Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nazzjonijiet Uniti — inizjattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu tul is-sena li għaddiet minn pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti?

Response (ABELA, CARMELO)

Matul is-sena li għaddiet, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ikkontribwixxa għat-tfassil tal-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-abbozzi ta’ reżoluzzonijiet tal-Ġnus Magħquda, u semma leħen Malta permezz tar-rappreżentanzi Permanenti għal Ġnus Magħquda fi New York, Ġenevra u Vjenna. Malta intervjeniet kemm–il darba f’New York waqt laqgħat tal-Ġnus Magħquda nkluż fuq temi relatati mal-promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, mar-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà, mal-ambjent marittimu, mal-immigrazzjoni, mal-paċi sostennibbli, mal-proċess tal-paċi fl-Lvant Nofsani, mal-iżvilupp sostennibbli u mal-protezzjoni tat-tfal. Fil-qafas tal-kandidaturi: · Malta ġiet eletta b'suċċess fil-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC) fit-13 ta' Ġunju. Malta kisbet 100% tal-voti, u bdiet isservi f'din il-pożizzjoni għal 18 -il xhar minn Jannar 2019. · L-Imħallef Malti Carmel (Lino) Agius ġie maħtur bħala President tal-Mekkaniżmu Internazzjonali Residwu tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tribunali Kriminali f’Ġunju 2018. · F’Awwissu 2018, Malta serviet bħala l-President tal-WEOG, fejn kellha r-responsabbiltà li tmexxi dan il-Grupp. Fis-settur tas-sigurtà · Waqt li fi Vjenna kienet qed titlaqqa l-Kummissjoni dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali, dan il-Ministeru organizza avveniment msemmi Nsalvaw il-Ħajja tan-Nisa Permezz tal-Ġbir tad-Data li sar fil-15 ta’ Mejju 2018. Il-Missjoni Maltija fi Vjenna ħejjiet dan l-avveniment sekondarju flimkien mal-Osservatorju Ewropew dwar il-Femiċidju. Il-Missjoni kellha konsultazzjonijiet mal-Missjonijiet Permanenti tal-Ġermanja u ta’ Ċipru biex jissieħbu fl-avveniment ma’ Malta sabiex ikun hemm kelliema tajbin u udjenza numeruża. Dan l-avveniment ġie mmoderat minn Dr. Marceline Naudi. L-iskop tal-avveniment sekondarju kien li x-xogħol tal-Osservatorju Ewropew ibbażat fl-Università ta’ Malta jkun aktar viżibbli għal udjenza aktar wiesgħa. · Fit-28 ta' Settembru 2018, fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU sar dibattitu ta' Livell Għoli bl-isem, ‘ Giving Voice to Evidence – Overcoming a Distorted Narrative and Moving Towards Evidence Based Migration Policy Development ’. L-avveniment kien organizzat minn Malta u kosponsorjat flimkien minn Franza, it-Tuneżija, il-Kummissjoni Ewropea u l-ICMPD (International Centre for Migration Policy Development) u kellu l-għan li jirrifletti fuq l-opportunitajiet ta' narrattiva iktar ibbilanċjata dwar il-migrazzjoni, u r-rwol tal-midja fit-tfassil ta' attitudnijiet pubbliċi li jippermettu aktar informazjoni dwar il-migrazzjoni bbażata fuq l-evidenza u politiki li għandhom jiġu implimentati.Dan l-event kien presedut mill-Ministru Carmelo Abela. Fis-settur Ambjentali u Marittimu, · Fi 2018, Malta pparteċipat attivament fil-laqgħat tal - Grupp ta’ Ħbiberija dwar l-Oċeani u l-Ibħra , liema Grupp jiffoka fuq is-saħħa tal-Oċeani u l-Ibħra. · F’Awwissu tal-2018, Malta ospitat it-tieni Workshop reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti b'appoġġ għat-tieni ċiklu tal- Proċess Regolari għar-Rappurtar Globali u l-Istat tal-Ambjent Marittimu , inklużi Aspetti Soċjoekonomiċi (Proċess Regolari), li jkopru r-reġjun tal-Atlantiku tat-Tramuntana, il-Baħar Baltiku, il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed. · Malta ngħaqdet mal- Grupp ta’ Ħbiberija dwar il-Klima u s-Sigurtà imwaqqaf mill-Ġermanja u n-Nauru f'Awissu 2018 bil-għan li tikkoopera biex tiżviluppa soluzzjonijiet għall-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-politika tas-sigurtà, tqajjem kuxjenza pubblika u tagħti spinta lill-involviment tan-Nazzjonijiet Uniti f'dan il-qasam. L-Unjoni Ewropea tisħaq ħafna fuq ir-rabta bejn il-klima u s-sigurtà u din it-tematika tkun waħda mill-prijoritajiet ta’ kull stat membru tal-UE li jkollu siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Fis-settur dwar id-drittijiet tal-bniedem u tas-saħħa, · Matul l-2018 u l-2019, MT se sservi bħala Ko-president tal- Grupp ta 'ħidma tal-integrazzjoni mill-ġdid tat-Tfal fil-Kunflitt Armat tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. L-għan ta’ dan il-Grupp huwa li jservi bħala forum għall-Istati Membri dwar prattiki, lakuni u sfidi li qed jevolvu, kif ukoll li janalizza u jiddiskuti l-ħtiġijiet għar-reintegrazzjoni tat-tfal, u li jiżviluppa rakkomandazzjonijiet biex il-lakuni fil-finanzjament jkunu indirizzati. · Fl-2018, Malta kienet appuntata bħala Viċi-President tal-37 Sessionjoni tal-Laqgħa tal-Istati Membri tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi . · Fl-2018, Malta pparteċipat attivament fil-laqgħat tal- Grupp ta’ Ħbiberija dwar Saħħa Univerali , liema Grupp jiffoka fuq diverżi oqsma tas-saħħa, bi preparazzjoni għal-Laqgħa ta’ Livell Għoli li mistennija titlaqqa f’Settembru 2019. · Il-President ta 'Malta, H.E. Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-SRSG għat-Tfal u l-Kunflitt Armat u l-UNICEF, nedew l-avveniment intitolat "Global Coalition for Integration" fil-marġini tal-Ġimgħa ta' Livell Għoli ta 'l-UNGA73. L-għan ta’ l-avveniment kien li jifa’ attenzjoni fuq il-fatt li-l-eluf ta’ tfal reklutati u użati minn gruppi armati li huma meħlusa m’għandhom l-ebda xibja ta’ sigurta’. Fis-settur tal-Iżvilupp sostenibli, Malta ssottomettiet Ir-Reviżjoni Nazzjonali Voluntarja f’Ġunju 2018.Dan sar mill-Ministru Carmelo Abela.

Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir jew saret tul is-sena li għaddiet sabiex pajjiżna jikseb siġġu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-proċess miexi u qed isir ħafna xogħol mill-Unit maħtura apposta fi ħdan il-Ministeru. F’dawn l-aħħar xhur tkompla l-process intern li minnu qed jiġu identifikati x’riżorsi, umani u oħrajn, għandu bżonn il-Ministeru kemm f’Malta u kemm barra. Dan il-proċess mhux biss qiegħed iħares lejn l-istrutturi interni eżistenti, iżda ukoll lejn fejn jista’ jkun hemm bżonn xi titjib u/jew strutturi ġodda marbuta mal-kandidatura. Fl-aħħar xhur, il-Unit fi ħdan il-Ministeru għamlet erbgħa viżiti tekniċi f’pajjiżi li jew qiegħdin iservu fil-preżent jew li servew riċentement fil-Kunsill tas-Sigurtà. Dawn il-viżiti kienu utili ħafna, u minnhom ħarġu diversi punti mportanti ta’ kif għandna nippreparaw kemm għall-kampanja kif ukoll għal waqt it-terminu tagħna wara li Malta tiġi eletta. Ikkonfermajna ukoll li l-preparamenti tagħna f’dan l-istadju qed isiru b’mod tajjeb. Qed jinħoloq ukoll software għall-użu intern mill-Ministeru għal monitoraġġ ta’ kif sejra l-kandidatura. Dan is-software mistenni jiġi online iktar tard din is-sena, u bih sejra tingħata spinta ‘l quddiem ta’ kif tiġi pproċessata l-informazzjoni relatata ma’ din il-kandidatura. Qed jiġi mfassal ukoll pjan intern ta’ outreach sabiex jintlaħqu n-numru massimu possibbli ta’ pajjiżi għal skop ta’ lobbying. Dan il-pjan intern ser ikun qed jipproponi metodi li bihom nilħqu kemm nistgħu mill-pajjiżi membri tan-Nazzjonijiet Magħquda. Process ieħor intern li għaddej huwa li qed jiġu identifikati numru ta’ temi li fuqhom Malta ser tkun qed tibbaża l-kampanja tagħha. Dan mistenni jkompli fix-xhur li ġejjin. Separatament, fil-futur qarib sejjer jiġi identifikat il-logo u s-slogan li ser tuża Malta waqt il-kampanja tagħha. Minkejja li l-kampanja formali ta’ Malta għadha ma bdietx, dan ma jfissirx illi mhumiex qed isiru sforzi diga’ minn issa sabiex niksbu l-għola numru ta’ voti possibbli. Numru ta’ pajjiżi diga’ kkommettew ruħhom li ser jivvutaw lil Malta.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Awstrija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna, l-Awstrija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Vjenna,l-Awstrija fl-ewwel erba xhur ta’ din is-sena. BILATERALI L-Ambaxxatriċi kellha l-okkażjoni tiltaqa’ kemm mal-President Federali Awstrijak, Alexander van der Bellen, kif ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Karin Kneissl, u uffiċjali oħra fi ħdan l-istess Ministeru. Mal-President l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-isfidi li għadha tiffaċċja Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni illegali u saħqet kemm hu importanti li pajjiżi bħall-Awstrija ma jabbandunawx l-ispirtu ta` solidarjeta` tant importanti fl-Ewropa. Mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Kneissl, l-Ambaxxatriċi ddiskutiet l-istedina li kien għamlilha l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela sabiex iżżur Malta għal taħdidiet, kif ukoll l-isfidi fil-Mediterran, speċjalment fil-Libja. KUMMERĊJALI Wara diskussjonijiet mal-Malta Enterprise l-Ambaxxata bdiet taħdem fuq diversi attivitajiet b’mira fuq swieq speċifiċi jew bliet Awstrijaċi speċifiċi. L-oqsma tal-katina tal-blokok, xjenzi tal-ħajja u riċerka huma fost dawk li qed jingħataw prijorita`, filwaqt li l-ibliet ta’ Vjenna u Graz huma fost dawk li qed jingħataw prijorità, biex jinżammu fihom l-ewwel avvenimenti ta` promozzjoni kummerċjali lejn il-bidu tal-Ħarifa 2019. Bħalissa l-Ambaxxata qiegħda tfittex persuna ġdida biex tieħu r-rwol ta` Konslu Onorarju għall-Malta f’Salzburġ, wara li dak preżenti wera x-xewqa li jirtira. L-Ambaxxata diġà identifikat xi individwi u l-persuna magħżula se tintalab torganizza avveniment ta` promozzjoni kummerċjali qabel ma tintgħażel b’mod definittiv. MULTILATERALI L-Ambaxxata attendiet madwar 500 laqgħa fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019. Dawn kienu jinkludu laqgħat tal-Kunsill Permanenti u tal-Forum għall-Kooperazzjoni fis-Siġurtà fi ħdan l-Organizzazzjoni għas-Siġurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa, laqgħat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Nukleari, laqgħat tal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda dwar id-Droga u l-Kriminalità, laqgħat tal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp Industrijali tal-Ġnus Magħquda, laqgħat tal-Organizzazzjoni tat-Trattat kontra kull Test Nukleari, u l-laqgħat kollha ta` koordinazzjoni imsejħa mill-Unjoni Ewropea. L-Ambaxxata għaddiet it-talba ta’ Malta sabiex l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), josservaw l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew f’Malta. L-ODIHR irringrazzjaw lil Malta tal-istedina, iżda wieġbu li m'għandhomx riżorsi biżżejjed biex josservaw dawn l-elezzjonijiet. Laqgħa tar-rappreżentanti Permanenti tal-OSCE f’Malta Tnedew diskussjonijiet u beda x-xogħol sabiex issir f’Malta laqgħa tar-Rappreżentanti Permanenti għall-Orġanizzazzjoni għas-Siġurta` u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa. L-għan ta` din il-laqgħa li saret f’Ġunju, u li għaliha attendew ’ilfuq minn 30 Ambaxxatur, kien sabiex toffri l-opportunita` lill-Ambaxxaturi biex jiddiskutu l-futur tal-Organizzazzjoni mas-Sieħba Mediterranji. Hekk kif is-sħubija mal-pajjiżi tal-Mediterran se tidħol fil-25 sena tagħha, kien opportun ħafna li din id-diskussjoni sseħħ u isseħħ ġewwa Malta, pajjiż membru tal-OSCE bi kredenzjali Mediterranji ċari. Sa mill-1975 ġewwa Ħelsinki, Malta kienet saħqet li ma nistgħux nitkellmu fuq paċi u sigurtà fl-Ewropa jekk ma jkunx hemm paċi u sigurtà fil-Mediterran. UNODC - Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata kienet attiva fit-tħejijiet għall-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND), laqgħa annwali li saret mit-18 sat-22 ta’ Marzu. L-Onor. Dott. Michael Falzon, Ministru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali qara l-Istqarrija Nazzjonali ta’ Malta fit-tieni ġurnata tal-Kummissjoni. Fil-marġini tal-istess Kummissjoni, l-Ambaxxata bl-għajnuna tal-Prof. Richard Muscat, organizzat laqgħa dwar ‘Id-Dipendenza fuq l-Opjojdi u l-Qafas Regolatorju li Jassigura l-Aċċess għat-Trattament’. Dan l-avveniment sekondarju ġie organizzat flimkien mal-Isvizzera, bl-appoġġ tal-Portugall, il-Marokk, il-Grupp Pompidou fi ħdan il-Kunsill Ewropew u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ għad-Drogi u d-Dipendenza mid-Droga (l-EMCDDA). UNODC - Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ) Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata ħejjiet biex Malta tieħu rwol attiv fil-Kummissjoni għall-Prevenżjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali (CCPCJ), laqgħa annwali oħra li saret f'Mejju 2019. Waqt il-Kummissjoni l-Ambaxxata qrat stqarrija nazzjonali u organizzat ukoll laqgħa fil-marġini ta` din il-Kummissjoni, bit-titlu: 'Ir-Rwol tad-Dwana fil-Ġlieda Internazzjonali Kontra l-Kriminalità Organizzata'. L-Ambaxxata stiednet uffiċjal mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija biex jagħmel preżentazzjoni dwar l-esperjenza ta’ Malta bħala ċentru ta’ transitu għall-merkanzija, fid-dawl ta' rekord reċenti ta’ qabdiet ta droga u kuntrabandu li seħħew mid-Dipartiment tad-Dwana Maltija. L-avveniment ġie mħejji b'kollaborazzjoni mal-Programm tal- Ġnus Magħquda Għall-Kontroll tal-Kontejners u l-Pulizija tal-Fruntiera tar-Renju Unit li wkoll qasmu l-esperjenza tagħhom ma’ dawk preżenti. L-Ambaxxata infurmat u għenet lill-membri tal-Korp tal-Pulizija Maltin biex jiksbu aċċess għall-portal ta` informazzjoni SHERLOC: pjattaforma ta` informazzjoni maħsuba biex tgħin lill-Pulizija u lill-ġudikatura fil-Qrati. CTBTO Flimkien mal-Organizzazzjoni tat-Trattat Kontra Testijiet Nukleari (CTBT), l-Ambaxxata bdiet taħdidiet biex jiġi ffirmat ftehim sabiex Malta jkollha ċentru lokali li joħroġ twissijiet ta’ tsunamis li jistgħu jolqtu lill-gżejjer Maltin. L-Ambaxxata bdiet taħdem ukoll fuq il-loġistika u il-programm taż-żjara li s-Segretarju Eżekuttiv tas-CTBT, Dott. Lassina Zerbo kien se jagħmel f’Malta fix-xahar ta’ Mejju 2019. Din iż-żjara inkludiet laqgħat ta' livell għoli mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u mal-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali l-Onor. Dott. Michael Farrugia, kif ukoll seminar li ġie organizzat mal-Università ta' Malta. KULTURA Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena l-Ambaxxata stabbilixxiet għadd ta’ kuntatti ġodda bil-għan li jinfetħu opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-arti u l-kultura. Ġie stabbilit kuntatt mal-fundaturi tal-klabb ewlieni tal-mużika jazz ġewwa Vjenna. Grazzi għall-isforzi tal-Ambaxxata, il-klabb aċċetta li joffri il-post bla ħlas sabiex jinżamm fih l-ewwel kunċert jazz b’mużiċisti Maltin. Il-kunċert li nżamm nhar it-13 ta’ Ġunju kien possibbli grazzi għall-fondi mogħtija mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, u sponsor privat misjub mill-Ambaxxata. L-Ambaxxata stabbilixxiet ukoll kuntatt mal-istazzjon tar-Radju ewlieni ORF bil-għan li tinbeda forma ta’ kollaborazzjoni. Fil-bini tiegħu, ir-radju jorganizza għadd ta’ avvenimenti kulturali. L-Ambaxxata bdiet diskussjonijiet mar-radju sabiex jinżamm l-ewwel kunċert ta’ grupp Malti fil-Ħarifa 2019. L-Ambaxxata nediet ukoll diskussjonijiet mal-Kunsill Malti għall-Arti u mal-EUNIC fl-Awstrija bil-għan li l-Ambaxxata ssir membru u tkun tista` tibda tieħu sehem fl-attivitajiet kulturali organizzati minn dan il-Grupp. Bdew ukoll diskussjonijiet u kuntatti mal-Awtoritajiet tal-belt ta` Vjenna bil-ħsieb li jittella’ programm kulturali fuq skala kbira b’rabta mal-Milied fix-xahar ta` Diċembru 2019 fi Vjenna. PROMOZZJONI L-Ambaxxata stabbilixxiet kuntatt u ħadmet mill-viċin mal-orġanizzaturi tal-EuroPride li saret fi Vjenna f’Ġunju. B’riżultat ta` din il-ħidma ġie garantit l-ogħla livell ta` parteċipazzjoni għal Malta. Grazzi għax-xogħol ta` koordinazzjoni tal-Ambaxxata mal-Uffiċju tat-Turiżmu u l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Malta ngħatat viżibilità mill-aktar għolja matul il-ħmistax-il ġurnata ta’ attivitajiet, li għalihom attendew ’il fuq minn 500,000 ruħ. Dawn kienu jinkludu spazju ta` promozzjoni fil-villaġġ tal-EuroPride, diskors tal-ftuħ fil-konferenza dwar id-Drittijiet Umani mill-Ministru Helena Dalli, pannell immexxi mis-Sur Silvan Agius dwar l-Intersess waqt l-istess konferenza, viżibilità waqt il-ġirja ta`solidarjeta’ bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatriċi u membri tal-Ambaxxata, u pożizzjoni prominenti waqt il-marċ ta`solidarjetà fejn intlaħaq il-qofol tal-isfilata. Il-logos taż-żewġ Ministeri u tal-Uffiċju tat-Turiżmu kienu inklużi fuq is-sit elettroniku tal-EuroPride filwaqt li l-logo tal-uffiċju tat-Turiżmu kien inkluż ukoll fuq it-T-shirts li ngħataw dawk kollha li ħadu sehem fil-ġirja. Matul is-sena l-Ambaxxata taħdem id f’id mal-Uffiċċju tat-Turiżmu ġewwa Vjenna u tgħin sabiex tingħata l-ogħla promozzjoni possibli lil Malta. Minbarra xogħol ieħor li sar fuq attivitajiet ippjanati għal aktar tard matul is-sena, l-Ambaxxatriċi kif ukoll l-istaff diplomatiku tal-Ambaxxata żaru l-istand li tellgħet l-MTA, fl-akbar fiera tal-ivvjaġġar li ssir fl-Awstrija Ferien-Messe Wien, fejn kellhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu u jiddiskutu ma’ rappreżentanti li jaħdmu fis-settur u li, jew diġà għandhom, jew li qed juru interess f’Malta. KONSOLARI Mill-ewwel ta’ Jannar sal-aħħar ta’ April 2019, l-Ambaxxata ħarġet erba` passaporti, ipproċessat applikazzjoni għaċ-ċittadinanza, irreġistrat żewġ trabi Maltin li twieldu barra, u rritornat affarijiet u dokumenti li ntilfu minn turisti Maltin fl-Awstrija. L-Ambaxxata għenet ukoll Malti li nsteraqlu il-passaport waqt li kien l-Ungerija. L-Ambaxxata ġiet ukoll msejħa biex tgħin anzjan Malti li ħassu ħażin fl-ajruport l-Albanija. Fuq bażi regolari l-Ambaxxata rrispondiet għal diversi mistoqsijiet fuq vjaġġar u rilokazzjoni lejn Malta, xogħol u studju f’Malta, tilwima kummerċjali, u ċertifikati tal-kondotta u żwieġ f’Malta. F’dan iż-żmien, l-Ambaxxata talbet lill-Ministeru biex joħroġ parir u twissija ta` vjaġġar lejn it-tramuntana u l-punent tal-Awstrija minħabba riskju ta’ valangi u silġ qalil li kien qed jolqot iż-żoni tal-muntanji. L-Ambaxxata kellha wkoll numru ta` laqgħat mal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil Malta fir-reġjuni diversi tal-Awstrija. L-Ambaxxata infurmat liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fl-Awstrija, li dawk eliġibbli biex jivvutaw għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, u li se jkunu barra minn Malta jew ser jiddaħħlu l-isptar fil-25 ta’ Mejju 2019, jistgħu japplikaw għal vot bikri, billi jissottomettu dikjarazzjoni taħt ġurament fl-Ambaxxata ta' Malta fi Vjenna. Il-votanti eliġibbli ġew ukoll infurmati dwar l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tal-Air Malta għall-elezzjonijiet tal-MEPs. L-informazzjoni ġiet iċċirkolata permezz ta’ imejl u tpoġġiet ukoll fuq il-Facebook Page tal-Ambaxxata. Fl-1 u l-24 ta’ April l-Ambaxxata kisbet il-permessi neċessarji mill-Awtoritajiet Awstrijaċi Slovakki u Ungeriżi rispettivament biex titjira militari u oħra li ġarret lill-Prim Ministru u d- delegazzjoni tiegħu, jitħallew jgħaddu minn fuq dawn it territorji. L-Ambaxxata għenet lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġbor fondi dovuti lid-Dipartiment, wara li miet il-benefiċjarju u l-qraba tiegħu komplew jirċievu il-benefiċċji soċjali minn Malta.

Consul on the Move – legalizzazzjoni ta’ dokumenti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba fost il-ħidma li ssir mill-Consul on the Move huwiex ukoll ikun hemm dak tal-legalizzazzjoni ta’ dokumenti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minkejja li l-programm Consul-on-the-Move jaċċetta dokumenti għal-legalizzazzjoni, tajjeb wieħed jgħid li għall-finijiet ta’ legalizzazzjoni, il-Konsli Maltin jistgħu biss jawtentikaw dokumenti legalizzati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Konvenzjoni tal-Aja li tabolixxi l-ħtieġa ta’ legalizzazzjoni ta’ dokumenti pubbliċi barranin (magħrufa wkolll bħala l-Apostille Convention). F’każ fejn il-klijent ikollu dokumenti legalizzati minn pajjiż mhux membru ta’ din il-konvenzjoni, dan jista’ jitlob l-assistenza tal-Konsli anki waqt iż-żjarat tal-Consul-on-the-Move biex isir l-awtentikar tad-dokument konċernat.

Persuni li jgħixu fir-Renju Unit – pensjoni mill-Istat Malti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm persuni intitolati għall-pensjoni mill-Istat Malti li jgħixu fir-Renju Unit?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-persuni intitolati għall-pensjoni mill-Istat Malti, li jgħixu fir-Renju Unit jammontaw għal, 950 persuna.

Persuni li jgħixu fir-Renju Unit – pensjoni mill-Istat Malti li huma magħrufa mill-Kummissjoni Għolja

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm persuni intitolati għall-pensjoni mill-Istat Malti li jgħixu fir-Renju Unit li huma magħrufa mill-Kummissjoni Għolja tagħna fil-pajjiż?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellantli l-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fir-Renju Unit tassisti lid-Dipartiment tas-Sigurtà’ Soċjali fit-tqassim tal-pensjonijiet lil dawk in-nies li huma intitolati għal pensjoni minn Malta u li nfurmaw lill-Gvern Malti li jixtiequ jirċievu din il-pensjoni fil-kont Bankarju tagħhom ġewwa r-Renju Unit. Il-Kummissjoni Għolja tqassam medja ta’ kwazi seba’ mitt pensjoni fix-xahar. Fix-xahar ta’ Mejju tal-elfejn u dsatax tħallsu b’kollox sitt mija u tmenin (680) pensjonant.

Trasferiment tal-lapida ddedikata lil Fortunato Mizzi

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10308, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’passi ttieħdu dwar t-trasferiment tal-lapida ddedikata lil Fortunato Mizzi mill-Bażilika ta’ Santa Croce f’Firenze lejn Malta u jista’ jindika r-raġuni għaliex inħass il-bżonn li tinġieb f’pajjiżna?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, permezz tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma, ħadem sabiex tinġieb Malta l-lapida ddedikata lil Fortunato Mizzi li kienet mizmuma f’“Opera di Santa Croce” ġewwa Firenze. F’Mejju ta’ 2016 l-Ambaxxata infurmat il-Ministeru u l-Fondazzjoni Wirt Artna fuq s-sejba ta’ l-lapida f’maħżen tal-knisja.Minħabba l-figura ta’ Fortunato Mizzi kienet ewlenija fil-komunita’ li titkellem bit-Taljan f’Malta l-Fondazzjoni xtaqet li jekk possibli din il-lapida tinġieb lura Malta u talbet lil Ministru tal-Affarijiet Barranin għal għajnuna fuq dan il-proġett. Għaldaqstant il-Ministeru talab lill-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma biex jibdew il-kuntatti neċessarji. Wara li l-Ambaxxatur tkellmet ma’ diversi uffiċjali Taljani, l-Ambaxxata għamlet talba uffiċjali lil “Opera di Santa Croce” fl-10 ta’ Lulju 2017. Wara l-qbil tal-“Opera di Santa Croce” għad-donazzjoni tal-lapida lil Malta, il-Ministeru Taljan responsabbli għall-kultura ta’ l-kunsens tiegħu f’ Diċembru 2018. Fil-15 ta’ Marzu 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta fl-Italja rċeviet uffiċjalment l-lapida ġewwa Firenze li ġiet ippreżentata Malta f’ċerimonja ġewwa l-Mużew tal-Gwerra l-Birgu.

Jobsplus — Persuni barranin - permess għall-ħidma

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10296, jista’ l-Ministru jikkonferma lill-Kamra li għalhekk tul dawn l-ewwel xhur tas-sena nħargu 12,299 single permit/work permit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa l-aħħar t'April tal-2019, mill-2,734 applikazzjoni li rċiviet, Jobsplus ipproċessat 2,668 permess ta’ xogħol (Employment Licence) minn ċittadini ta’ pajjii terzi li mhumiex eliġibbli biex japplikaw għal Single Residence/Work Permit. Fost dawn l-applikazzjonijiet, Jobsplus ħarġet 2,610 permess ta’ xogħol u rrifjutat 58 applikazzjoni. Jobsplus ipproċessat wkoll 9,869 talba għal permess ta’ Single Residence/Work Permit sa l-aħħar t’April 2019. Din il-figura tinkludi wkoll applikazzjonijiet pendenti li ġew sottomessi f’Diċembru 2018. Minn dawn it-talbiet, Jobsplus irrakkomandat 9,035 applikazzjoni u oġġezzjonat għal 834 applikazzjoni wara li għamlet it-testijiet meħtieġa. Ta’ min jinnota li l-ħruġ finali ta' dawn il-permessi (Single Residence/Work Permit) jaqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Identity Malta u mhux ta’ Jobsplus; għalhekk l-ammont finali ta’ kemm attwalment ħarġu Single Residence/Work Permits trid tingħata minn dik l-entità.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Istati Uniti — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10314 u jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa New York tul din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma tal-Ambaxxata tagħna fi New York, jew aħjar kif inhi msejjħa ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta, hi mifruxa fuq diversi oqsma u tikkonsissti fuq varjeta ta’ azzjonijiet li jittieħdu matul il-perjodu indikat fil- mistoqsija. L-ewwel ħaga ta’ min jingħad li Malta bħala membru tal-Unjoni Ewropea, taħdem f’dan il-qafas u bil-għan li jintlaħqu l-objettivi prinċipali tal-Unjoni Ewropeja fi ħdan in – Nazzjonijiet Uniti. Għaldaqstant Malta taħdem mas-sieħba l-oħra tal-Unjoni biex jissaħħaħ il-multilateralizmu u s-sistema mondjali bbazata fuq regoli predeterminati hekk msejjha ‘rules based system’. Fid-dawl ta’ x’qed jiħri fid-dinja, bħala pajjiz zgħir, Malta għandha kull interess li s-sistema ta’ ordni internazzjonali tkun effettiva u id-djalogu multilaterali jissaħħaħ. Mhux dan biss imma, Malta permezz tar-Rapprezentanza Permanenti ġewwa New York taħdem ma’ pajjizi oħra u mas-Segretarju Generali biex kemm jista’ jkun nkattru l-prevenzjoni ta’ konflitti, nistabbilixxu paci u sigurta, nippromovu d-drittijiet umani madwar id-dinja, nindirrizzaw l-isfidi tal kambjamenti fil-klima, il-migrazzjoni u l-estremizmu vjolenti u t-terrorizmu, nimplimentaw is-Sustainable Development Goals bil-għan li nilħqu l-miri tagħna tal-Agenda 2030, kif ukoll naħdmu biex iċ-ċirkostanzi jippermettu li nnaqqsu l-proliferazzjoni tal-armi nukleari u npoggu fuq bazi soda id-dizarm in ġenerali. Ir-Rapprezentanzaa Permanenti ta’ Malta tieħu ħsieb dawn id-dossiers b’ħidma differenti u tippromovi u tissalvagwarda l-interessi ta’ Malta f’oqsma oħra bħal dawk relatati mall-Law of the Sea, mar-Riforma fil-Kunsill tas-Sigurta, sanzjonijiet, mas-sitwazzjoni fil-Libja, is-sitwazzjoni fis-Sahel, il-process ta’ paci fil-Lvant Nofshani, ir-regjun tal-Balkani, u l-konflitti l-oħra kollha speċjalment dawk li huma fl-Ewropa jew vicin tagħha u dawk li jistgħu ikollhom effetti fuqna. Għaldaqstant ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta tieħu sehem b’mod regolari u kontinwu fid-diskussjonijiet li jsiru kemm ta’ ko-ordinament mal-grupp tal-Unjoni Ewropea u mal-grupp aktar wiesgħa tal-WEOG, imma wkoll fid-diskussjonijiet fin-Nazzjonijiet Uniti skont kif ikun il-kaz u l-bzonn. Malta permezz tar-Rapprezentanza Permanenti ġewwa New York, hi co-chair tal Group of Friends Children and Armed Conflict u tmexxi id-diskussjonijeit f’dan ir-rigward. Hija wkoll membru attiv tal- Group of Friends on Oceans and Seas, tal-Group of Friends for Climate and Security, tal-Group of Friends of the Mediterranean Diet, tal-Group of Friends for the Prevention of Drowning u tal-Group of Friends on Water. Malta hija wkoll membru attiv tal-Committee on the Inalienable Rights of the Palestinian People, tal- Forum of Small States u minn din is-sena membri tal- ECOSOC. Matul din is-sena, ir-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta fi New York ħadet sehem fis-17 ir-rizoluzzjoni mgħoddija mill-Assemblea Generali li minnhom Malta iko-sponorizzat 5. Minn dawn is-17 ir-rizoluzzjoni, Malta astjeniet fuq waħda dwar Advisory Opinion of the ICJ on the legal consequences of the separation of Chagos Archipelago from Mauritius in 1965. Fuq il-bqija jigifieri, 16 ir-rizoluzzjoni kien hemm adozzjoni mingħajr vot, jigifieri kulħadd qabel. Minkejja li m’aħniex membri tal-Kunsill tas-Sigurta, f’certi kazijiet hu permess li stati membri tan- Nazzjonijiet Uniti jissieħbu ma’ dawk membri tal-Kunsill tas-Sigurta biex jisponsorizzaw ċerti rezoluzzjonijiet. Il-Kunsill tas-Sigurta approva 22 rizoluzzjoni li minnhom Malta ħadet sehem fi tnejn bħalha co-sponsor, waħda fuq Silencing the guns in Africa u l-ohra Missing persons in conflicts. Matul is-sena, ir-Rapprezentanza Maltija gewwa New York ikontribwixxiet għal bosta diskorsi magħmula f’isem l-Unjoni Ewropeja kif ukoll ħadet sehem b’interventi nazzjonali f ‘aktar minn 12 il-okkazjoni f’High Level Meetings organizzati mill-President tal-General Assembly u jew f’Open Debates tal-Kunsill tas-Sigurta. Ir-Rapprezentanza Permanenti fi New York tkopri hafna laqgħat bħala delegazzjoni ufficcjali ta’ Malta. Dawn jinkludu il Commission on Population and Development, il-Commission on the Status of Women, l-ECOSOC Youth Forum, il-Committee of Experts on International Tax Matters, High Level Meeting on Cyclone Idai, is-sezzjonijiet tan-negozjait fuq An international legally binding instrument under UNCLOS on the conservation and sustainable use of marine biological diversity of areas beyond national jurisdiction, tal-Commission on Social Development u taghti ghajnuna lill-delegazzjonijiet Maltin li jitilgħu għal konferenzi speċifiċi fi New York. Ir-Rapprezentanza Permanenti fi New York tattendi b’mod regulari il-laqgħat tal-WEOG u tieħu ħsieb tikkordina il-kandidaturi li jitolbu appoġġ minn Malta. Ir-Rapprezentanza tattendi b’mod regulari ukoll id-diversi laqgħat ta’ koordinanment tal-Unjoni Ewropea li jinkludu il- HOMs, Deputies meetings, article 34 meetings, GA Committee Coordination meetings, resolutions facilitations meetings u ħafna oħrajn. Tattendi ukoll il-laqgħat ta- koordinament tal-Commonwealth u Francophonie. Fil-qosor din hija ftit mill-ħidma tar-Rapprezentanza Permanenti ta’ Malta ġewwa New York.

Università ta’ Malta – Tranġar ta’ kmamar tal-banju fil-librerija

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’proċeduri qed jittieħdu dwar il-proġett għal tibdil ta’ kmamar tal-banju fil-librerija fl-Università ta’ Malta? Jista’ jindika x’inhuma d-diffikultajiet li qed jiltaqa’ magħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif intqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar dan is-suġġett, il-kmamar tal-banju kollha tal-Librerija tal-Università ser jiġu sostitwiti matul is-sajf tas-sena 2019.

Università ta’ Malta – bidliet fil-Melitensia

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’tibdiliet saru ġewwa s-sezzjoni magħrufa bħala “Melitensia” fl-Università ta’ Malta u jista’ jindika jekk kemm-il darba l-għamara ġdida li kellha tinxtara nxtratx u jekk iva meta ser tiġi installata u jekk le x’inhuma d-diffikultajiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li x-xogħol li sar fis-sezzjoni tal-Melitensia jinkludi installazjoni ta’ vinyl flooring, UV film mal-ħġieġ tat-twieqi, installazzjoni ta’ network ġdida, installazzjoni ta’ partition tal-gypsum u tibjid. Sadanittant, ġie mħejji tender għal xiri ta’ għamara, liema tender ġie proċessat mill-UM u MEDE. Il-proċess tat-tendering ġie konkluż u l-għamara ser tiġi installata matul is-sajf 2019.

Università ta’ Malta – proġetti – Bdil ta’ units tal-air condition fis-Sala Sir Temi Zammit

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’proċeduri qed jittieħdu dwar il-proġett ta’ bdil tal-units tal-Air Conditioning ġewwa s-Sala Sir Temi Zammit fl-Università ta’ Malta? Jista’ jindika x’inhuma d-diffikultajiet li qed jiltaqa’ magħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li dan il-proġett mhux ippjanat li jsir fl-2019. Kif ikkomunikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari preċedenti, is-Sala Sir Temi Zammit jeħtiġilha refurbishment sħiħ u s-sistema tal-air conditioning hija parti minn dan il-proġett. Loġistikament dan jinvolvi li, għal sena partikolari, jinstab post alternattiv fejn ikunu jistgħu isiru l-lectures li bħalissa jsiru fis-sala kif ukoll iċ-ċerimonji ta' gradwazzjoni. Huwa antiċipat li l-proġett jitwettaq fis-snin li ġejjin. Dan kollu jiddependi wkoll fuq il-fondi disponibbli.

Attendenza għal laqgħat barra minn Malta

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10301, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ġiet tiswa ż-żjara li saret bejn it-23 u l-25 ta’ Jannar 2019 ġewwa t-Turkija? Jista’ jinforma wkoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni u x’sar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill Onor. Interpellant li l-ispejjeż li tħallsu għaż-żjara ġewwa t-Turkija bejn it-23 u 25 ta' Jannar 2019 kienu ta' €2,898.77. Iż-żjara saret fl-okkażjoni tal-Forum tan-Negozji bejn it-Turkija u Malta ġewwa Istanbul, fejn akkumpanjajt lill E.T. Marie Louise Coleiro Preca, u flimkien attendejna laqgħa bilaterali mal-President Tork Recep Tayyip Edrogan u l-Vici Presdient Fuat Oktay, kif diġà ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 10301. Inzid ngħid li kelli laqgħa mall-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Turkija. Kont akkumpanjat mis-Segretarju Permanenti, id-Direttur tal-Protokoll, is-Sinjura Abela u l-Assistent Segretarju Privat.

Attendenza għal laqgħat barra minn Malta

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10301, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ġiet tiswa ż-żjara li saret bejn is-6 u d-9 ta’ April 2019 ġewwa Singapore u jista’ jinforma wkoll minn min kienet komposta d-delegazzjoni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żjara ġewwa Singapore bejn is-6 u d-9 t'April 2019 kienet tinkludi dawn l-ispejjż.€24,540 flights,€2,759.74 Lukanda,€1,456 Subsistence Allowance u €1,395.92 spejjeż oħra.Il-Ministru kien akkumpanjat miċ-Chief of Staff, s-Segretarju Privat u Ambaxxatur non-designate.

Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi – approvazzjoni ta’ ambaxxaturi

Question

B’referenza għar-risposta għad-domanda parlamentari 10311, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx xi raġuni għaliex il-Panama għadu ma għaddiex l-agrément?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull pajjiż għandu l-proċeduri diplomatiċi ta’ kif joħroġ l-agrément, kif dan jiġi komunikat u kif ukoll l-istħarriġ ta’ sigurtà li wieħed jagħmel qabel. Il-Ministeru għadu qiegħed jistenna li jirċievi l-agrément għal ħatra tal-Ambaxxatur nominat bħala Ambaxxatur ta’ Malta għal Panama.

Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili — appelli superjuri u inferjuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati kawżi ġodda fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u kemm ġew preżentati Appelli Superjuri u Inferjuri tul dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qrati ta’ Malta l-għadd ta’ kawżi ġodda ppreżentati fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u l-għadd ta’ Appelli Superjuri u Inferjuri mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2019 kien hekk: i. Kawżi fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili : 656 ii. Kawżi fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) : 87 iii. Appelli fil-Qorti tal-Appell Superjuri : 181 iv. Appelli fil-Qorti Kostituzzjonali : 23 v. Appelli fil-Qorti tal-Appell Inferjuri : 163 Fil-Qorti Għawdex għadd ta’ kawżi ġodda ppreżentati fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili u l-għadd ta’ Appelli Superjuri u Inferjuri mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2019 kien hekk: i. Kawżi fil- Prim’ Awla – Seżżjoni Ġenerali - 41 ii. Appelli Superjuri – Xejn iii. Appelli Inferjuri – 6

Ħal Għaxaq — Ħlas ta' esproprju ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-proċeduri għall-ħlas tal-esproprju ta’ Triq Patri Girgor Grima ma' Triq il-Qattus Ħal Għaxaq sabiex tiġi estiża triq pubblika (Ref 256/18)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, li b’referenza ghat-talba illi saret għall-espropju fi Patri Girgor Grima ma' Triq il-Qattus Ħal Għaxaq, ġie kkonfermat illi l-Awtorità tal-Artijiet ħadet il-passi necessarji biex tinforma lill-avukat tal-klijent illi ġie nfurmat b’ittra, datata 23 t’Ottubru 2018, illi t-talba tiegħu ġiet mgħoddija lill-Transport Malta. Infurmati wkoll illi f’ittra datata 21 ta’ Gunju 2013, TM kienet digà infurmat lill Perit li kiteb ghan nom tal klijent fejn ġie indikat illi l-art saret bi żvilupp ċjoè biex jingħata aċċess għall-propjetajiet oħra u għaldaqstant ma sar l-ebda esproprju minn entità governattiva. TM infurmat ukoll lill-perit li jekk kellha ssir talba għal kumpens, din kellha ssir lil min għamel dan l-iżvilupp. It-TM infurmaw ukoll lill-Awtorità tal-Artijiet li l-pożizzjoni tagħhom għadha bħal dik tal-2013. Il-kopji tal-ittri msemmijja fit-tweġiba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ittri Uffiċjali Eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ittri uffiċjali eżekuttivi indikati bħala 166A tul dawn l-aħħar ħames xhur ta' din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta ġew ippreżentati 1335 Ittri Uffiċjali ai termini tal-Artikolu 166A tal-Kap 12 mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2019 – 61 ittra uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u 1274 ittra uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati. Fil-Qorti Għawdex ġew ipprezentanti 61 Ittri Uffiċjali ai termini tal-Artikolu 166A tal-Kap 12 mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Mejju 2019 – 2 ittri uffiċjali fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u 59 ittra uffiċjali fil-Qorti tal-Maġistrati.

Arbitraġġi ġodda reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati arbitraġġi ġodda tul dawn l-ewwel ħames xhur tas-sena u jindika kemm kienu volontarji, internazzjonali u mandatarji, kif ukoll kemm ġew deċiżi jew konklużi fl-istess żmien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li bejn Jannar u Mejju 2019 ġew ippre¿entati fiċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta 94 każ, li minnhom 83 kienu arbitraġġi mandatoriji, 4 kienu arbitraġġi volontarji u 7 kienu arbitraġġi internazzjonali. Matul l-istess perjodu ġew deċiżi 89 każ.