess biex jiġi identifikat bini ġdid għall-Ambaxxata u l-Konsulat li jkun aktar sigur u aktar ta’ rappreżentanza xierqa.

Ambaxxata Maltija għar-Russja — Ħidma u inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma u x’inizzjattivi ttieħdu mill-Ambaxxata tagħna fir-Russja tul dawn l-aħħar tletin xahar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja s-sitwazzjoni predominenti fir-reġjun, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska taħdem bla waqfien sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja jkomplu jiġu mtejba fuq kull livell u f’diversi oqsma. . Għaldaqstant, kienu bosta l-inizzjattivi li din l-Ambaxxata ħadet f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex tgħolli l-profil ta’ Malta fir-Russja f’oqsma differenti: - Politiċi; - Konsolari; - Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju; - Kultura u Edukazzjoni. Politika Mill-aspett politku, ir-Russja huwa pajjiż importanti ferm, kemm mil-lat bilaterali u kif ukoll f’ambitu multilaterali. B’hekk, tul dawn l-aħħar tlett snin, l-Ambaxxata żiedet il-kuntatti tagħha ma’ diversi awtoritiajiet Russi u pparteċipat f’diversi laqgħat u ‘briefings’ ogranizzati minn awtoritijiet Russi u Ambaxxati ta’ pajjiżi oħrajn fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw kemm ir-Russja u kif ukoll ir-reġjun. Inizjattivi politiċi konkreti f’dan il-perjodu jinkludu fost oħrajn: Żjarat Uffiċjali: - Iż-Żjara Uffiċjali f’Moska, mill- eks Ministru għall-Enerġija u-Saħħa, l-Onor. Konrad Mizzi, fis-16 ta’ Settembru 2015; - Iż-Żjara Uffiċjali mill-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat flimkien mal- eks Viċi Prim Ministru l-Onor. Louis Grech u l- eks Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Onor. George W. Vella fil-15 ta’ Novembru 2016; L-Ambaxxata tat ukoll assitenza lil dinjitari oħra Maltin li żaru r-Russja f’dawn l-aħħar tletin xahar sabiex jipparteċipaw f’diversi avvenimenti, fosthom l-Onor. Chris Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, l-Onor. Anton Refalo l-eks Ministru għall-Għawdex, L-Onor. Leo Brincat, l-eks Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima. F’dawn l-aħħar tletin xahar, ġew iffirmati diversi Ftehim bilaterali: - Memorandum ta’ Ftehim dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tas-Saħħa; - Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki u l-Lawrji Akkademiċi; - Memorandum ta’ Qbil dwar Kooperazzjoni fis-Settur tat-Turiżmu bejn il-Ministeru għat-Turiżmu tar-Repubblika ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kultura tal-Federazzjoni Russa; - Ftehim bejn il-Fondazzjoni Roscongress (l-organizzaturi tal-Forum Ekonomiku ta’ San Petroburgu) u Trade Malta. Konsolari F’dawn l-aħħar sentejn, l-Ambaxxata ta’ Malta fir-Russja kienet xhieda ta’ żieda sostanzjali fin-numri ta’ Maltin li jżuru r-Russja u kif ukoll, ta’ Russi li jżuru Malta. In-numru ta’ turisti Russi lejn Malta, li kien naqas sostanzjalment wara l-kriżi tar-Rublu fl-2015 u l-2016, reġa’ qed jiżdied u mill-bidu ta’ Jannar sa’ Ġunju 2018, l-Ambaxxata Maltija fir-Russja ħarġet iktar minn erbat elef viża (skond il-Visa Management System) għal turisti u studenti (tal-Ingliż) Russi minn diversi reġjuni. Din iż-żieda m’hijiex biss riżultat ta’ titjib fis-sitwazzjoni ekonomika fir-Russja, iżda hija wkoll frott tal-isforzi kontinwi tal-Ambaxxata sabiex tistabilixxi lil Malta bħala destinazzjoni turistika popolari fost il-popolazzjoni Russa. Sabiex Malta tkun tista’ tikkompeti ma’ destinazzjonijiet turistiċi popolari oħrajn, bħal ngħidu aħna, Spanja u l-Greċja. Il-Konsolat ta’ Malta f’Moska, flimkien mal-aġenti sussidjarji li jiffaċilitaw is-servizzi tal-viżas (VFS), ħoloq sistema effettiva li twassal għall-ħruġ tal-viżas turistiċi f’madwar tlett ijiem, irrespettivament mill-lokalità tal-applikant. In-network tal-uffiċji tal-VFS fir-Russja, minn Kaliningrad (Punent) sa’ Vladivostok (Lvant), qed tiġi użata b’mod effettiv mhux biss għal iffaċilitar tal-ħruġ tal-viżi, imma wkoll għall-promozzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika (u studju) f’reġjuni li jinsabu l-bogħod minn Moska. Dan l-outreachqed isir ukoll permezz ta’ ċirkulazzjoni ta’ materjal promozzjonali li huwa magħmul speċifikament għall-udjenza Russa. L-istabbiliment ta’ Konsli Onorarji fir-reġjuni madwar il-Volga inkluż fir-Repubblika tat-Tatarstan u dalwaqt anke fis-Siberja (Novosibirsk u Irkutsk) u fl-Urali (Chelyabinsk u Ekaterinburg) qed jgħin sabiex tiżdied il-viżibilità u l-outreach ta’ Malta fir-Russja u jiġu sostenuti l-isforzi tal-Ambaxxata sabiex jiżdiedu l-iskambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja f’diversi oqsma. Għaddeja ħidma sabiex diversi kandidati oħra jiġu proponuti għall-Konsli Onorarji f’reġjuni ekonomikament importanti fin-Nofsinhar u l-Punent tar-Russja, fejn hemm l-ikbar konċentrazzjoni ta’ industrija u opportunitajiet ta’ investiment. F’dawn l-aħħar snin (mill-2014), l-interess fir-Russja fost ċittadini Maltin ukoll qed jiżdied u n-numri ta’ Maltin li qed jirrikorru għall-assistenza tal-Ambaxxata għall-informazzjoni u tagħrif fuq il-pajjiż, kemm fuq tema turistika u akkademika u kif ukoll kummerċjali, żdied b’mod konsiderevoli. Iż-żieda ta’ skambji kummerċjali bejn Malta u r-Russja hija wkoll riżultat tal-avvenimenti frekwenti (madwar tlieta fis-sena) li torganizza l-Ambaxxata flimkien mal-Konsli Onorarji u Kmamar tal-Kummerċ f’diversi reġjuni fir-Russja, li qed iżidu l-interess reċiproku fl-opportunitajiet kummerċjali li jeżistu fiż-żewġ Pajjiżi. L-avvenimenti kummerċjali li jmiss huma pjanati f'Tula (Tula Oblast - 501,169 abitant) u Chelyabinsk (Chelyabinsk Oblast - 1,130,132 abitant). L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed tagħti attenzjoni speċjali lil qasam tal-Edukazzjoni. Fil fatt, in-numru ta’ skambji bejn studenti Maltin u Russi qed jiżdied b’mod konsiderevoli. Malta tgawdi fama eċċellenti għat-tgħalim tal-Inġliz u hi l-iktar destinazzjoni popolari (mill-pajjiżi Schengen) mal-istudenti tal-Ingliż, filwaqt li Universitajiet Russi qed ikomplu jattiraw studenti Maltin, l-aktar mil-qasam tax-xjenza (mediċina u dentistrija). Riżultat ta’ dan, l-Ambaxxata hija xhieda wkoll ta’ żieda sostanzjali fl-iskambji bejn akkademiċi u riċerkaturi Maltin mill-Università ta’ Malta u Russi minn diversi Universitajiet stabbiliti. Iż-żieda fin-numri ta’ taċ-ċittadini Maltin li jgħixu u jaħdmu fir-Russja, f’dawk li jivvjaġġaw lejn ir-Russja u ċittadini Russi li jixtiequ jivvjaġġaw, jgħixu jew jinvestu f’Malta wassal għal żieda fl-assistenza konsolari li toffri l-Ambaxxata. F’okkażjonijiet varji, l-Ambaxxata ħadmet flimkien ma awtoritajiet Russi sabiex issolvi problemi u sitwazzjonijiet varji li ċittadini Maltin jiltaqgħu magħhom ġewwa ir-Russja. Waqt it-Tazza tad-Dinja 2018, iktar minn 400 ċittadin (skond il-FIFA) Malti huma pjanati li jżuru r-Russja. L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska qed taħdem id f’id mal-FIFA, awtoritajiet Russi u anke ma’ missjonijiet tal-pajjiżi tal-UE fi bliet Russi sabiex toffri kull għajnuna neċessarja. Promozzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-kummerċ u negozju Sabiex issaħħaħ il-viżibilità ta’ Malta mat-territorju vast Russu, l-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt ma’ diversi kmamar tal-kummerċ ta’ reġjuni differenti u qed taħdem bi sħieħ mal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija u kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-Intraprendituri ta’ Moska bil-għan li tikseb kuntatti fil-qasam kummerċjali u sabiex tkun tista’ tagħti pariri infurmati lil intrapriżi Malti li huma nteressati fis-suq Russu. L-aktar inizjattivi prominenti għall-promozzjoni ta’ kummerċ bejn Malta u r-Russja jinkludu: i. Forums ta’ Negozju Mill-2014 l’hawn, l-Ambaxxata Maltija f’Moska organizzat avvenimenti kummerċjali bħala parti mill-attivitajiet komemorattivi tal-Jum Nazzjonali ta’ Malta fil-21 ta’ Settembru. - Fl-24 ta’ Settembru 2015, ġie organizzat avveniment kummerċjali bil-parteċipazzjoni tal-Onor. Chris Cardona Ministru għall-Ekonomija, Investient u Intrapriżi Żgħar u diversi intraprendituri Maltin minn diversi oqsma. - Fl-20 ta’ Settembru 2016, ġie organizzat avveniment kummerċjali f’Moska, bil-għan li jesponi il-potenzjal ekonomiku tal-gżira Għawdixja. L-Onor. Anton Refalo, eks Ministru Għal-Għawdex flimkien mar-Reprezentatnti mill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex u l-Assoċċjazzjoni għal-Promozzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex ipparteċipaw f’dan l-avveniment. - Fl-20 u 21 ta’ Settembru 2017, ġie organizzat avveniment kummerċjali fil-Belt ta’ Nizhny Novorgod. Dan il-Forum serva bħala pjattaforma għal kuntatti bejn negozjanti Maltin u Russi. Madwar 300 parteċipant mis-setturi tat-turiżmu, l-edukazzjoni u l-investiment kienu preżenti fil-Forum. L-Ambbaxata providiet assistenza sabiex jiġi organizzat business forum fiċ-Ċentru tal-Kamra Federali tal-Kummerċ u l-Industrija f’Moska bi sħubija ma’ Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, fil-marġni taż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Moska fil-15 ta’ Novembru 2016. Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxata ppartecipat f’diversi edizzjonijiet ta’ St Petersburg International Economic Forum (SPIEF) u ir-Russian Investment Forum fil-Belt ta’ Sochi biex tompli tesplora opportunijiet ekonomiċi t’interess għal Malta. ii. Żjarat fir-Reġjuni Bħala parti mil-isforzji ta’ outreach u viżibilà’, matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur żar numru ta’ bliet f’reġjuni Russi, fosthom f’San Petroburgu, Sochi, Kazan, Nizhny Novogord, Vladimir, Yaroslav, Suzdal u oħrjan. L-aġenda waqt dawn iż-żjarat, apparti li tikludi laqgħat ma’ rappreżentanti reġjonali, tinkludi wkoll numru ta’ laqgħat mal-Kmamar tal-Kummerċ prominenti fir-reġjun, Universtajiet, u kif ukoll diversi assoċjazzjonijiet mis-settur tat-turiżmu. . Rapreżentanti mil-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Air Malta u diversi kumpaniji Maltin oħrajn jipparteċipaw f’dawn iż-żjarat b’mod regolari. iii. Ħidma oħra L-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska kienet strumentali wkoll fl-organizzazzjoni ta’ għadd ta’ żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali minn Malta u mir-Russja bil-għan li jkun hemm żieda fl-iskambji kummerċjali. Barra minn hekk, fuq bażi regolari, l-Ambaxxatur jiltaqa’ ma’ diversi kumpaniji Russi minn setturi differenti li għandhom interessant li jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata tiffaċilita wkoll kuntatti mal-awtoritajiet Maltin u tassigura li dawn il-kumpaniji jingħataw l-għajnuna u l-informazzjoni meħtieġa. Kultura u Edukazzjoni Il-promozzjoni ta’ Malta fis-setturi kulturali u tal-edukazzjoni permezz ta’ avvenimenti varji hija waħda mill-prioritajiet ewlenin tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Moska. Highlights riċenti minn dawn l-avvenimenti jinkludu: 2017: Kunċert minn mużicisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika li seħħ ġewwa teatru storiku f’Moska; Kunċert li jimmarka il-ħamsin sena anniversarju mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Russja mill-vionilista Malti Carmine Lauri, flimkien ma’ mużiċisti Maltin mill-Orkestra Filarmonika u mużiċisti Russi mit-Teatru Marinsky ta’ San Petroburgu; Matul l-2017, ġew stabbiliti kuntatti ma’ diversi Universitaijiet, fosthom, l-Università tal-Pedagoloġija f’Nizhny Novgorod fejn ġew diskussi possibilitajiet sabiex titwaqqaf akkademja tat-Tagħlim tal-Musika Russo-Maltija ġewwa Malta li jkollha l-potenzjal tattira studenti internazzjonali. 2018: Parteċipazzjoni regolari fil-laqgħa ta’ esperti fil-qasam tal-kultura tal-pajjiżi tal-UE fejn ġie preżentat il-programm ta’ avvenimenti matul il-V18 li jinkludu kooperazzjoni ma artisti stabilliti Russi. Dawn l-avvenimenti jinkludu: il-Malta International Music Festival u Russian Masters (li saru f’Marzu) u Tchaikovsky’s Fifth Symphony (li sar f’Mejju). Diskussjonijiet mar-Russja għaddejjin wkoll fil-qasam tal-wirt storiku u restawr tal-arti bejn iċ-Ċentru tal-Konservazzjoni tal-Arti Grabar u Heritage Malta fejn qed tiġi kkunsidrata il-possibiltà ta’ skambji bejn esperti Maltin u Russi f’dan il-qasam. Fl-avvenimenti kulturali msemmija hawn fuq, l-Ambaxxata ħadmet mhux biss sabiex tesponi t-talent artistiku Malti fir-Russja, imma wkoll sabiex tippromwovi produtturi Maltin tal-ikel u xorb (fosthom inbid u prodotti artiġjanali) li xtaqu li l-prodotti tagħhom jkunu esposti ma’ udjenza Russa. Minn sena għal sena, in-numru ta’ intrapriżi Maltin li huma interessati fis-suq Russu żdied b’mod konsiderevoli u f’kull avveniment, l-Ambaxxata tassigura li toffri prodott ġenwinament Malti. F’April 2018, l-Ambaxxata tat assistenza u kuntatti ma’ diversi producers stabbiliti lill-Kummissarju Malti għal-Film waqt iż-żjara tiegħu fir-Russja.

Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien – toroq imsewwija jew irranġati

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien matul is-sena li għaddiet u f’din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda hawn taħt: Lista mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien tat-toroq li ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod minnu matul is-sena 2017 u 2018. (Resurfacing) Isem tat-Triq Triq Annetto Triq Santa Marija (parti) Triq Santa Marija (parti) Triq Dejma (parti)

Kunsill Lokali tal-Fgura – toroq imsewwija jew irranġati

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod mill-Kunsill Lokali tal-Fgura matul is-sena li għaddiet u f’din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – toroq imsewwija jew irranġati

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija matul is-sena li għaddiet u f’din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-perjodu li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija wettaq xogħol ta’ resurfacing fuq parti minn Triq Pensieri fl-istess lokalità.

Awtorità tad-Djar – xiri ta’ residenzi tal-awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm inxtraw residenzi tal-Awtorità tad-Djar fis-snin 2016 u 2017 u minnhom kemm inxtraw minn persuni bi bżonnijiet speċjali u minn single mothers?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bejn l-2016 u l-2017, inxtraw 176 –il residenza tal-Awtorita` tad-Djar jew tal-Gvern mill-inkwilini, b’4 minn dawn il-176 jinxtraw minn single mothers. L-Awtorita` tad-Djar m’għandhiex records fir-rigward ta’ persuni bi bżonnijet speċjali li bbenefikaw minn din l-iskema, hekk kif din l-informazzjoni hija rrelevanti għax-xiri tal-proprjeta’ taħt din l-istess skema.

Persuni li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3795, jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu persuni li ġew identifikati li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali mis-sena 2014 sad-data tal-lum?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mis-sena 2015 sal-21 ta’ Mejju 2018, l-Awtorita` tad-Djar sabet 26 persuna li ġew identifikati li qed jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi statistika qabel is-sena 2015 ma kinitx tinżamm.

Rapporti fuq gazzetta Franċiża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5419, jista’ l-Prim Ministru jikkonsidra l-pożizzjoni tal-Gvern u minflok jiddeċiedi li jwieġeb għall-kontenut li kien hemm fil-ħarġa tal-20 ta’ April 2018 fil-gazzetta Franċiża ‘Le Monde’?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ma għandi xejn x’nżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 5419.

Raħal Ġdid – Triq Żabbar — tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bidu ta’ Triq Żabbar, f’Raħal Ġdid li marret lura sew, hiex se ssir mill-ġdid tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal il-Ġdid li rigward il-bidu ta’ Triq Żabbar, f’Raħal Ġdid qed isiru negozjati biex isir ix-xogħol din is-sena.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid – toroq imsewwija jew irranġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema toroq ġew imsewwija jew irranġati b’xi mod mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-sena li għaddiet u f’din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal il-Ġdid li matul il-perjodu msemmi ġiet irranġata Triq il-Melita.

Żjara ġewwa l-Awstralja — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5422 u ċjoè: B’referenza għar-rapport li deher fis-sitt paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday tal-22 ta’April 2018, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra min ħallas għall-vjaġġ, akkomodazzjoni u l-spejjeż relattivi ġewwa l-Awstralja kif ukoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u min ħallas għall-istess vjaġġ, akkomodazzjoni u l-ispejjeż relattivi għall-istess delegazzjoni? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża komplessiva?

Response (ABELA, CARMELO)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant ghall-mistoqsija numru 5422.

Wied il-Għajn – Skola San Tumas More – parkeġġi għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-parkeġġi li hemm allokati fl-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn, inkluż dawk għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, humiex se jittieħdu u jitneħħew kompletament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li fil-preżent m’hemm l-ebda parkeġġ fl-iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn.

Wied il-Għajn – Bini ta’ Għassa ta’ Pulizija quddiem l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk kemm-il darba, preċiż quddiem l-Iskola San Tumas More f’Wied il-Għajn hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija li se tgħatti kompletament l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li skont id-dokument approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar, PA07389/17/31A, is-sit ta’ l-għassa huwa biswit parti biss mis-sit kollu tal-iskola. Ma jirriżultax li l-iskola se tiġi kompletament mgħottija.

Żjara ġewwa l-Awstralja — nefqa

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5421 u ċjoè: B’referenza għar-rapport li deher fis-sitt paġna tal-ħarġa tal-gazzetta The Malta Independent on Sunday tat-22 ta’ April 2018, jista’ l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra min ħallas għall-vjaġġ, akkomodazzjoni u l-ispejjeż relattivi ġewwa l-Awstralja kif ukoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u min ħallas għall-istess vjaġġ, akkomodazzjoni u għall-ispejjeż relattivi għall-istess delegazzjoni? Jista’ jinforma kemm kienet l-ispiża komplessiva?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5421.

Wied il-Għajn – Bini ta’ Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex se tinbena Għassa tal-Pulizija ġdida f’Wied il-Għajn u jekk iva sarx studju u sarx proċess ta’ konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili sabiex jiġi identifikat l-aħjar sit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser tinbena għassa tal-Pulizija f’Wied il-Għajn. Kienu saru evalwazzjonijiet ta’ siti differenti, intagħżel l-aħjar sit u sar il-proċess meħtieġ mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Awtorità tad-Djar – twaħħil ta’ lifts fi djar privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm twaħħlu lifts fi djar privati bl-għajnuna tal-Awtorità tad-Djar għall-persuni anzjani u bi bżonnijiet speċjali f’dawn l-aħħar ħames snin? Jista’ jindika kemm kien l-ammont komplessiv li ntefaq?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtorità tad-Djar matul dawn l-aħħar ħames snin, approvat u ffinanzjat l-istallar ta’ 154 lift jew stairlift ġewwa proprjeta` privata, b’nefqa ta’ €648,604.27.