Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq taċ-Ċawsli – fondi utilizzati mill-Fond Ewropew

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda 10297, jista’ l-Ministru jindika għat-triq partikolari magħrufa bħala “Taċ-Ċawsli” kemm ġew utilizzati fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091 Smiths Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta lestiet xahar qabel iż-żmien il-proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok, ir-rotta ewlenija bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun, li qabel kien jisimha Triq Bormla u hija magħrufa wkoll bħala “Taċ-Ċawsli”. B’investiment ta’ €4 miljun, din it-triq issa mhux biss fiha karreġġjata ġdida għall-karozzi imma għandha wkoll korsija għar-roti u passaġġ pavimentat għall-mixi mifrudin mill-korsiji tal-karozzi bir-ringiela siġar taċ-Ċawsli li ġew inkorporati fid-disinn ġdid tagħha. Il-korsija tar-roti sseparata mill-karozzi, iżda xorta waħda miksija bl-asfalt, hija l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Malta. B’hekk toffri l-istess kumdità ta’ sewqan daqs li kieku qed issuq fi triq normali bl-asfalt, iżda b’inqas riskji ta’ aċċidenti għaliex dawk li jivvjaġġaw bir-roti ma jkunux qed isuqu mal-karozzi. Oriġinarjament, dan il-proġett kien ippjanat li jkun lest fis-sajf li ġej. Madankollu, Infrastructure Malta kkordinat ix-xogħol b’attenzjoni sabiex il-kuntratturi setgħu ilestuh fl-inqas żmien possibbli, xahar qabel jibda s-sajf. Dan ir-riżultat inkiseb minkejja li t-triq ma ngħalqitx kompletament waqt li kienet qed tinqala’, iżda saru arranġamenti biex tibqa’ miftuħa f’direzzjoni waħda. B’hekk, ix-xogħol sar b’inqas diffikultajiet għar-residenti Żwieten u Żabbarin. Din l-arterja tintuża minn ħafna persuni li jgħixu jew jaħdmu fil-lokalitajiet tal-inħawi, fosthom Ħal Tarxien, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel u l-Kottonera. Għal ħafna snin, it-triq kienet tħalliet fi stat ħażin ħafna tant li l-wiċċ tat-triq kien sfronda, bil-konsegwenza li bdiet iżżomm l-ilma u toħloq ħafna diffikultajiet għal dawk li jkollhom bżonn jgħaddu minnha. Taħt partijiet mit-triq instabu barrieri ta’ snin ilu li meta ma baqgħux jintużaw kienu ntradmu bi skart tal-kostruzzjoni u materjal ieħor li ma kienux jifilħu biex fuqhom issir triq. Dan ir-radam issa tneħħa u floku saru sisien b’saħħithom mibnija b’madwar 1,790 blokka tal-franka u 3,000 tunnellata konkos, li flimkien jiżnu mas-6,000 tunnellata. Fl-istess ħin li kienu qed jinbnew mill-ġdid il-pedamenti tat-triq, Infrastructure Malta poġġiet 3.3 kilometri pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, tal-elettriku, tal-Internet u t-telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ, biex b’hekk saħħet id-distribuzzjoni ta’ dawn is-servizzi fil-lokalitajiet tal-madwar. Biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar fit-triq, saret ukoll sistema ġdida ta’ 2.5 kilometri għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tqabbdet ma’ ġibjun li diġà kien hemm fil-post. Fil-ġenb inbena wkoll ħajt tas-sejjieħ biex jifred it-triq mill-għelieqi li hemm biswitha. Din il-konnessjoni bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun issa tista’ titgawda wkoll għal skop ta’ rikreazzjoni billi toffri mixja għall-arja jew inkella dawra bir-rota f’ambjent tal-kampanja mill-isbaħ, u b’mod sigur, f’passaġġi għar-roti u l-mixi maqtugħin għalihom mill-karozzi. It-triq sarulha wkoll għadd ta’ waqfiet għall-karozzi tal-linja aktar siguri għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, sistema ġdida ta’ dwal fit-triq b’aktar minn 100 bozza LED, waqt li nbnew ukoll mill-ġdid il-junctions tar-roundabouts li hemm maż-żewġt itruf tat-triq f’Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun. Parti minn dan il-proġett, fis-somma ta’ €1,090,468.16 (mingħajr il-VAT), kienet finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF), bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091. SMITHS: Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo.

Żvilupp Reġjonali – fondi utilizzati mill-Fond Ewropew

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm fondi ġew utilizzati fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091 Smiths Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont l-informazzjoni miġbura mill-entitajiet, l-ammont ta’ fondi li ġew utilizzati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-Unjoni Ewropea (ERDF) bħala parti mill-proġett ERDF.PA.7.0091 Smiths Introduction of Sustainable Multi Intermodal Transport Hubs across Malta and Gozo huwa dak ta’ €13,658,124.08.

Il-Fgura — Triq id-Dejma - xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6865, jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni neċessarja tar-roundabout li saret fi Triq id-Dejma, il-Fgura?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinni proposti ħadu aktar fit-tul peress li ma setax isir ntervent bis-soft landscaping minħabba li ma kienx hemm fond biżejjed għall-ħamrija. Id-disinni ġodda ġew approvati u x-xogħol beda u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Belt — Palazzo Parisio - xogħlijiet fit-tielet sular

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol laħaq sar tul dawn l-ewwel erba' xhur ta’ din is-sena fl-hekk imsejjaħ tielet sular ġewwa Palazzo Parisio l-Belt?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġħall-aħħar tas-sena 2018, saru taħdidiet mal-mangement u impjegati tal-Ministeru fejn ġew elenkati il-faċilitiajiet u l-bżonnijiet neċessarji biex jiġi mħejji brief għad-design meħtieġ. Fi Frar ta’ din is-sena ngħata bidu għal sejħa ta’ offerti biex isiru studji tekniċi fuq l-istabbiltà strutturali tas-soqfa eżistenti fuq din il-binja. Dan il-proċess ġie sorveljat mil-esperti tekniċi ingaġġati mil-Ministeru. Ta’ min jgħid li dawn it-testijiet ġew ikkordinati wara l-ħin normali tax-xogħol jew fi ġranet maqbulin mal-uffiċjali għolja tal-Ministeru biex ma jtellfux mil-ħidma u l-operat tal-Ministeru. Għaddejjin taħdidiet mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali sabiex jiġi mħejji disinn addattat li hu funzjonabbli għall-ħtiġijiet tal-Ministeru preżenti. Qegħdin fil-fażi biex jiġu sottomessi il-permessi meħtieġa għall-iżvilupp lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-Belt — Palazzo Parisio - xogħlijiet fil-basement

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol laħaq sar tul dawn l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena fl-hekk imsejjaħ basement ġewwa Palazzo Parisio l-Belt?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ kien għaddej minn fażi ta’ diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi u esperti tekniċi sabiex tibda t-tieni fażi ta’ dan il-proġett hekk kif ix-xogħlijiet preliminari ġew mitmuma is-sena l-oħra.

Il-Belt — Triq Zakkarija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol laħaq sar tul dawn l-ewwel erba' xhur ta' din s-sena fi Triq Żakkarija l-Belt?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, tlestew xi xogħlijiet li saru bħala varjazzjoni tat Tender prinċipali kif ukoll xogħlijiet anċillari relatat mat-traslokazzjoni tal-uffiċini mill-binjiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru għall-binja fi Triq Zakkarija. Dan kien jinkludi l-istallazzjoni ta’ switches tal-IT; il-provvista tas-servizz tal internet u testijiet mit-tekniċi rispettivi; ġew ordnati is-settijiet tat-telephone kif ukoll il PABX; il-Ministeru kkonkluda it-Tender tal-Mobile Shelving Units u ġew ordnati; għamara ġdida twasslet fuq il-post u ġiet magħquda fuq il-post; ilqugħ tal-ħġieġ fuq it-terrazzin tal-bejt; saret ukoll il-provvista u it-twaħħil tal-kċejjen u xogħlijiet relatati ma’ sigurta’. Matul dan il-perjodu, l-uffiċini li kienu pjanati li jiċċaqalqu lestew huma wkoll il-pjanijiet tagħhom sabiex iċ-ċaqliqa tkun waħda lixxa.

Il-Belt — Allied House - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’xogħol laħaq sar mill-Ministeru fit-tielet sular f’Allied House l-Belt, tul dawn l-ewwel erba' xhur ta' din s-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, sar il-proċess tax-xiri tal-għamara li aktar tard twasslet fuq il-post sabiex tiġi mgħaqqda. Sar ukoll l-ippjanar u t-tneħħija ta’ madum tal-ħajt qadim, tikħil u żebgħa sabiex isiru kċina żghira u toilet ġdid fit-tielet sular ta’ Allied House. Hekk kif tlesta dan ix-xogħol l-uffiċini ġew okkupati fit 22ta’ Mejju 2019.

Dipartiment tal-Artijiet — skema ta' fidi u xiri ta' ċnus

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-inizjattivi li se jittieħdu tul din is-sena mid-Dipartiment tal-Artijiet senjatament għal skemi marbuta mal-fidi jew xiri ta’ ċens?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 10226 f’Seduta 228.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni ġodda mal-Ministeru fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena? X’sejħiet pubbliċi hemm pendenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ħaddiema li ma baqgħux jaħdmu mal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ma baqgħux jaħdmu mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u għaddew f’pożizzjonijiet oħra tul dawn l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awstralja – ħidmiet diplomatiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mal-Awstralja u x’servizzi qegħdin jingħataw il-Maltin u l-Għawdxin mill-istess ambaxxati u konsolati tagħna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija l-ħidma diplomatika li saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mal-Awstralja u servizzi li qegħdin jingħataw il-Maltin u l-Għawdxin mill-istess ambaxxati u konsolati tagħna. Bilaterali · Fl-ewwel erba’ xhur tal-2019, il-Kummissjoni Għolja f’Canberra kkorrispondiet bilateralment mal-istat tal-Commonwealth tal-Awstralja dwar bosta temi li jirrigwardaw il- welfare tal-membri tal-kommunita’ Maltija fl-Awstralja, kif ukoll iffaċilitat djalogu bejn entitajiet f’Malta u fl-Awstralja b’għanijiet kummerċjali. · Il-Kummissjoni Għolja f’Canberra ppreparat rikjesti sabiex uħud mill-ftehim bilaterali esitenti jiġu rreveduta, kif ukoll għamlet rikjesti għal fini sabiex jibqgħu jiġu esplorati ftehim prospettivi. · Fi Frar u f’April 2019, il-Kummissjoni Għolja f’Kanberra ħadet sehem attiv f’laqgħat ma’ rappreżentanti għolja tal-UE li kienu jinsabu fl-Awstralja għal diskussjonijiet dwar in-negozzjati tal-UE u l-Awstralja fuq Ftehim ta’ Kummerċ Liberu, kif ukoll fuq kooperazzjoni settorjali bejn iż-żewġ entitajiet. Kummerċjali u Promozzjoni ta’ Malta · F’Jannar 2019, il-Konslu Ġenerali f’Melbourne pparteċipa fil-festival Malti ta’ Portarlington, fejn ħa l-opportunita’ li jippromuovi lil-Malta. · Fi Frar 2019, il-Konslu Ġenerali f’Melbourne ipparteċipa f’laqgħat mal-kumitat eżekuttiv tas-sezzjoni ta’ Victoria tal-Kamra tal-Kummerċ Awstraljana-Maltija (Australian Maltese Chamber of Commerce – Victoria Chapter). · Fl-istess xahar, il-Konslu Ġenerali f’Sydney intaqa’ ma’ bosta entrepreneurs Maltin-Awstraljani fl-istat ta’ New South Wales; entrepenuri li esprimew pjanijiet sabiex jinvestu f’Malta fis-setturi tal-Agribusiness b’teknoloġija ta’ hydroponics . · Il-Konslu Ġenerali f’Sydney ha sehem ukoll fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal- Kamra tal-Kummerċ Awstraljana-Maltija (Australian Maltese Chamber of Commerce), fejn iffaċilita ukoll żewġ laqgħat ma’ avukati tal-immigrazzjoni b’diskussjonijiet dwar programmi ta’ investiment u residenza. · F’Marzu 2019, id-Deputat Kummissarju Għoli f’Canberra ħadet l-opportunita’ taż-żjara konsolari fl-istat ta’ Queensland sabiex tintaqa’ ma’ membri tal-kommunita’ kummerċjali fi Brisbane tippromovi koordinazzjoni sabiex tingħata assistenza lil investituri fl-ambitu tal- blockchain , li urew ix-xewqa li jiftħu uffiċċji f’Malta. · F’April 2019, il-Konslu Ġenerali f’Sydney intaqa’ ma’ wieħed mid-diretturi ta’ Invest Hong Kong , fejn ħejja diskussjonijiet fuq opportunitajiet ta’ kummerċ u investiment minn din il-Kumpanija fi xtut Maltin. Kulturali u Diaspora · Il-Kummissjoni Għolja f’Canberra kellha stall dwar Malta f’wieħed mill-avvenimenti tant mistennija fil-kapitali tal-Awstralja: in- National Multicultural Festival . L-istall ta’ Malta kien imtella’ fis-sezzjoni tal-Villaġġ tal-UE, li attira aktar nies minn kull edizzjoni li saret qabel. (16 ta’ Frar 2019). · Il-Kummissarju Għoli, flimkien mal-Konsli Ġenerali, ipparteċipaw fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Australia Day (26 ta’ Jannar), u ta’ ANZAC Day (25 t’April), fl-istati rispettivi li jinsabu fihom. F’dawn l-okkażjonijiet, l-għoli rappreżentanti ta’ Malta fl-Awstralja ħadu l-opportunita’ li jistħaqqu fuq l-importanza ta’ relazzjonijiet bilaterali ma’ dan il-pajjiż. · Il-Konslu Ġenerali f’Melbourne ipparteċipa f’bosta attivitajiet mtella’ mill-Kommunita’ Maltija fl-istat ta’ Victoria, fosthom attivitajiet mtella’ miċ-Ċentru tal-Kultura Maltija f’ Albion, u erbgħa avvenimenti oħra madwar l-istat. · Ħidma mal-partijiet ikkonċernati fuq l-importanza u l-promozzjoni tat-tgħalim tal-lingwa Maltija fl-Awstralja issuktat mit-tlett uffiċċji, bejn Jannar u April 2019. Taħdidiet u laqgħat mal-iskejjel tal-Malti għadhom għaddejjin, bir-rappreżentanti tal-Gvern Malti fl-Awstralja joffru s-servizzi tagħhom sabiex jiffaċilitaw diskussjonijiet dwar il-futur tat-tagħlim tal-lingwa, storja u drawwiet Maltin. · Il-Konslu Ġenerali f’Sydney attenda bosta inizjattivi sabiex jintaqa’ mal-ġenerazzjoni Maltija-Awstraljana żgħażugħa fl-istat ta’ New South Wales: il-mexxejja tal-kommunita’ Maltija-Awstraljana tal-ġejjieni. Konsolari - Bejn Jannar u April 2019, l-uffiċċji fl-Awstralja ipproċessaw 480 passaport u 156-il-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija. - F’dan il-perjodu saret żjara ta’ Consul-on-the-Move fl-istat ta’ Queensland (fi Brisbane, Mackay u Cairns). Id-domanda għal din iż-żjara kienet waħda tajba: fi tmien t’ijiem inżammu mal-111 appuntament konsolari. - Fl-ewwel erba’ xhur tal-2019, l-Kummissjoni Għolja f’Canberra tat assistenza lil żewġ Maltin li nsterqulhom il-passaporti tagħhom waqt btala f’dik il-parti tad-dinja. - Tul dan iż-żmien, il-Kummissjoni Għolja f’ Canberra kif ukoll il-Konsolati Ġenerali f’Melbourne u f’Sydney, ħadu sehem attiv f’laqgħat varji dwar koordinazzjoni konsolari ma’ rappreżentanti ta’ Stati Membri tal-UE fl-Awstralja u fil-Paċifiku, f’Working Groups dwar Working Holiday Visas, kif ukoll mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ u l-Ministeru għal-Immigrazzjoni u Sigurta’ tal-fruntieri Awstraljani, fuq każijiet pendenti. Oħrajn Fid-29 ta’ Marzu, l-Konslu Onorarju għal Malta f’Wellington ingħaqdet ma’ bosta dinjitarji, inkluz il-Prim Ministru tal-Awstralja l-Onor. Scott Morrison u l-kap tal-opposizzjoni Bill Shorten MP, fil-belt ta’ Christchurch, wara l-attakk terroristiku fl-istess belt fil-15 ta’ Marzu 2019.

Ambaxxata f’Brussell — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Brussell?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Il-ħidma fl-Ambaxxata ta’ Malta fi Brussell ma taqta’ qatt. Bejn il-preżenza ta’ komunità Maltija sinjifikanti u l-preżenza tan-numru ta’ Ambaxxati u rappreżentazzjonijiet diplomatiċi (Brussell qiegħda fit-tieni post bl-ikbar preżenza diplomatika), il-ħidma tal-Ambaxxata hija waħda bla heda u dejjem timraħ għal dawk l-opportunitajiet li kapaċi jsarrfu fi promozzjoni għal pajjiżna. Bilaterali L-Ambaxxata Maltija fil-Belġju sa minn meta nfetħet dejjem kienet strumentali sabiex jitkattru r-relazzjonijet bejn Malta u l-Belġju u Malta u l-Lussemburgu. Sar ħafna xogħol ukoll sabiex jinbtu relazzjonijiet ma’ pajjiżi oħra li Malta ma kellhiex relazzjonijiet diplomatiċi magħhom. Mill-bidu ta’ din is-sena l-Ambaxxata Maltija fi Brussell kompliet bil-ħidma kontinwa sabiex tkompli tikber il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Belġju, il-Lussemburgu, u l-pajjiżi l-oħra li għandhom Ambaxxata akkreditata fil-Belġju. Barra minn hekk impenn regolari tal-Ambaxxata hu s-sostenn li jingħata lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor Carmelo Abela meta jattendi għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin. Uħud mill-impenji huma elenkati hawn taħt:- · 17 ta’Jannar – l-Ambaxxatur Azzopardi laqa’ lil Dr Jean De Brabander fl-Ambaxxata Maltija sabiex jgħaddilu d-dokumenti uffiċjali tal-ħatra tiegħu bħala Konslu Onorarju ta’ Malta għall-ġurisdizzjoni tal-Provinċja ta’ Limburg fil-Belġju. B’din il-ħatra ġdida Malta issa għandha ħames Konsli Onorarji fil-Belġju. · 23 ta’ Jannar– l-Ambaxxatur Azzopardi u d-Deputat tiegħu s-Sinjura Carabott kellhom laqgħa fl-Ambaxxata Maltija mas-Sur Sam Vandenabeele, Direttur tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Gvern Fjamming tal-Belġju. Id-Direttur tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Fjamming is-Sur Vandenabeele għadda ittra b’talba għall-għajnuna sabiex Malta tagħti s-sapport tagħha fil-kandidatura tal-Ministru Muyters għall-Elezzjonijiet Ewropej dwar l- Anti-Doping . L-ittra li kienet miktuba ukoll b’Malti perfett, ġiet mgħoddija lill-Awtoritajiet Maltin. Malta ddeċidiet li tivvota għall-kandidatura Belġjana. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-Direttur Vandenabeele li talab lill-Ambaxxata Maltija fil-Belġju twassal l-apprezzamement tiegħu f’isem il-Gvern Fjamming tal-Belġju lill-Gvern u lill-Awtoritajiet Maltin. · 28 ta’ Jannar – l-Ambaxxatur Azzopardi u s-Sinjura Carabott attendew għad- Diplomatic Contact Days organizzat mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Belġjan. · 29 ta’ Jannar – Is-sinjura Carabott attendiet ikla organizzata mill-Missjoni konġunta tar-Renju Unit għan-NATO għall-Pajjiżi Ewropej tal-Punent magħrufa bħala Western European Partners (WEP 6). Ir-Rappreżentanta Permanenti tar-Renju Unit għan-NATO, l-Ambaxxatriċi Sarah Macintosh ħadet l-okkażjoni sabiex issegwi mill-qrib l-ilmenti tal-pajjiżi sieħba, partikolarment minħabba d-diviżjoni li nħolqot fin-NATO mal-pajjiżi sieħba wara li dawn tħallew fil-binja l-antika waqt li l-Alleati u l-Amministrazzjoni tan-NATO marru faċċata fil-binja tal-Kwartieri l-ġodda tan-NATO. Pajjizi sieħba bħall-Finlandja esprimew id-diżappunt li qed iħossuhom maqtugħa politikament mill-kuntatt tal-kumplament tal-membri. · 5 ta’ Frar - l-Ambaxxatur Azzopardi attenda għaċ-ċerimonja simbolika tal-għotja tal-Bandiera tar-Rumanija mill-Konslu Ġenerali tar-Rumanija lis-sindku ta’ Brussell fis-sala tal-binja tal-Kunsill fi Grand Place. Din iċ-ċerimonja kienet parti mill-attivitajiet tal-Presidenza tar-Rumanija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. · 7 ta’ Frar – il-Konslu Onorarju ta’ Malta għall-Provinċji ta’ Liège, Namur u Lussemburgu fil-Belġju, il-Baruni Ernest de Laminne de Bex, issokta bil-ħidma tiegħu sabiex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijijiet bejn Malta u l-Belġju, billi organizza żjara uffiċjali fil-Provinċja tal-Lussemburgu li hi Provincja fit-tarf tan-nofsinhar tar-Reġjun tal-Wallonja fil-Belġju. Wara l-Ambaxxatur Azzopardi flimkien mad-delegazzjoni żaru wieħed mill-aktar postijiet importanti fir-reġjun Ardennes li jfakkar it-tieni Gwerra Dinjija permezz tal-Mużew tal-Gwerra f’Bastogne. Wara żaru il- Euro Space Centre , Park tax-xjenzi li jiġbor fih mużew dwar l-iżvilupp tax-xjenza u ċentru ta’ taħriġ astronawtiku u spazjali li jservi ukoll bħala attrazzjoni turistika għall-familja kollha. · 12 ta’Frar – L-Ambaxxatur Ray Azzopardi kellu laqgħa mas-sur Yann Le Cam, Kap Eżekuttiv tal-EURORDIS, l-organiżżazzjoni Ewropea li tiġbor fiha l-Assoċcjazzjonijiet u Għaqdiet Volontarji li jaħdmu sabiex iwasslu għajnuna u għarfien dwar il-Mard Rari. · 21 ta’Frar – Is-Sinjura Carabott attendiet għal-laqgħa li ġiet organizzata mic-CIDIC (Ċentru Ewropew għall-Ekonomija, Akkademja u d-Diplomazija Kulturali) fejn l- Ambaxxata Bilaterali tar-Rumanija fil-Belġju ppreżentat il-prijoritajiet tal-Presidenza tar-Rumanija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Preżentazzjoni saret fir-residenza tal-President tac-CIDIC, li hu ukoll il-Konslu Onorarju ta’ Malta. · 22 ta’Frar – L-Ambaxxatur Azzopardi kellu laqgħat mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa l-Onor Dr. Chris Fearne bi tħejjija għas-Simposju Internazzjonali EUFOREA li kellu jiġi organizzat f’Malta fil-bidu tax-xahar ta’ Mejju 2019. · 25 ta’ Frar – L-Ambaxxatur Azzopardi kellu laqgħat mal-I speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Parlament ta’ Malta, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, mal-iskrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti, is-Sur Ray Scicluna, mas-Segretarju Personali tal-I speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, is-Sur Ancel Farrugia u mad-Direttur tal-Parlament is-Sur Pierre Mallia dwar il-loġistika kollha għas-Simposju Internazzjonali EUFOREA li kien ippjanat li jsir fil-Plenarja tal-Parlament Malti. · 28 ta’ Frar – L-Ambaxxatur Azzopardi attenda għall-ewwel Business Lunch organizzat mill-Ambaxxata tar-Rumanija fl-okkażjoni tal-Presidenza tar-Rumanija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Bħala mistieden speċjali attenda d-Deputat Prim Ministru u Ministru Għall-Affarijiet Barranin, Kummerċ, Intern u Immigrazzjoni Didier Reynders li ta ħarsa lejn is-sitwazzjoni politika fil-Belġju. · 6 ta’Marzu – id-Deputat Kap tal-Ambaxxata is-Sinjura Carabott attendiet għall- ftuħ tal-konferenza ddedikata għall-Multilingwiżmu u l-Frankofonija. · 7 ta’Marzu – l-Ambaxxatur Azzopardi akkumpanjat mid-Deputat tiegħu s-Sinjura Carabott iltaqgħu mas-sur Patrick Hemmer, il-Konsulent Diplomatiku tal-Prim Ministru tal-Lussemburgu, l-Eċċellenza Tiegħu Xavier Bettel. L-iskop tal-laqgħa kien li jiġu skambjati l-ideat għall-possibiltà ta’ żjara uffiċjali mill-Prim Ministru ta’Malta u s-Sinjura Muscat fuq stedina tal-Prim Ministru tal-Lussemburgu. Iż-żewġ naħat iddiskutew l-iżvilupp tal-ekonomija taż-żewġ pajjiżi u s-suċċess fil-ħidma taż-żewġ pajjiżi. Wara din il-laqgħa, l-Ambaxxatur u s-Sinjura Carabott kellhom laqgħa mas-sur Oliver Baldauff, Deputat Direttur għall-Affarijiet Politiċi fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej tal-Lussemburgu fejn ukoll tressqet it-talba ta’ Malta għal appoġġ tal-Lussemburgu għall-kandidatura ta’ Malta fuq l-IMO. Wara l-Konslu Onorarju ta’ Malta fil-Lussemburgu, Dr Michel Molitor, stieden lill-Ambaxxatur u s-Sinjura Carabott għall-business lunch sabiex ikomplu jigu diskussi l-aħħar żviluppi dwar d-Diaspora Maltija fil-Lussemburgu. Filgħaxija l-Ambaxxatur Azzopardi flimkien mad-Deputat tiegħu attendew għaċ-ċerimonja li saret sabiex jitfakkar il-50 Anniversarju minn meta bdew l-ewwel pubblikazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Publikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. F’din l-attività attendew għaliha l-Altezza Rjali l-Gran Duka tal-Lussemburgu, il-Prim Ministru tal-Lussemburgu, diversi Ministri tal-Kabinett u diversi Ambaxxaturi u uffiċjali għolja tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. · 12 ta’ Marzu – L-Ambaxxatur Azzopardi laqa’ lill-Ambaxxatur l-Eċċellenza Tiegħu Ridha Ben Mosbah, Ambaxxatur tat-Tunisija għar-Renju tal-Belġju. F’din il-laqgħa li saret fl-Ambaxxata Maltija f’Dar Malta fi Brussell, ġew diskussi r-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi u kif jistgħu jkomplu jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet. · 13 ta’Marżu – L-Ambaxxatur Ray Azzopardi kellu żjara ta’ korteżija mill-Eċċellenza Tiegħu Pavel Klucky, Ambaxxatur tar-Repubblika Ċeka. Matul il-laqgħa ż-żewġ Ambaxxaturi ddiskuttew ir-relazzjonijiet tajbin li jeżistu bejn iż-żewġ naħat u kif jistgħu joktru f’oqsma diversi. · 15 Marzu – l-Ambaxxatur Azzopardi akkumpanjat mis-sinjura Carabott attendew laqgħa ta’ informazzjoni mal-konsulenti Glenaki, rappreżentanti tal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta għall-Belġju u l-Lussemburgu (BELUX). Matul il-laqgħa li saret fl-uffiċini ta’ Glenaki fi Bruges, ġiet spjegata l-istrateġija li ġiet introdotta sabiex jiġu attirati turisti mill-Belġju u l-Lussemburgu lejn Malta. · 15 Marzu – L-Ambaxxatur Azzopardi laqa’ fl-Ambaxxata lis-Sinjura Carmen Buttigieg, Direttur għall-Affarijiet marbuta mad-Difiża fejn ġew diskussi l-oqsma li jeħtieġu ħidma aktar mill-qrib bejn l-Ambaxxata Maltija u d-Direttorat. · 21-22 ta’ Marzu – l-Ambaxxatur Azzopardi laqa’ lill-Onor. Dr Joseph Muscat, Prim Ministru ta’ Malta u d-delegazzjoni tiegħu u akkumpanjahom fil-laqgħat li kellhom fi Brussell waqt il-laqgħat għall-Kapijiet tal-Istat tal-Unjoni Ewropea. · 22 ta’Marzu – L-Ambaxxatur Azzopardi attenda għal-laqgħa li ssejħet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin l-Eċċellenza Tiegħu Didier Reynders, li saret fil-Palazz Egmont u kienet titratta l-kandidatura tal-Belġju għall-post ta’ Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa. · 26 ta’ Marzu – id-Deputat kap tal-Ambaxxata s-Sinjura Carabott attendiet għal sessjoni ta’ informazzjoni organizzata mill-Ambaxxata Kanadiża bi preparazzjoni tal- Pride Parade Belġjana fejn għall-ewwel darba d-diplomatiċi kienu qed jiġu mistiedna li jimxu flimkien wara l- istreamer ‘’ Diplomats for Equality .’’ · 26 ta’Marzu – Id-Deputat Kap tal-Ambaxxata, is-Sinjura Carabott attendiet għat-tieni business lunch organizzat mill-Ambaxxata tar-Rumanija fil-Belġju. Il-Mistiedna tal-unur kienet il-Ministru tal-Parlament Federali għas-Saħħa l-Eċċellenza Tagħa Maggie De Block. · 2 t’April – L-Ambaxxatur Azzopardi kellu laqgħa mal-Konslu Onorarju ta’ Malta għall-Provinċji ta’ Liège, Namur u l-Lussemburgu, il-Baruni Ernest de Laminne de Bex dwar il-laqgħa li ser tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ għall-Konsli Onorarji kollha li ser issir f’Malta f’Mejju 2019. · 2 t’ April – l-Ambaxxata organizzat laqgħa għas-sitt Konsli Onorarji ta’ Malta fil-Belġju u l-Lussemburgu. Matul il-laqgħa s-sitt Konsli Onorarji ppreżentaw rapport dwar il-ħidma tagħhom fix-xhur li għaddew u ressqu il-programm ta’ ħidma tagħhom għax-xhur li ġejjin. Fit-tmiem il-laqgħa li saret fil- Media Room tal-Ambaxxata Maltija f’Dar Malta, l-Ambaxxatur u d-Deputat Kap tal-Ambaxxata s-Sinjura Tania Carabott, qassmu kotba u informazzjoni dwar Malta lill-Konsli Onorarji. · 4 t’April – Is-Sinjura Carabott laqgħet is-Sur Joseph Borg, ic-Chairperson tal- Insuleur , li għamel laqgħa tal- Insuleur fil-bini tal-Ambaxxata, bil-korteżija tal-Ambaxxatur u l-istaff tal-Ambaxxata Maltija fil-Belġju. · 10 t’April – l-Ambaxxatur Azzopardi laqa’ lill-Onor. Dr Joseph Muscat Prim Ministru ta’ Malta mad-delegazzjoni tiegħu u akkumpanjahom waqt il-laqgħat li kellhom fi Brussell waqt il-laqgħat għall-Kapijiet tal-Istat tal-Unjoni Ewropea. · 14 - 18 t’April – Id-Deputat Kap tal-Ambaxxata s-Sinjura Carabott laqgħet u akkumpanjat lill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, President Emeritus u d-delegazzjoni Tagħha waqt żjarat li kellhom fil-Belġju. · 24 t’ April – l-Ambaxxatur Ray Azzopardi kellu laqgħat mas-Sur Riad Fechkeur Chairman Eżekuttiv ta’ Speed Group dwar diversi oqsma ta’ ħidma ekonomika f’pajjiżna. · 2-5 ta 'Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi attenda u indirizza s-simpożju tal-EUFOREA li sar f'Malta fil-Plenarja tal-Kamra tad-Deputati tal-Parlament Malti bl-isforzi u l-faċilitazzjoni tal-Ambaxxatur u bl-għajnuna tal-Konsli Onorarji Ernest de Laminne de Bex u Jean De Brabander. Is-Simpożju ta’ Malta EUFOREA - “Aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni tal-kura tas-saħħa fil-Mard ta’ Allerġiji u l-Pajp tan-Nifs permezz tal-implimentazzjoni ta’ għodod diġitali u edukattivi” attendew ħafna Rappreżentanti Għolja ta’ Akkademji Ewropej u esperti dwar is-suġġett. Malta kienet irrappreżentata fis-Simpożju minn Dr Martin Balzan, President tal-Assoċjazzjoni Medika ta' Malta u Dr Adrian M. Agius President tal-Assoċjazzjoni Maltija ta' l-Otolaringoloġisti u kirurgi tar-ras u tal-għonq. Is-Simpożju ta’ Malta EUFOREA ġie indirizzat ukoll mill-Onor. Dr Joseph Muscat Prim Ministru ta' Malta, l-Onor Dr. Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni, l-Onor Dr Chris Fearne Viċi Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa u l-Onor. Dr Maria Deguara, Kelliema tal-Oppożizzjoni għal-Anzjanità Attiva, Persuni b'Diżabilità u l-ġlieda kontra d-Dipendenzi u forom oħra ta’ Dipendenza. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ l-Onor Carmelo Abela attenda s-sessjoni tal-ftuħ. Is-Simpożju kien ippresedut b’mod konġunt mill-Onorevoli Dr Anglu Farrugia, Speaker tal-Kamra tad-Deputati u kien imxandar dirett fuq il-Kanal Televiżiv tal-Parlament. · 8 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi attenda ċ-ċerimonja fil-qabar tas-suldat mhux magħruf li jikkommemora l-74 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-Ambaxxatur Azzopardi fassal girlanda għall-okkażjoni. Kummerċjali Matul din is-sena l-Ambaxxata kompliet ukoll bil-ħidma sabiex tqiegħed isem pajjiżna f’kull fora, sabiex b’hekk tħajjar aktar negozjanti jesploraw il-vantaġġi ta’ Malta fl-oqsma tal-kummerċ u ekonomija. B’hekk aktar imprendituri bdew ifittxu aktar informazzjoni u ressqu sabiex jibdew negozju ma’ pajjiżna. Il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt : · 30 ta’ Jannar – l-Ambaxxatur Azzopardi u s-Sinjura Carabott iltaqgħu fl-Ambaxxata Maltija mas-Sur Joseph Borg, President tal- Gozo Business Chamber and Insuleur u s-Sur Michael Galea, Vici-President tal- Gozo Business Chamber . Wara skambju tas-saħħiet u l-isfidi ffaċċjati minn Għawdex, ir-rappreżentanti infurmaw li Għawdex qiegħed jippresiedi l- Insuleur u bi sforz biex jgħin lill-Kamra fil-laqgħat tagħha fi Brussell, l-Ambaxxata offriet id-disponibbiltà ta' Dar Malta biex torganizza diskussjonijiet importanti bħal dawn. · 5 - 6 ta' Frar - L-Ambaxxatur Azzopardi laqa' u akkumpanja d-delegazzjoni tal-Kummissarju Malti tal-Films, is-Sur Johann Grech waqt żjara li għamel fil-Belġju. L-Ambaxxatur introduċa lis-Sur Grech mas-Sur Dirk Timmerman bil-għan li jiffaċilita l-kuntatti u jippromwovi l-inċentivi ta’ Malta fl-industrija awdjoviżiva. · 11 ta' Frar - l-Ambaxxata organizzat laqgħa bilaterali mal-Prof Roland Gueubel dwar l-aħħar żviluppi li jikkonċernaw il-proġett B-Life. L-aġġornamenti kollha ġew trasmessi lill-Uffiċċju tas-segretarju Permanenti għall-konsiderazzjoni. · 28 ta' Frar - L-Ambaxxata organizzat l-aħħar laqgħa tagħha mal-Prof Gueubel dwar il-proġett B-Life. Din kienet l-aħħar laqgħa tat-tip peress li, fin-nuqqas ta' konferma tanġibbli biex tipproċedi bil-proġett, l-Aġenzija Spazjali Ewropea, taħt l-awspiċi li l-proġett kien se jiġi implimentat bla ħlas, iddeċidiet li tikkanċella l-iskjerament potenzjali ppjanat għall-2019 minħabba n-nuqqas ta' ħin biżżejjed biex tippjana l-iskjerament. · 29 ta' Marzu – l-Ambaxxatur Azzopardi iltaqa’ mas-Sinjura Sophie Massage kap tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi u Kummerċjali tal-Investiment għall-Fjandri, għall-Wallonja u għar-Reġjuni ta' Brussell fl-Ambaxxata Belġjana għal Malta f'Ruma. Waqt din il-laqgħa l-Ambaxxatur Azzopardi u s-Sinjura Massage iddiskutew l-iżviluppi ekonomiċi u kummerċjali bejn Malta u l-Belġju wara ż-żjara tagħha f'Malta aktar kmieni s-sena l-oħra. · 24 ta' April - L-Ambaxxatur Azzopardi għamel laqgħa mas-Sur Riad Fechkeur President tas-Soluzzjonijiet Globali ta' Red Med Group, biex jiddiskuti aktar kollaborazzjoni ekonomika u kummerċjali bejn il-Belġju, l-Alġerija u Malta. Waqt il-laqgħa s-Sur Fechkeur wiegħed li jappoġġja organizzazzjonijiet filantropiċi f'Malta. · 9 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi ltaqa' mas-Sur Jose Espartero, Maniġer Reġjonali għall-Air Malta fil-Belġju u s-Sur Wouter Soen, Maniġer tal-Bejgħ għall-Benelux biex jiddiskutu u jiskambjaw aġġornamenti dwar titjiriet tal-Air Malta KM għas-sajf tal-2019. Kulturali L-Ambaxxata Maltija fi Brussell matul is-snin organizzat bosta attivitajiet Kulturali li servew ta’ pjattaforma għall-artisti Maltin waqt li wkoll żammew ħajja l-kultura Maltija barra minn xtutna. Ħafna minn dawn l-attivitajiet ġew organizzati bil-għajnuna tal-Fond tad-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u permezz tal-għajnuna li kiseb l-Ambaxxatur Azzopardi minn diversi entitajiet oħra bħalma huma l-Kunsill Malti tal-Arti, il-MIMCOL, Transport Malta, Valletta 18 u CIDIC fil-Belġju. Matul dan il-perjodu tas-sena saru dawn l-attivitajiet:- · 14 ta' Jannar - L-Ambaxxatur Azzopardi għamel diskussjoni bit-telefon ma' Maestro Mark Agius dwar ix-xogħol ta' tħejjija għal wirja mill-kor ta' l- Ensemble tal-Kamra ta' San Pawl. · 18 ta' Jannar - Minbarra l-kontribuzzjoni mogħtija matul il-kampanja Istrina, ġew ippreżentati €150 oħra mis-Sinjura Carabott, f'isem il-komunità Maltija, lil Lt Brian Gatt, Aide-de-Camp għall-Eċċellenza Tagħha, fil-Palazz f’Attard. · 8 ta’ Frar – Id-Deputat tkellmet mal-organizzaturi tal- Brussels Jazz Brass dwar possibiltajiet sabiex tittella’ band Maltija u tippartecipa f’dan il-proġett li jsir kull sena fuq medda ta’ tmiem il-ġimgha matul l-aħħar ġimgħa ta’ Mejju. · 5 ta' Marzu - L-Ambaxxatur akkumpanjat mill-artist Alfie Gatt żar il-Gallerija tal-Arti Sablon fi Brussell bi preparazzjoni għal proposta ta' proġett kulturali ffinanzjat mill-Fond tad-Diplomazija Kulturali. · 22 ta' Marzu - L-Ambaxxatur għamel laqgħa mas-Sur Charles Vella, Assistent Kap tal-Iskola ta' San Anton, akkumpanjat minn għalliem u 3 studenti. · 27 ta' Marzu - L-Ambaxxatur Azzopardi attenda d-" Dejeuner ta' l-Ambaxxaturi" f'Circle Gaulois bil-preżenza tas-Sur Peter de Caluwe - Direttur Ġenerali ta’ La Monnaie. · 28 ta' Marzu - L-Ambaxxatur Ray Azzopardi laqa' u indirizza grupp ta’ Studenti mill-Università ta' Malta (Fakultà tal-Affarijiet Ewropej) immexxi minn Dr Robert Micallef. · 5 ta' April - L-Ambaxxata assistiet fit-tħejjijiet ta' kull xahar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fid-Dar Malta għall-komunità Maltija u ffaċilitat il-loġistika għall-korsijiet ta' preparazzjoni taż-żwieġ minn Mons. Alfred Vella. · 24 ta' April - Id-Deputat Is-Sinjura Carabott laqgħet żewġ studenti tal-Università Belġjana u wieġbet għall-mistoqsijiet tagħhom dwar il-multilingwiżmu f'Malta. · 28 ta’ April – id-Deputat żammet kuntatt ma’ Dott Laura Falzon rigward ħsieb ta’ proġett ta’ kunċert minn din il-flutista rinomata biex jittella’ fi Brussell. · 3 ta' Mejju - Id-Deputat Is-Sinjura Carabott attendiet l-anniversarju tat-twaqqif tal-Kor tas-subien prestiġjuż f'Aalst. Il-kor tas-subien u tal-irġiel fil-passat kien wettaq kunċert f'Malta. · Fit-3 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi akkumpanja u mexxa l-45 Delegat tal-EUFOREA fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann għal żjara tal-Katidral u l-Mużew. · 4 ta' Mejju - L-Ambaxxata pparteċipat fil-Festival Annwali tal-Ħobż f'Rond-Point Schuman. L-avveniment huwa organizzat fl-istess ħin meta l-Istituzzjonijiet Ewropej jiftħu l-bibien tagħhom, u jattiraw madwar 20,000 viżitatur fil-lokal. Fil-festival ta’ din is-sena, l-Ambaxxata ħejjiet ħobż b’firxa bbażata fuq it-tadam, żejt taż-żebbuġa, basal aħmar, melħ, bżar u nagħniegħ frisk filwaqt li serviet l-inbid aħmar u abjad Malti. Il-ħelu favorit tradizzjonali tal-Għid Malti, il- “figolla”, ġie servut ukoll fil-bankarella ta’ Malta. Il-viżitaturi interessati li jippjanaw il-vaganza tagħhom li jmiss fil-Gżejjer Maltin kellhom fuljetti differenti minn fejn jagħzlu skont il-gosti tagħhom biex iqattgħu vaganza orjentata lejn il-kultura jew pjuttost avventura u sport. Il-bankarella ta’ Malta irriżervat ukoll sorpriża żgħira għall-vizitaturi ċkejkna billi offritilhom figurin tal- Playmobil liebes bħala Kavallier tal-Ordni ta' San Ġwann. · 8 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi laqa' u ltaqa’ mad-Dekan u d-Direttur tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Università tan-Negozju Ingliża fi Brussell dwar oqsma possibbli ta' kollaborazzjoni. Konsolari L-Ambaxxata ta’ Malta fi Brussell isservi bħala Konsolat. Ta’ kuljum il-Konslu jirrispondi għal diversi mistoqsijiet u talbiet permezz ta’ imejls, tat-telefon u ta’ ittri uffiċjali (Notes Verbales) indirizzati lill-komunità Maltija ġewwa l-Belġju u l-Lussemburgu li tgħodd mal-elf ruħ. Ta’ min jinnota, però, li anke Maltin li jgħixu mal-fruntieri fi Franza u fil-Germanja u li għal raġunijiet ta’ distanza jippreferu jinqdew mill-Ambaxxata fi Brussell huma megħjuna mill-Ambaxxata fil-Belġju. Il-Konslu jwieġeb ukoll għat-talbiet ta’ residenti fil-Belgju u l-Lussemburgu dwar vjaġġar lejn Malta jew dwar residenza f’Malta. Fost l-iktar servizzi li jintalbu nsibu li ġejjin : Reġistrazzjoni tat-twelid 12 Reġistrazzjoni taż-¯wieġ / Divorzju 2 Applikazzjoni taċ-Ċittadinanza 3 Prokura 3 Dikjarazzjoni bil-ġurament 36 rigward l-elezzjoni bikrija tat-18 ta’ Mejju għal min ma setax ikun Malta fil-jum tal-votazzjoni jew kien se jkun rikoverat fi sptar. Applikazzjonijiet għal passaport 71 Dokumenti ta' Vjaġġar t'Emerġenza 4 Passaporti Diplomatiċi 4 Talbiet għal informazzjoni li waslu dwar rekwiżiti għal viża għal Malta. 13 Promozzjoni ta’ Malta l-Ambaxxata Maltija fi Brussell tagħmel dak kollu li huwa possibli sabiex tagħti l-aqwa promozzjoni lil pajjiżna. Naturalment irid jittieħed f’kunsiderazzjoni l-fatt illi l-fondi disponibbli huma limitati. Madanakollu naħdmu id f’id mal-entitajiet kollha sabiex norganizzaw bosta attivitajiet u anke nattendu oħrajn organizzati mill-kollegi, sabiex mhux biss nibnu il-kunttati tagħna iżda wkoll nippromovu lil pajjiżna f’kull qasam. · 17 ta’ Jannar - L-Ambaxxatur Azzopardi attenda t-tnedija tal-ktieb tal-awtur Taljan Castalvecchi fuq stedina tal-Ambaxxatur Taljan fil-Belġju, l-E.T. Elena Basile. · 24 ta' Jannar - L-Ambaxxatur attenda l-kunċert tal-ftuħ tal-Presidenza Rumena tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-BOZAR. · 31 ta' Jannar - Wara l-laqgħa fil-Kummissjoni Ewropea fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, f'Mejju li għadda, fejn l-Ambaxxatur Azzopardi indirizza lill-udjenza dwar il-lingwa Maltija, l-Ambaxxatur laqa' lis-Sinjura Sietske Poepjes fl-Ambaxxata ta' Malta. Is-Sinjura Sietske Poepjes hija l-President tan-Netwerk għall-Promozzjoni tad-Diversità Lingwistika (NPLD) u hija wkoll il-Ministru tal-Kultura fi Friesland, l-Olanda. · 4 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi akkumpanja u mexxa l-45 Delegat tal-EUFOREA għal ġurnata f'Għawdex. ¯aru diversi postijiet ta' interess f'Għawdex. Oħrajn · 4 ta' Frar – Id-Deputat tal-Ambaxxata iltaqgħet ma' Dott Claudio Palestini, uffiċjal tekniku tan-NATO responsabbli mill-proġetti implimentati mill-Università ta' Malta taħt il-finanzjament tal-programm Science for Peace . L-għan tal-laqgħa kien li tipprovdi informazzjoni ta' sfond dwar kif jopera l-finanzjament tal-SPS u ż-żjara ppjanata f'Malta fit-3 u l-4 ta' April 2019 mal-partijiet interessati mill-Università ta' Malta. · 8 ta' Frar - Deputat attenda l-laqgħa ta' informazzjoni tal-WEP6 u ltaqa' mas-Sinjura Lisa Greig, Uffiċjal tal-Komunikazzjoni fid-Delegazzjoni tar-Renju Unit għan-NATO. Il-Kummissjoni Għolja tar-Renju Unit isservi bħala punt ta’ kuntatt għal Malta. · 8 ta' Frar - L-Ambaxxata għenet fit-tħejjijiet ta' kull xahar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa Mqaddsa f’Dar Malta għall-komunità Maltija. Il-Quddiesa Mqaddsa ġiet iċċelebrata minn Mons. Alfred Vella. · 25 ta' Frar – Id-Deputat u l-Maġġur Joseph Spiteri, Deputat Rappreżentant Militari attenda l-laqgħa informali PSC-NAC, li jġib flimkien il-PSC tal-UE u l-Kunsill u l-Imsieħba tal-Atlantiku tat-Tramuntana tan-NATO. · 28 ta' Frar - Deputat attenda r-Riċeviment ta' Adieu tal-Ambaxxatur tal-Isvizzera għan-NATO. · 13 ta' Marzu - L-Ambaxxatur Azzopardi u s-Sinjura Carabott kellhom laqgħa fl-Ambaxxata mas-Sinjura Sophie Briquetti, uffiċjal tan-NATO għal Malta. · 15 ta' Marzu - L-Ambaxxata għenet fit-tħejjijiet ta' kull xahar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa f'Dar Malta għall-komunità Maltija. Mons Alfred Vella ċċelebra l-Quddiesa. · 20 ta' Marzu - L-Ambaxxatur Azzopardi ffirma l-ktieb ta' kondoljanzi fl-Ambaxxata ta' New Zealand wara l-attakki ta' Christchurch. · 20 ta' Marzu - Laqgħa ta' segwitu mas-Sinjura Sophie Briquetti fl-Ambaxxata ta' Malta. · 5 ta' April - L-Ambaxxata assistiet fit-tħejjijiet ta' kull xahar għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa f’Dar Malta għall-komunità Maltija u ffaċilitat il-loġistika għall-korsijiet ta' preparazzjoni taż-żwieġ minn Mons. Alfred Vella. · 12 ta' April - Id-Deputat Is-Sinjura Carabott attenda l-laqgħa tal-WEP 6. · 26 ta' April - L-Ambaxxatur Azzopardi ffirma l-Ktieb ta' Kondoljanzi fl-Ambaxxata tas-Sri Lanka wara l-attakki terroristiċi. · 2 ta' Mejju - Id-Deputat Kap tal-Ambaxxata, is-Sinjura Carabott attendiet l-laqgħa tal-WEP 6. · 8 ta' Mejju - L-Ambaxxatur Azzopardi ffirma l-Ktieb taċ-Ċelebrazzjoni fl-Ambaxxata tal-Ġappun fl-okkażjoni tal-Inkurunazzjoni tal-eredi tat-Tron fil-Ġappun, l-Altezza Rjali l-Imperatur Eredi tat-Tron Naruhito.

Ambaxxata f’The Hague — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa The Hague?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din ijja l-ħidma li saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa The Hague. Bilaterali · ¯jara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Olandiż Stef Blok f’Malta 9-10 ta’ Jannar, 2019. · ¯jara ta’ Uffiċjali Għolja tal-MCAST (Kulleġġ Marittimu) fl-Olanda (24-27 ta’Frar) bil-għan li jiġu stabbiliti kuntatti bejn l-MCAST u Kulleġġi Olandiżi impenjati fl-istess oqsma. · Ħidma biex jiġi stabbilit arranġament reċiproku tas-sossten mal-Olanda għall- kandidatura ta’ Malta fl-IMO (International Maritime Organisation). · Laqgħat ma’ Uffiċjali Għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Olandiż dwar il- kandidatura ta’ Malta għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda 2023/2024. · Sensiela ta’ laqgħat ma’ diversi Membri tal-Gvern u Uffiċjali Għolja fl-amministrazzjoni nazzjonali u reġjonali Olandiża (eż. Tweente, Noordoostpolder ) kif ukoll fl-organizzazzjonijiet Internazzjonali stabbiliti f’The Hague. · Parteċipazzjoni tal-Ambaxxata fil-kungressi tal-partiti politiċi Olandiżi. · Preżentazzjoni tal-Kredenzjali lir-Reġina Margrethe tad-Danimarka mill-Ambaxxatrici Marlene Bonnici (Marzu 2019). · «Monitoring» tal-medja Olandiża u Daniża. · Parteċipazzjoni f’diversi avvenimenti kulturali, ekonomiċi, politic u diplomatiċi organizzati minn entitajiet u Ministeri Olandiżi u mill-korp diplomatiku f’The Hague bħala parti mill-ħidma diplomatika ta rutina. Kummerċjali · ¯jara f’Emmeloord u l-inħawi fil-qrib biex ikomplu jissaħħu l-kuntatti mal-kumpaniji li jimportaw il-patata minn Malta. · Għajnuna lill-kumpaniji Maltin biex jesportaw lejn / isibu suq fl-Olanda. · Kuntatti ma’ Uffiċjali fl-ajruport ta’ Schiphol bil-għan li jiżdiedu « landing slots » għall-Air Malta. Kulturali · Kuntatti mar- Rijksmuseum van Oudheden fil-Belt ta’ Leiden bil-għan li ssir wirja tal-monumenti pre-istoriċi Maltin fl-istess Mużew fis-sajf 2021. Dawn il-kuntatti ssarfu fi’ żjara ta’Uffiċjali Għolja tal-Mużew Olandiż f’Malta fejn saru laqgħat mal-Heritage Malta (Marzu 2019) kif ukoll fi żjara ta’ Uffiċjali Għolja tal-Heritage Malta f’Leiden (Ġunju 2019) bħala parti mill-preparamenti għall-wirja. · Stabbiliti kuntatti mad-diriġenti tal-Orkestra taż-¯għażagħ ta’ Almere (Frar 2019) bil-għan li jsiru skambji bejn l-Orkestra Olandiża u dik Maltija. L-ewwel skambju mistenni jsir fis-sajf 2020. · Parteċipazzjoni tal-Ambaxxata f’seminars għal studenti tal-Akkademja tal-Liġi Internazzjonali (li tinsab f’The Hague). · Parteċipazzjoni tal-Ambaxxata fis-sessjoni THIMUN 2019 · Parteċipazzjoni fil-laqgħat u attivitajiet tal-EUNIC Konsolari · Ħidma biex jiġi identifikat Konslu Onorarju ġdid għar-reġjuni ta’ « North Brabant ; Zeeland, Limburg u Utrecht »fl-Olanda kif ukoll ieħor fir-reġjun ta’ Zeeland (Copenhagen) fid-Danimarka. · Kuntatt kontinwu mal-Awtoritajiet Olandiżi waqt l-attakk terroristiku li sar f’Utrecht f’Marzu, 2019, biex jiġi stabbilit kienx hemm ċittadini Maltin li nqabdu fl-attakk. · Informazzjoni dwar visas, passaporti, ċittadinanza. Tiġdid ta’ numru ta’ passaporti. Maħruġa numru ta’ passaporti ta’ emerġenza . · Għajnuna lil ċittadini Maltin fl-Olanda u d-Danimarka . Promozzjoni ta’ Malta · Parteċipazzjoni ta’ membri tal-Ambaxxata fil-fiera tat-turiżmu Vakantiebeurs f’Utrecht, Jannar, 2019. · ¯jarat f’kumpaniji, istituti edukattivi u aġenziji li huma responsabbli mill-investiment u l-kummerċ fl-Olanda bil-għan li ssir promozzjoni ta’ Malta bħala pajjiż attraenti għall-investiment. Oħrajn Multilaterali: OPCW · Parteċipazzjoni ta’ Malta fil-laqgħat regolari ta’ koordinament (WEOG u EU) dwar ix-xogħol fl-OPCW · Parteċipazzjoni fil-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW (fejn Malta ilha Membru Elett mis-sajf tal-2018) EC-M-62 f’ Jannar 2019; EC-M-63 fi Frar 2019; EC-90 f’Marzu; ICC · l-Ambaxxatriċi Bonnici maħtura bħala “facilitator” tal-baġit tal-Qorti għas-sena 2020. Diversi laqgħat ma’ Uffiċjali Għolja tad-diversi Organi tal-Qorti biex jitmexxew id-diskussjonijiet tal-baġit. · Parteċipazzjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat tal-Baġit (April) · Parteċipazzjoni regolari fil-Grupp ta’ Ħidma li jiltaqa’ f’The Hague. HCCH · Laqgħat informali tal-baġit (Jannar 2019) · Parteċipazzjoni fil-Kunsill Ġenerali tal- HCCH 5-8 Marzu, 2019. · Preparamenti għal-laqgħat li ser isiru f’The Hague f’Ġunju dwar il-“ Judgements Project ”. · ICMP · Diversi laqgħat mal-Uffiċjali tal-ICMP f’The Hague dwar il-proġett ta’ kooperazzjoni bejn diversi pajjiżi tal-Mediterran “ Missing Persons”. Planetary Security Initiative · Parteċipazzjoni tal-Ambaxxata fil-laqgħa li saret f’The Hague fi Frar 2019. EU · Parteċipazzjoni fil-laqgħat HOMs u laqgħat oħra organizzati mill-Presidenza tal-UE (l-Ambaxxata Rumena) f’The Hague kif ukoll mir-Rappreżentanza tal-UE fl-Olanda. · Kuntatti ma’ uffiċjali Olandiżi dwar pożizzjonijiet ta’ Malta f’diversi oqsma fosthom l-immigrazzjoni . · Partiċipazzjoni tal-briefing tal-Gvern Olandiż qabel il-Kunsilli ta’ kull xahar tal-FAC, GAC u ECOFIN u l-laqgħat tal-JHA u EUCO. · Laqgħat ma’ Uffiċjali tal-Europol u Eurojust.

Binja — ġrieden

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi ttieħdu sabiex jiġu eliminati numru sew ta' ġrieden fil-każ ta’ dar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li jidher li dawn qed jidħlu fl-imsemmija dar mill-katusi pubbliċi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infestazzjoni ta’ ġrieden fid-dar imsemmija hawn fuq ġie investigat minn uffiċjal tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Peress li ma setax jinstab is-sid tal-fond kienu wkoll saru spezzjonijiet wara l-ħin tax-xogħol. Intant wara diversi tentattivi nstab is-sid tal-fond u saret l-ispezzjoni neċessarja fejn dan l-ilment ma ġiex ikkonfermat. Madankollu u bħala prekawzjoni xorta sar trattament għal kontra l-ġrieden kemm fil-fond indikat kif ukoll fil-madwar.

In work benefit — persuni li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10299 u jgħid kemm hemm persuni li bbenefikaw mill-hekk imsejħa in-work benefit tul is-sena 2018 u tul din is-sena sal-aħħar ta’ April 2019? Jista' jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2018, l-ammont ta’ persuni li bbenefikaw mill-benefiċċju In-work Benefit kien ta’ 4,463 persuna. Minn dawn kien hemm, 1,540 mara u 2,923 raġel. In-numru ta’ benefiċjarji għas-sena 2019, sal-aħħar ta’ Mejju 2019, kien jammonta għal 3,940 li minnhom 1,417 kienu nisa u 2,523 kienu rġiel.

Persuni li applikaw għal għajnuna soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10298 u jgħid kemm hemm persuni li applikaw sabiex jingħataw l-għajnuna soċjali tul is-sena li għaddiet 2018 u kemm s'issa fis-sena 2019? Kemm persuni ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju fl-istess żmien?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul il-perjodu msemmi kien hemm dawn l-applikazzjonijiet ; Għajnuna Soċjali Talbiet 2018 Jannar - Mejju 2019 SA 652 198 SUP 256 85 DAD 40 18 SUA 317 79 UA 537 150 Total 1,802 530 Il-persuni li ma baqgħux jirċievu dan il-benefiċċju fl-istess perjodu, kien kif ġej ; Għajnuna Soċjali Talbiet Imwaqqfa 2018 Jannar - Mejju 2019 SA 1,058 530 SUP 531 268 DAD 54 15 SUA 625 317 UA 592 242 Total 2,860 1,372

Presidenza — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10293 u jgħid għal liema laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea huwa previst li se jattendi fit-tieni sitt xhur ta' din is-sena tul il-Presidenza l-ġdida li ġejja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-segwenti huma d-dati li huma previsti għal laqgħat barra minn pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea skont il-kalendarju provisorju tal-Presidenza li jmiss tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – ċjoè l-Presidenza Fillandiża: · 18 -19 ta' Lulju 2019: Kunsill informali tal-Ġustizzja u l-Intern; · 7 - 8 t'Ottubru 2019: Kunsill formali tal-Ġustizzja u l-Intern; · 21 ta' Novembru 2019: Kunsill formali tal-Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport; u · 2 - 3 ta' Dicembru 2019: Kunsill formali tal-Ġustizzja u l-Intern. Importanti li jingħad li dawn id-dati huma biss provviżorji u allura soġġetti għal tibdil. Importanti wkoll li jiġi emfasiżżat il-fatt illi huwa possibbli li apparti dawn il-laqgħat hawn fuq imsemmija, jiġu kkonvokati laqgħat oħra ta’ livell Ministerjali id-dati u s-suġġeti ta’ liema jkunu kkomunikati lid-delegazzjonijiet matul il-Presidenza Fillandiża nnifisha.

Ix-Xgħajra – Manutenzjoni tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jara li jkun hemm manutenzjoni tax-Xatt tax-Xgħajra, iktar issa li ġej is-sajf, peress li hemm bankijiet mhux miżbugħa u ħadid li daħal is-sadid għalih?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ambaxxata fiċ-Ċina — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Beijing iċ-Ċina?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant bil-ħidma attiva tal-Ambaxxata tagħna ġewwa Beijing iċ-Ċina fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena. Bilaterali Fil-bidu tal-2019, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing mhux biss kienet akkreditata għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda akkreditata wkoll għar-Repubblika tal-Mongolja, għar-Repubblika tal-Filippini kif ukoll għar-Renju tal-Kambodja. Fis-16 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur-Residenti f’Beijing ippreżenta l-kredenzjali lill-Eċċellenza Tiegħu Nguyen Phu Trong, President tar-Repubblika tal-Vjetnam. Minkejja li dawn il-pajjiżi jikkonsistu parti kbira mill-Asja, Malta tgawdi relazzjonijiet diplomatiċi eċċellenti magħhom kollha, u xhieda ta’ dan hija ż-żieda fl-attivita` kummerċjali, speċjalment maċ-Ċina u l-Filippini, kif ukoll mal-Vjetnam. Fl-24 ta’ Jannar 2019, f’ċerimonja fejn attendew iktar minn 1000 persuna, l-Ambaxxatur ta’ Malta għaċ-Ċina ġie onorat bi preżentazzjoni tas-Super Ambassador’s Award mis-Silk Road Spring Festival Committee. Fil-31 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur attenda riċeviment tas-Sena l-Ġdida fl-iState Guesthouse ospitat mill-Eċċellenza Tiegħu Wang Yi, Kunsillier tal-iStat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina. Fuq stedina mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Ambaxxatur ta’ Malta attenda diversi okkażjonijiet, li inkludew promozzjonijiet fil-Provinċja ta’ Shanxi u l-belt ta’ Tianjin. L-Ambaxxatur ta’ Malta jorganizza laqgħat kull tliet xhur mad-Dipartiment tal-Affarijiet Ewropej sabiex jassigura li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina ikompli jaħdem fuq ir-rikjesti ta’ Malta. L-aħħar laqgħa saret fit-28 ta’ Jannar 2019. Fost affarijiet diskussi, kien hemm segwitu fuq Memorandum ta’ Ftehim rigward One Belt One Road iffirmat fis-6 ta’ Novembru 2018, kif ukoll progress fuq l-iffirmar propost ta’ Ftehim dwar Programm Kulturali mill-2019 sal-2023. Fl-aħħar ta’ Marzu, l-Ambaxxatur irrappreżenta lil Malta fil-Forum Annwali BOAO, li sar fil-gżira ta’ Hainan fin-nofsinhar taċ-Ċina. Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, l-Ambaxxatur għamel emfasi fuq l-andament tajjeb ħafna tal-ekonomija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, kif ukoll iż-żieda li seħħet fil-kummerċ bejn Malta u ċ-Ċina, speċjalment fejn jidħol investiment fis-settur tal-enerġija mill-kumpanija Shanghai Electric Power Co. Ltd. (SEP), kif ukoll l-istabbiliment ta’ Shanghai Electric Power (Malta Holdings) Ltd. f’Malta. Bejn l-24 u s-27 ta’ April 2019, saret it-tieni laqgħa tal-Belt and Road Initiative (BRI) f’Beijing. F’din il-laqgħa importanti, Malta kienet irrappreżentata mill-Onorevoli Joe Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u Maniġġjar tal-Ilma. Il-Ministru Mizzi attenda ċ-Ċerimonja tal-Inawgurar tal-Belt and Road Energy Partnership u għamel l-Indirizz Ewlieni għall-Konferenza dwar l-Enerġija tal-BRI. Wara d-diskors ewlieni tiegħu, il-Ministru Mizzi ffirma Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mal-SEP, li jirrikonoxxi wkoll iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn Malta u l-SEP li se tara investiment fil-provvista ta' enerġija fil-Montenegro permezz tal-bini ta' turbini tar-riħ. Kummerċjali Flimkien mat-tkabbir kostanti tal-applikazzjonijiet għall-VISA mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing rat ukoll tkabbir mgħaġġel fl-applikazzjonijiet għall-VISA mill-Filippini. Barra minn hekk, bl-approvazzjoni tas-Central VISA Unit ta’ Malta (CVU), numru sinjifikanti ta’ atturi ġodda bħall-Vjetnam, it-Tajlandja u l-Indoneżja daħlu fix-xena. Il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet mill-Filippini inkludew permessi tax-xogħol li jirriflettu t-tkabbir sostanzjali tal-ħaddiema Filippini fl-industriji ta’ Malta bħal Carers, Saħħa, and Ospitalita`. Is-CVU approvat applikanti minn nazzjonijiet oħra li kienu jikkonsistu l-aktar minn applikanti għal studenti fit-tul li jeħtieġu Vizi D-National. In-numru ta’applikazzjonijiet għal VISA minn dawn in-nazzjonijiet kollha, u li ġew ipproċessati fl-Ambaxxata ta’ Beijing u l-Konsulat-Ġenerali ta’ Shanghai, kienu: iċ-Ċina 2,336, il-Filippini 798, il-Vjetnam 34, it-Tajlandja 14 u l-Indoneżja 8, li jammontaw għal 3,190. ¯ieda maġġuri fl-ammont ta' xogħol kemm tal-Ambaxxata ta' Beijing kif ukoll tal-Konsulat-Ġenerali ta' Shanghai ġejja mill-ipproċessar u x-xhieda ta' dokumenti għall-applikanti għall-Malta Residence VISA Program (MRVP) u l-Malta Individual Investor Program (MIIP). Kemm fl-Ambaxxata ta' Beijing kif ukoll fil-Konsulat-Ġenerali ta' Shanghai, it-Tlieta u l-Ħamis ta ' kull ġimgħa huma kważi totalment iddedikati għall-intervisti tal-applikanti ewlenin u d-dipendenti tagħhom, kif ukoll ix-xhieda tad-dokumenti rilevanti. Kull applikazzjoni waħda tista' tinkludi sa għaxar jew tnax-il persuna, u ssarraf f’x-xogħol li jieħu ħafna ħin. Minn Jannar sal-aħħar t'April, l-Ambaxxata ta' Beijing u l-Konsulat-Ġenerali ta ' Shanghai kienu pproċessaw 175 applikazzjoni għall-MRVP u 13-il applikazzjoni għall-MIIP. Xejra kummerċjali pjaċevoli kienet iż-żieda fin-numru t’applikazzjonijiet għall-istudenti għal bosta mill-istituzzjonijiet terzjarji ta’ Malta u l-iskejjel tal-lingwa Ingliża. L-Ambaxxatur ta’ Malta żar Shanghai biex jipparteċipa bħala Mistieden t’ Unur fil-Ftuħ Uffiċjali tal-Uffiċċju ta’ Shanghai tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM). Fiċ-Ċerimonja, l-Università ffirmat ukoll Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mal-Università Normali tal-Lvant taċ-Ċina. Attivitajiet kummerċjali oħra kienu jinkludu l-intervisti mill-Ambaxxatur ta’ Malta lil diversi persuni li jixtiequ jipproponu pjanijiet ta’ negozju għal attivitajiet kummerċjali f’Malta. Ħafna minn dawn il-persuni esprimew interess ewlieni fil-Leġiżlazzjoni ta’ Malta dwar il-Blockchain u għarfien tajjeb dwarha. Bosta minn dawn il-persuni sussegwentement attendew is-Summit ta' Blockchain li sar f'Malta fl-aħħar ta' Mejju, 2019. Ħafna persuni oħra interessati fl-investiment f'Malta waslu f'Malta wara l-organizzazzjoni tad-delegazzjonijiet lill-Prim Ministru u Ministri oħra. Fit-22 ta’ Frar 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta intervista lill-Viċi-President, lill-Maniġer Ġenerali, lill-VIP Service Manager, u lill-Eżekuttiv tal-Promozzjoni Internazzjonali tal-Grupp taċ-Ċentru tal-Kummerċ Barrani taċ-Ċina, li fis-17 ta’ Marzu żaru l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija f'Malta sabiex tippromwovi l-kummerċ bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina, u tistabbilixxi relazzjoni m'organizzazzjonijiet tan-negozju li jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw il-kummerċ u l-iskambji bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna. Fl-1 ta' Marzu, u fit-8 ta' Marzu 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta intervista diversi persuni miċ-China Communications Construction Group (Ltd) li kienu ġew mistiedna f'Malta mill-Onor. Dr. Christian Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-¯għar sabiex jipparteċipaw fil-Konferenza ta’ l-Iskambju Tekniku tal-Inġinerija Mina ta’ Ħong Kong-Zhuhai-Macao taċ-Ċina fit-13 ta’ Marzu 2019. Aktar intervisti saru mill-Ambaxxatur ta’ Malta aktar tard f'Marzu għal persuni addizzjonali mistiedna mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta' INFRASTRUCTURE MALTA biex jattendu konferenza simili li saret bejn it-22 ta’ Marzu u t-28 ta' Marzu, 2019. B'appoġġ għall-promozzjoni tat-turiżmu Ċiniż lejn Malta, l-Ambaxxatur kellu wkoll laqgħa ma' waħda mill-akbar aġenziji turistiċi taċ-Ċina, CAISSA, biex jiddiskuti l-issimplifikar tal-applikazzjonijiet għall-VISA, u biex jissolleċita l-appoġġ tal-banek ewlenin taċ-Ċina fil-forniment ta' dikjarazzjonijiet bankarji għall-applikazzjonijiet għall-VISA. Bejn it-2 ta’ April u l-4 t’April 2019, l-Ambaxxatur, fil-kapaċità tiegħu ta’ Konsulent, irrappreżenta lill-Onor Edward Scicluna fil-laqgħa ta’ kull tliet xhur tal-Bank tal-Investiment għall-Infrastruttura tal-Asja (AIIB), li minnu Malta hija waħda mill-membri inawgurali. Il-bank ra tkabbir mgħaġġel mis-57 membru oriġinali tiegħu f'Jannar 2016 għal 97 membru attwali tiegħu. Avveniment ewlieni t'interess kummerċjali li seħħ f'nofs April kienet iż-żjara f'Beijing mill-Kummissarju tal-Films ta' Malta, is-Sur Johann Grech u l-assistent tiegħu, is-Sur Daniel Camilleri. Fl-antiċipazzjoni taż-żjara tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta kien organizza numru eżawrjenti ta’ laqgħat ma’ wħud mill-aqwa atturi taċ-Ċina fl-industrija tal-Films u t-TV. Fost oħrajn, dawk inklużi kienu rappreżentanti minn CCTV-6 Movie Channel, ir-Rapport Dinji tal-Films, CKF Pictures, il-Kumpanija Leġġendi ta' Ħames Stilel Sky Golden Harvest Company, u Culture Investment Holding Co. Ltd, li hija subordinata tal-istat ta' Beijing Culture Investiment u Development Co, Ltd. Minn dakinhar kien hemm korrispondenza ta' segwitu minn numru ta' dawk il-kumpaniji. Il-bosta attivitajiet ta’ Shanghai Electric Power f’Malta wasslu għal ħtieġa ta’ ħafna delegazzjonijiet ta’ staff amministrattiv u tekniku anzjan biex iżuru Malta. Fit-18 ta’ Frar, fil-5 ta’ Marzu, fl-20 ta’ Marzu u fit-8 ta’ April, 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta intervista lil bosta minn dawn il-persuni li waslu Malta f’diversi delegazzjonijiet fit-22 ta’ Frar, fil-15 ta’ Marzu, fid-29 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Mejju, 2019. Akkademiċi minn diversi universitajiet fiċ-Ċina ppreżentaw karti f'għadd ta' konferenzi li saru f'Malta. L-Ambaxxatur ta’ Malta ltaqa’ ma’ letturi mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Hubei, id-Dekan u numru ta’ professuri mill-Università tax-Xlokk, kif ukoll riċerkatur assoċjat mis-Servizz Nazzjonali tad-Dejta u l-Informazzjoni Marittima, iċ-Ċina. Kultura Bla dubju l-aktar avveniment kulturali importanti matul l-ewwel erba' xhur tal-2019 kien il-Festival tal-Gourmet Malti li sar fil-Lukanda Minzu, lukanda ta’ fama dinjija. Il-festival, li nfetaħ uffiċjalment b'Konferenza tal-Midja mill-Ambaxxatur Malti fl-20 ta' Marzu, 2019, sar kull jum għall-kolazzjon, l-ikla ta' nofsinhar u l-pranzu sal-31 ta' Marzu, 2019. Ħames koki prominenti minn Malta attendew il-festival u ġew imsajra ikliet għall-kapaċità tal-folol f'kull ikla. Fid-29 ta' Marzu, 2019, sar Pranzu Gala li għalih attendew diversi persuni prominenti mill-gvern Ċiniż, NGOs, kumpaniji tal-istat u CAISSA, kumpanija ewlenija tat-turiżmu. Il-Festival tal-Malta Gourmet sar permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib tal-Assoċjazzjoni Maltija taċ-Ċina għall-Ħbiberija, il-Minzu Hotel, l-Assoċjazzjoni tal-Ħbiberija Popolari ta' Beijing ma' Pajjiżi Barranin, l-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing, u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Xejra pjaċevoli fir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina kienet it-tkabbir fin-numru ta’attivitajiet u skambji kulturali. Dawn il-biċċa l-kbira ġew iġġenerati mill-istaff tal-ħaddiema taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f'Malta li jinteraġixxi tajjeb ħafna mal-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing. Fl-aħħar ta' Diċembru 2018, 43 membru tal-Ballet ta' Guangzhou ġew f'Malta għal numru ta' wirjiet. Fl-10 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta f'Beijing intervista lid-Direttur u 14-il membru tal-Fujian Quanzhou Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli Ċentru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li żar Malta fis-17 ta' Jannar 2019, biex jagħmel numru ta' prestazzjonijiet fuq perjodu ta’ ħamest ijiem. Fil-21 ta' Jannar 2019, l-Ambaxxatur intervista seba' persuni sponsorjati mid-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu tar-Reġjun Awtonomu ta’ Guangxi Zhuang li attendew il-Forum tat-Turiżmu tal-Mediterran u l-Wirja tal-Kultura u t-Turiżmu ta' Guangxi li saret fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina fil-Belt Valletta. Fil-21 ta' Frar, 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta intervista wkoll artist Ċiniż prominenti li kellu Wirja Solo f'Malta mit-3 ta' Marzu, 2019. Fid-19 ta' Marzu, 2019, saret ukoll intervista addizzjonali fl-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing ma' artist prominenti ieħor. L-Ambaxxatur ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu attendew ukoll numru ta’ wirjiet kulturali inkluż id-Dance Folk Rumen, Prestazzjoni tal-Opra ta’ Peking organizzata mill-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu taċ-Ċina, il-Ballu Irlandiż ta’ San Patrizju, u l-24 Edizzjoni tax-Xahar tal-Frankofonija. Attività li saret karatteristika regolari fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing hija l-istedina mill-Ambaxxatur ta’ Malta lil studenti minn xi skejjel prominenti fiċ-Ċina biex jipparteċipaw f’diversi attivitajiet fl-Ambaxxata. Fil-passat, dawn inkludew dibattiti, qari tal-poeżija, kanzunetti u żfin, kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ diskorsi mill-istudenti. Avveniment bħal dan sar fl-24 ta’ Jannar, 2019, organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Ambaxxaturi Kulturali ¯għażagħ Ċiniżi u Barranin. Konsolari L-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing hija wkoll responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Konsulat Ġenerali ta’ Shanghai, fejn minbarra l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-VISA u l-intervisti tal-MRVP u l-MIIP, ħafna attivitajiet jimxu b'mod parallel mal-attivitajiet fl-Ambaxxata. Dawn jinkludu attivitajiet bħall-attendenza għal laqgħat tal-Heads of Missions (HOMS), l-Akkoljenza f'Jum Nazzjonali, l-iffirmar tal-Kotba ta' Kondoljanzi, eċċ. L-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing hija assistita fil-ħidma tagħha mill-Konslu Onorarju f'Manila, li din is-sena jiċċelebra 30 sena f'dan ir-rwol volontarju, u l-Konslu Onorarju fil-Mongolja li għadu kif ġie maħtur. Mill-Preżentazzjoni tal-Ittri ta' Kredenzjali fis-16 ta' Jannar, 2019, l-Ambaxxata ta' Malta kellha wkoll l-assistenza eċċellenti tal-Konslu Onorarju fil-Vjetnam, li diġà pprovda appoġġ qawwi lid-delegazzjonijiet tal-kummerċ li jżuru l-pajjiż u għall-organizzazzjoni ta' adozzjonijiet barranin mill-Vjetnam minn familji Maltin. Wara bosta xhur ta' negozjati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina issa approva wkoll l-għoti ta' l-Exequatur lill-Konslu Onorarju għal Malta f'Hong Kong li għadha kif ġiet maħtura. Promozzjoni ta' Malta Għalkemm ħafna minn dawn diġà ġew koperti fit-taqsimiet kummerċjali u kulturali, saru numru ta' attivitajiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' Malta f'ħafna partijiet taċ-Ċina barra minn Beijing. Dawn inkludew żjarat mill-Ambaxxatur ta’ Malta fuq diversi weekends sabiex jippreżenta diskorsi li jippromwovu lil Malta lil udjenzi li jvarjaw minn 100 sa 500 persuna. Diskorsi bħal dawn ġew ippreżentati f'Xian, Guangzhou, Shanghai, Shenzhen, Shenyang u Chengdu. Dawn il-preżentazzjonijiet ġeneralment kienu akkumpanjati minn intervisti tal-medja għall-Istampa u t-TV. L-Ambaxxatur ta' Malta akkumpanja wkoll delegazzjoni kummerċjali minn Malta għall-Vjetnam u għamel diskorsi ewlenin fil-promozzjonijiet f'Hanoi u Ho Chi Min City. F'Beijing, l-Ambaxxatur ta' Malta kellu intervista maġġuri mal-Programm tat-TV onlajn tas-CCTV u tkellem fi promozzjoni maġġuri tat-turiżmu matul il-Festival tar-Rebbiegħa Ċiniża. Kwistjonijiet Oħra Dawn inkludew l-attivitajiet tas-soltu bħalma huma li l-Ambaxxatur ta’ Malta jirċievi Sejħa tal-Korteżija mill-Ambaxxatur li għadu kemm ġie maħtur mill-Ġorġja, u jattendi ikliet ospitati minn Ambaxxaturi oħra bħal Spanja, l-UAE u l-USA. Riċevimenti tal- Jum Nazzjonali li attendew l-Ambaxxatur ta' Malta u s-Sinjura tiegħu kienu l-Indja, il-Kuwajt, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Bangladexx, u l-Ġurnata tar-Re tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ġew iffirmati kotba ta’ kondoljanzi għall-Polonja, New Zealand, il-Peru, is-Sri Lanka u l-Lussemburgu. L-Ambaxxatur ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu attendew ukoll ANZAC Day Dawn Memorial Service fl-Ambaxxata ta’ New Zealand, u ppreżentaw bukkett fjuri f’isem Malta.

Ambaxxata f’Berlin — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Berlin?

Response (ABELA, CARMELO)

Bilaterali Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena (2019), l-Ambaxxata Maltija f’Berlin inizjat u/jew ikkordinat numru ta’ żjarat u laqgħat fil-Ġermanja li kienu jinvolvu Ministri u Segretarju Parlamentari, kif ukoll żjarat f’Malta minn Ministru tal-Gvern Ġermaniz u minn deputat mill-Bundestag. Għall-ewwel darba, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-Konferenza dwar is-Sigurta’ li ssir kull sena fi Frar fil-belt ta’ Munich, il-“Munich Secuity Conference”. L-Ambaxxata ħadet ħsieb li l-Ministru Carmelo Abela jiġi mistieden u ħejjiet il-parteċipazzjoni tiegħu f’diversi sessjonijiet li saru matul il-Konferenza fejn huwa għamel numru ta’ interventi. Il-Ministru kellu wkoll taħdidiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja, li miegħu iffirma Memorandum ta’ Ftehim, filwaqt li laqgħat bilaterali oħrajn saru mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Oman u tas-Sudan. Matul il-konferenza (15-17.2.2019) il-Ministru kellu wkoll numru ta’ laqgħat ma’ Ministri u rappreżentanti għoljin mill-Ġermanja u minn pajjiżi ohra. L-Ambaxxatur akkompanja lill-Ministru waqt il-programm u l-laqgħat. Fl-okkażjoni tal-Fiera tat-Turiżmu ITB li ssir kull sena f’Marzu f’Berlin, l-ikbar waħda tal-ġeneru tagħha fid-dinja u li fiha Malta tieħu sehem permezz ta’ “stand” u delegazzjonijiet mill-MTA, l-Air Malta, l-MIA u numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti minn ditti privati, l-Ambaxxata organizzat – f’isem l-MTA – riċeviment għal madwar 100 ruħ mis-settur turistiku u tal-ivvjaġġar, ġurnalisti u rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet u ditti involuti fis-settur. L-istedina għal dan ir-riċeviment ħarġet, mill-Ambaxxatur u miċ-Chairman tal-MTA, li ndirizzaw lill-mistednin fil-bidu tar-riċeviment. It-turiżmu mill-Ġermanja lejn Malta żdied kull sena matul dawn l-aħħar snin. Apparti mill-ITB, l-Ambaxxata tagħti s-sostenn tagħha billi regolarment torganizza attivitajiet li juru l-attrazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex, eż. l-“Europa Lounge” f’Berlin li fih ser tieħu sehem l-Ambaxxata (ara isfel fis-sezzjoni “Promozzjoni ta’ Malta”). Fiera oħra importanti li ssir kull sena ġewwa Berlin f’Jannar hija l-‘Green Week’. Barra l-esibizzjoni ta’ prodotti agrikoli, matul il-Fiera jiġu organizzati numru ta’ seminars u laqgħat kif ukoll konferenza li fiha jieħdu sehem Ministri tal-Agrikoltura minn madwar id-dinja. L-Ambaxxata ħadet ħsieb it-tħejjijiet li saru għall-parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri u għenet matul iż-żjara tiegħu f’Berlin. L-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata Sephora Gauci akkompanjat lis-Segretarju Parlamentari. F’April, il-Ministru Joe Mizzi ħa sehem fil-konferenza Energy Transition Dialogue: New Horizons li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Berlin. L-Ambaxxata ikkordinat iż-żjara tal-Ministru filwaqt li l-Ambaxxatur akkompanjah fit-taħdidiet li huwa kellu mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru Federali għall-Ekonomija u l-Enerġija, Thomas Bareiss. L-Ambaxxata origanizzat iż-żjara f’Malta tad-deputat tal-Bundestag Dr. Christoph Ploss (CDU), li huwa r-‘rapporteur’ fuq Malta fil-Kumitat tal-Bundestag għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u membru fil-Kumitat tal-Bundestag għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali. L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ Dr. Ploss darbtejn qabel dan ġie Malta. Waqt li kien Malta, Dr. Ploss iltaqa’, fost l-oħrajn, mal-Ministru l-Professur Edward Scicluna, mas-Segretarju Parlamentari Dr. Aaron Farrugia, ma’ rappreżentanti mill-MFTP, mal-Professur Stephen Calleja u Dr. Monika Wohlfeld mill-MEDAC. Fit-18 ta’ Jannar l-Ambaxxatur kellu laqgħa twila mal-membri tal-Bundestag li jiffurmaw parti mill-grupp ‘Seenotrettung’ (Sea Rescue) dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti fil-Mediterran. F’dan il-grupp hemm rappreżentati l-partiti kollha fil-Bundestag barra l-partit AfD. Il-grupp huwa mmexxi mid-deputat president (deputy speaker) tal-Bundestag, Claudia Roth. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-possibilta’ li s-Sinjura Roth u l-membri tal-grupp jiġu Malta biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha Malta u biex jaraw kif Malta tista’ tigi mgħejuna. Kull darba li l-AFM kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ refuġjati jew migranti, l-Ambaxxata bgħatet l-informazzjoni rispettiva lill-media, lill-Uffiċċju tal-President Ġermaniz, lill-Uffiċċju tal-Kanċillier, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u diversi għaqdiet u persuni li jikkuntattjaw l-Ambaxxata dwar dan is-suġġett. Dan biex nagħmluha ċara li, f’dan il-qasam, kontra dak li kultant jiġi rrappurtat, Malta mhux biss dejjem wettqet l-obbligi tagħha iżda wkoll marret oltre. B’riżultat tal-inizjattivi tal-Ambaxxata, il-media Ġermaniża diversi drabi tat prominenza lix-xogħol tal-AFM. Kull sena ir-reġjun ta’ Ahrweiler, viċin ta’ Bonn, jorganizza programm kbir ta’ attivitajiet mifrux fuq diversi gimgħat imsejjaħ “Ahrweiler Freiheitswochen” (Il-Ġimghat tal-Liberta ta’ Ahrweiler). Is-suġġett din id-darba kien il-Futur tal-Ewropa. Il-programm ta’ din is-sena sar taħt il-patruċinju tal-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja li fetaħ il-programm uffiċjalment waqt ċerimonja fl-14 ta’ Marzu fil-belt ta’ Remagen. B’hekk Malta ingħatat pubbliċita’ bi prominenza fil-media. L-Ambaxxatur kien mistieden iżur ir-reġjun fejn ta tlett taħdidiet, wieġeb domandi u kellu laqgħat ma’ diversi persuni distinti li kienu preżenti għad-diskorsi tiegħu, fosthom deputati mill-parlament tal-istat federali ta’ Rheinland-Pfalz (Rhineland Palatinate – belt kapitali Mainz) u s-Sinjura Barbara Genscher, l-armla tal-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Hans-Dietrich Genscher. Huwa kellu wkoll laqgħa ma’ grupp kbir ta’ studenti minn tlett kulleġġi fir-reġjun li magħhom iddiskuta r-rwol ta’ Malta fl-Ewropa, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-qagħda soċjali fil-pajjiż. Fuq din il-laqgħa kien hemm rapporti estensivi fil-media. L-Ambaxxatur kien involut f’taħdidiet li bdew fl-2018 u issiktaw fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja kif ukoll ma’ persuni mis-settur akkademiku sabiex il-Gvern Ġermaniz ikompli jiffinanzja il-katedra Ġermaniża fil-MEDAC (“German Chair in Peace Studies and Conflict Prevention”). Wara diversi sinjali li dan kien ser iseħħ, f’April waslet il-konferma uffiċjali li l-Ġermanja ser tkompli tiffinanzja din il-katedra għal sentejn oħra. Qed isiru kuntatti biex l-għajnuna Ġermaniża tissokta wara li jiġi fi tmiemu il-ftehim preżenti fl-2021. Matul April saru preparamenti għaż-żjara f’Malta tal-Ministru Ġermaniż Hubertus Heil, il-Ministru fil-Gvern Federali għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, li seħħet f’Mejju. F’Malta, il-Ministru Heil kellu taħdidiet uffiċjali u żar kumpaniji Ġermaniżi li joperaw f’Malta. Saru wkoll il-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ambaxxatriċi Prof. Simone Borg fil-Climate & Security Conference f’Berlin. Fil-fatt, il-konferenza saret f’Ġunju u fiha hadu sehem il-Ministru u l-Ambaxxatriċi. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din il-konferenza seħħet wara li l-Ambaxxata ħadet ħsieb takkwista stedina ufficjali. L-Ambaxxata għenet ukoll fit-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju 2019 “Charlemagne Prize 2019” li saret fil-belt ta’ Aachen. Waqt l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata kompliet tosserva l-iżviluppi politiċi fil-Ġermanja, kemm dawk domestiċi kif wkoll dawk li jirrigwardjaw il-politika barranija tal-pajjiż u rrappurtat dwarhom lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Kuljum, bħal ma tagħmel regolarment, l-Ambaxxata bagħtet Malta rapporti dwar artikli li jidhru fil-media Ġermaniża, u darba fil-ġimgħa bagħtet rapport iktar estensiv b’sezzjoni fuq Malta kif issemmiet fil-media Ġermaniża. Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena intbagħtu wkoll, bħal ma jiġri regolarment, traduzzjonijiet ta’ artikli li kellhom x’jaqsmu ma’ Malta. L-istaff tal-Ambaxxata ħa sehem u rrapporta fuq diversi konferenzi u seminars ta’ interess kif ukoll ‘briefings’ li saru fil-Ministeri Ġermaniżi qabel/wara il-laqgħat Ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħal FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council), ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council), AGRIFISH (Agriculture and Fisheries) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Barra minn hekk, membri mill-Ambaxxata attendew ukoll ċerti debriefings li saru wara laqgħat li kellhom il-kanċillier jew Ministri tal-Gvern Federali ma’ interlokuturi minn pajjiżi oħra. L-Ambaxxatur kien preżenti f’attivitajiet li saru f’Berlin li jikkonċernaw l-UE, speċjalment, fil-każ ta’ l-ewwel xhur tas-sena, dwar il-presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu il-preżentazzjoni tal-Programm Rumen għall-Presidenza u diskussjoni li saru fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Berlin, il-“working lunches” mogħtija mill-Ambaxxatur Rumen fejn il-mistieden tal-unur ikun ministru federali, ministru tal-istat jew xi persuna distinta oħra, u attivitajiet kulturali. Kummerċjali L-Ambaxxatur kompla bis-sensiela ta’ taħdidiet pubbliċi u laqgħat li ilu għaddej bihom għal żmien twil u li fihom jittratta aspetti varji tal-kultura, l-ekonomija u l-ħajja soċjali f’Malta u kuntatti bejn Malta u l-Ġermanja. Dawn l-attivitajiet komplew isiru, fuq medja ta’ 1-2 fix-xahar, kemm fl-Ambaxxata kif ukoll f’postijiet oħrajn barra Berlin. L-għanijiet ta’ dawn l-attivitajiet huma li Malta ssir iktar magħrufa fil-Ġermanja (l-iktar f’dawk ir-reġjuni fejn s’issa ftit hija magħrufa), u b’hekk jiżdied l-interess f’Malta biex jikber it-turiżmu, sabiex dawk li jattendu isiru jafu iktar dwar il-kuntatti li diġa jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi setturi, jifhmu il-possibiltajiet ta’ “Doing Business in Malta”, u biex jiġu esplorati oqsma ta’ interess komuni. Eżempji: Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxatur ta taħdita fil-belt ta’ Wittenberge, ltaqa’ ma’ 22 student tal-aħħar sena mill-Gustav Heinemann Oberschule u ma’ l-għalliema tagħhom qabel ġew Malta fuq żjara edukattiva, u kellu laqgħa oħra ma’ grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, inklużi persuni fil-kummerċ (fosthom sidien ta’ katina ta’ supermarkets) immexxija minn Danny Eichenbaum MdL deputat tas-CDU fil-parlament tal-istat federali ta’ Brandenburgu. Matul April tlestew il-preparamenti għal żewg attivitajiet oħra ta’ dan it-tip, waħda għal nhar l-21 ta’ Ġunju fil-belt ta’ Köthen u oħra ftit iktar tard fil-belt ta’ Brandenburg an der Havel. Mhux l-ewwel darba li, wara dawn l-attivitajiet, jiġi ffurmat grupp biex iżur Malta jew jintwera interess f’xi qasam partikulari. Ngħidu aħna, fil-każ tal-grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, imsemmi hawn fuq, l-interess kien fi skambjar ta’ żgħażagħ għal skopjiet ta’ taħrig vokazzjonali - li diġà beda jseħħ. Fil-każ tat-taħdita f’Wittenberge, fejn hemm wieħed miċ-ċentri l-iktar attrezzati biex jitħarrġu l-għaddasa, l-interess kien f’Malta bħala destinazzjoni għall-għaddasa, settur b’potenzjal sinifikanti fil-Ġermanja. Fi Frar, l-Ambaxxatur żar il-“Handwerkskammer” (Chamber of Skilled Crafts and Trades) ta’ Hanover, waħda mill-ikbar kmamar ta’ snajja speċjalizzati fil-Ġermanja. Hemmhekk iddiskuta mal-President Wilhelm Steinmann u s-CEO Peter Karst diversi ideat dwar kif jistgħu jikbru l-kuntatti ma’ Malta, kemm bħala lok għall-manufattura ta’ ċertu prodotti kif ukoll fis-settur tat-taħriġ ta’ żgħażagħ fi snajja speċjalizzati. Bħala riżultat ta’ din iż-żjara, is-CEO Peter Karst ġie Malta f’April u ltaqa’, fost oħrajn, mal-Ministru Bartolo. Is-Sur Karst għadu f’kuntatt mal-MEDE u talab laqgħa oħra mal-Ambaxxatur li se ssir fis-26 ta’ Ġunju fl-Ambaxxata. Ta’ importanza kienet iż-żjara li għamel f’Malta ir-rappreżentant tal-“gtai” (Germany Trade and Invest). L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ dan ir-rappreżentant (Oliver Döhne) qabel ġie Malta, baqa’ f’kuntatt miegħu u għamillu l-appuntamenti neċessarji ma’ persuni li setgħu jagħtuh l-informazzjoni li xtaq (Malta Enterprise, Trade Malta, Bank Centrali, Chamber of Commerce, Industry and Enterprise). Ir-rapporti li jsiru mill-gtai (li hija aġenzija tal-Gvern Federali) fuq il-pajjiżi rispettivi huma kruċjali f’każ li investitur jew kummerċjant ikun qed jikkonsidra jinvesti jew jinnegozja ma’ pajjiż partikulari. Fir-rapport il-ġdid li ppublikat il-“gtai” din is-sena joħorgu ċari dawn il-fatti: il-qagħda b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, ir-ritmu mgħaġġel li bih qed tikber, il-proġetti kbar ippjanati, u l-oqsma li investituri jew nies tan-negozju Ġermaniżi għandhom jikkunsidraw meta jħarsu lejn Malta. L-Ambaxxata tgħaddi lill-Malta Enterprise u istituzzjonijiet oħra f’Malta kuntatti jew talbiet għal informazzjoni minn persuni, kumpaniji jew aġenziji minn oqsma differenti li jistgħu ikunu ta’ interess. Kulturali F’Jannar, l-Ambaxxata irranġat programm għal żjara edukattiva f’Malta minn 24 student mill-Berlin Campus - Stanford University taħt it-tmexxija tal-Professur Uli Brückner. L-Ambaxxata ippreparatilhom programm intensiv li kien jinkludi laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha il-President ta‘ Malta, viżita tal-bini tal-Parlament u laqgħa ma’ Mr Speaker Dr. Angelo Farrugia, u diskussjoni mal-Ministru Evarist Bartolo. Din kienet it-tieni darba li l-Ambaxxata ħadmet mal-Campus ta’ Berlin ta’ Stanford biex grupp ta’ studenti jżuru Malta; l-Ambaxxata kienet ikkordinat l-ewwel żjara fl-2015. Fuq stedina tat-tmexxija tal-“Europaschule” (skola Ewropea) Kinderakademie der Johanniter fil-belt ta’ Eberswalde fl-istat federali ta’ Brandenburgu, l-Ambaxxatur u l-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata żaru l-iskola u tkellmu mal-għalliema u ma’ ħafna mill-istudenti fil-klassijiet tagħhom. Saret talba għal kuntatt ma’ skola Maltija u biex jinstabu pen-friends Maltin għat-tfal tal-iskola. Dan qed isir fi ħdan il-MEDE. L-istedina biex l-Ambaxxatur iżur l-iskola saret wara li ftit qabel hu kien għamel żjara uffiċjali, ta taħdita pubblika fil-belt u kellu laqgħat mal-awtoritajiet inkluż is-sindku u t-tim tiegħu. L-Ambaxxatur kien mistieden jieħu sehem f’diskussjoni – flimkien ma’ speċjalista fuq is-suġġett, ma’ membru tal-parlament Ewropew u flimkien ma’ professur tal-psikoloġija mill-Universita’ Humboldt – li saret f’ċinema ewlieni f’Berlin wara l-ewwel wirja tal-verżjoni Ġermaniża tal-film “The Erased Son” (titlu bil-Ġermaniż: ‘Der verlorene Sohn’). Il-film famuż jittratta il-problemi u t-tbatija li jgħaddu minnhom ġuvni Amerikan u l-familja tiegħu meta hu jiġi furzat jattendi kors ta’ “conversion therapy”. Malta kienet ippreżentata mill-organizzaturi bħala xempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-qasam, filwaqt li l-Ambaxxatur spjega s-sinifikat tal-liġi li tipprojbixxi din it-tip ta’ hekk imsejħa “terapija”. Grupp ta’ studenti flimkien mal-professuri tagħhom mill-Berlin School of Economics and Law (HWR) xtaqu preżentazzjoni dwar Malta, l-infurzar tal-liġi u l-korp tal-pulizija. Għal dan il-għan kellhom laqgħa fl-ambaxxata mal-Ambaxxatur u ma’ l-Ewwel Segretarja. L-Ambaxxata kompliet tkun involuta fil-laqgħat u l-avvenimenti tal-EUNIC (EU National Institutes of Culture) ġewwa Berlin. Preparamenti bdew fil-bidu tas-sena biex waħda mil-laqgħat (f’Ġunju) issir ġewwa l-Ambaxxata Maltija. Bdew isiru wkoll preparazzjonijiet għall-European Day of Languages ta’ Settembru li ġej. L-Ambaxxata se tipparteċipa billi tagħti żewġ “crash-courses” fil-Malti bażiku lil studenti f’żewġ skejjel primarji f’Berlin. L-esperjenza uriet li kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema u l-ġenituri tat-tfal japprezzaw ħafna dawn it-tip ta’ attivitajiet. L-Ambaxxata ipparteċipat ukoll f’avveniment ta’ qari ta’ ħrejjef Ewropej bil-Ġermaniż lil grupp kbir ta’ tfal minn skejjel primarji f’Berlin fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. L-Ambaxxata ħadet sehem permezz ta’ qari ta’ ħrafa Maltija li ġiet maqluba għall-Ġermaniż mill-istaff tal-Ambaxxata għal din l-attivita’. L-Ambaxxata ħadmet fuq applikazzjoni, li imbagħad ġiet approvata mill-Bord tal-Cultural Diplomacy Fund tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, biex il-kumpanija “Contact Dance Company”, taħt it-tmexxija tas-Sinjura Francesca Tranter u bil-parteċipazzjoni tal-kompożitur u perkussjonista magħruf Renzo Spiteri, tagħti preżentazzjoni f’Berlin. Fil-fatt din is-serata ta’ żfin u mużika ser tittella’ fit-13 ta’ Ġunju fit-Theater am Aufbauhaus bl-arranġamenti kollha loġistici, stediniet u koordinazzjoni isiru mill-Ambaxxata. L-Ambaxxatur kien mistieden jagħti taħdita fil-belt ta’ Adenau. Fost affarijiet oħra, huwa tkellem dwar il-kuntatti bejn il-belt ta’ Adenau u Malta. Dawn jinkludu kemm rabtiet storiċi – f’Adenau kien hemm kummenda (‘commandery’) tal-Ordni – kif ukoll kuntatti iktar reċenti. F’Adenau kienet twaqqfet lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet tas-seklu l-ieħor l-Għaqda Ġermaniża-Maltija (Deutsch-Maltesische Gesellschaft). Wara iktar minn 30 sena din l-għaqda għada ibbażata f’ Adenau u tagħmel xogħol ta’ fejda kbira b’risq il-ħbiberija bejn iż-żewġ popli, filwaqt li Adenau għanda ġemellaġġ mal-Mellieħa – l-iktar ġemellaġġ antik u attiv bejn post f’Malta u post fil-Ġermanja. Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata għamlet il-preparamenti kollha biex, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u ma’ Ambaxxati ta’ pajjiżi oħra f’Berlin, tieħu sehem f’attivitajiet msejjħa “Diplomacy for Sustainability” waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Sustainable Development Week). L-iskop kien li tigi inkuraġġita l-implementazzjoni tas-‘Sustainable Development Goals’ tal-Aġenda 2030. Il-fokus tal-avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija kien SDG 14, speċifikament “il-ħajja taħt l-ilma” u l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċejani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar bħala komponent ewlieni ta’ futur sostenibbli. Fil-fatt, fl-4 ta’ Ġunju, l-Ambaxxata organizzat f’sala ġewwa Berlin il-wirja tad-dokumentarju “Comino: Secret Paradise” bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur Malti għall-Oċejani il-Prof. Alan Deidun li ta lecture u wieġeb id-domandi li sarulu mill-udjenza. KONSOLARI Matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ambaxxata Maltija f’Berlin kompliet toffri servizzi konsolari liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Ġermanja, kif wkoll lil Maltin li jivvjaġġaw lejn il-Ġermanja u li jkunu jeħtiegu l-għajnuna, bħal meta jitilfu jew jinsterqilhom il-passaport jew ikollhom bżonn għajnuna medika. Il-lista hawn taħt tinkludi statistika fuq numru ta’ servizzi konsolari li ġew ipprovduti mill-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja fl-erba’ xhur Jannar-April tal-2019: Passaporti Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ April, l-applikazzjonijiet għall-passaporti li ġew ipproċessati mill-Ambaxxata kienu 17. Ġew imwieġba wkoll 32 domanda li kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għal passaporti. Ċittadinanza Il-Konsulat fl-Ambaxxata laqa’ żewg applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija, filwaqt li rċieva sitt talbiet għall-informazzjoni fuq kif wieħed jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija. L-informazzjoni mitluba ġiet mogħtija. Reġistrazzjonijiet ta’ twelid u żwieġ 14 -il applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ ġew sottomessi. Dawn l-applikazzjoniet ġew proċessati kollha u ntbagħtu lir-Reġistru Pubbliku Malti. Xogħol konsolari ieħor L-Ambaxxata kompliet tipprovdi wkoll informazzjoni lil persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta. Din l-informazzjoni tintalab ġeneralment minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu fil-Ġermanja u tirrigwarda ħafna drabi il-viża sabiex jkunu jistgħu jidħlu Malta. Minn Jannar sal-aħħar ta’ April, l-Ambaxxata għenet 140 persuna li kellhom mistoqsijiet dwar dan is-suġġett. Ta’ kull xhar, l-Ambaxxata bagħtet lura lejn il-Ministeru numru ta’ passaporti u dokumenti ta’ residenza Maltin li kienu ntilfu u nstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet. L-Ambaxxata għenet wkoll diversi delegazzjonijiet Maltin li għaddew mill-ajruporti Ġermaniżi. B’kollox kien hemm 27 talba għall-għajnuna. Għajnuna ingħatat wkoll lid-dipartiment fil-Ministeru tas-Saħħa li hu nkarigat li jibgħat pazjenti għal trattament barra l-pajjiż, kif ukoll lill-pazjenti nfushom u lill-familjari tagħhom. F’każ partikulari, l-Ambaxxata pprovdiet għajnuna lill-familja ta’ ċittadin Malti li miet waqt żjara f’Berlin. Ir-ripatrijazzjoni tal-kadavru lura lejn Malta ġiet organizzata bl-għajnuna tal-Ambaxxata. L-Ambaxxata mexxiet talbiet għall-approvazzjoni diplomatika mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jidħlu fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż. L-ambaxxata kompliet tikkoordina flimkien mal-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati f’Malta r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn protezzjoni f’Malta – meta dawn jinstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet Ġermaniżi – sabiex b’hekk jiġu irritornati lura lejn Malta. PROMOZZJONI TA’ MALTA L-ambaxxata bdiet tħejji wkoll għall-parteċipazzjoni tagħha fl-Europa Lounge, organizzata mill-Rappreżentazzjoni tal-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg f’Berlin, fejn, bl-għajnuna tal-MTA Frankfurt, se jiġu offruti ikel u xorb Malti filwaqt li tingħata pubbliċita’ b’diversi metodi u jitqassmu brochures. Permezz tal-Konslu Onorarju ġewwa Munich, l-Ambaxxata għenet wkoll billi offriet materjal promozzjonali dwar Malta kif wkoll xorb Malti għal avveniment li sar ġewwa Munich bejn numru ta’ konsli favur l-UE. L-Ambaxxata ħolqot ukoll il-preżenza tagħha fuq is-‘social media platforms’, Facebook u Twitter, bil-għan li b’dawn il-mezzi tista’ tippromwovi aħjar lill-pajjiż, ix-xogħol li jitwettaq mill-Gvern, mill-MFTP u mill-Ambaxxata.