Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ambaxxata ta’ Malta fit-Turkija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Turkija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa kif gej. Bilaterali Bla dubju, l-avveniment l-iktar importanti li seħħ matul il-perjodu msemmi kienet iż-Żjara Statali li l-E.T. il-President is-Sinjura Marie-Louise Coleiro Preca għamlet fit-Turkija, fuq stedina tal-President tat-Turkija, l-E.T. Recep Tayyip Erdoðan. Iż-żjara seħħet bejn it-22 u l-24 ta’ Jannar 2019. L-ewwel ġurnata kienet tikkonsisti b’business forum taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta u l-Viċi President tat-Turkija, E.T. Dott. Fuat Oktay, f’Istanbul. Ipparteċipaw erba’ Ministri tal-Kabinett, Segretarju Parlamentari u madwar 50 intraprenditur u negozjant Maltin, kif ukoll numru mdaqqas ta’ imprendituri Torok. Kien hemm ukoll diversi laqgħat bejn l-imprendituri taż-żewġ naħat. L-attività tat-tieni jum seħħet kollha fil-belt kapitali Ankara fejn l-E.T. il-President Coleiro Preca ngħatat l-Unuri Statali minn Gwardja tal-Unur u ltaqgħet mal-E.T. is-Sur Recep Tayyip Erdoðan fil-Palazz Presidenzjali. Dan kien il-qofol taż-Żjara Statali. Saru laqgħat oħra li fihom ipparteċipaw l-erba’ Ministri u s-Segretarju Parlamentari. Matul iż-żjara, l-E.T. il-President ta’ Malta u d-delegazzjoni żaru l-Parlament Tork u ltaqgħu mal-Ispeaker, l-E.T. is-Sur Binali Yýldýrým. Il-President żaret ukoll Anýtkabir, il-Mosolew fejn hu midfun Mustafa Kemal Atatürk, u poġġiet kuruna. L-Ambaxxata f’Ankara, kif ukoll il-Konsolat Ġenerali tagħha f’Istanbul, kienu impenjati sewwa kemm fit-tħejjijiet u anki waqt iż-żjara. Matul l-istess perjodu, l-Ambaxxata żammet, bl-aħjar mod possibbli, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ mgħarraf b’dak kollu li kien qiegħed iseħħ fit-Turkija, minn avveniment u żviluppi politiċi għas-sitwazzjoni fl-ekonomija, l-qasam tal-Jeddijiet tal-Bniedem, Saltna tad-Dritt, u l-Libertà tal-Kelma. Saru wkoll kuntatti diversi mal-Awtoritajiet Torok dwar appoġġ bilaterali li ż-żewġ pajjiżi ddiskutew jew wiegħdu li jagħtu lil xulxin f’fora jew oqsma internazzjonali. Komplew il-kuntatti mal-Awtoritajiet Torok dwar ftehim ta’ koperazzjoni f’oqsma tal-Edukazzjoni u s-Saħħa. Fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija, l-Ambaxxata flimkien mal-Ministeru u r-Rappre¿entanza Permanenti ta’ Malta fi Brussell, segwiet kemm setgħet u irrappurtat dwar l-iżviluppi li kienu qegħdin iseħħu anki fl-isfond tat-temi politiċi attwali fit-Turkija. L-Ambaxxatur jattendi regularment f’Ankara laqgħat għall-Kapijiet ta’ Missjonijiet tal-UE. Dawn il-laqgħat, li jitmexxew mill-Ogħla Rappreżentant tal-UE fit-Turkija jittrattaw temi politiċi attwali fit-Turkija kif ukoll bosta temi oħra marbuta mal-perspettiva Ewropea tat-Turkija u l-politika barranija tal-pajjiż. Dawn il-laqgħat iservu bħala qafas li jikkumplimenta l-ħidma tal-UE u l-Membri Stati tagħha rappreżentati fit-Turkija. L-Ambaxxatur ipparteċipa flimkien ma’ Ambaxxaturi oħra fi żjarat reġjonali li d-Delegazzjoni tal-UE torganizza kultant żmien fejn l-emfasi tkun fuq proġetti li jkunu ffinanzjati mill-UE. L-Ambaxxatur irrappreżenta anke lill-Onor. Ministru Carmelo Abela fis-Sitt Laqgħa tal-Proċess ta’ Budapest li saret f’Istanbul, segwa kemm seta’ l-operazzjonijiet militari li t-Turkija qiegħda tagħmel lil hemm mill-fruntiera mas-Sirja u l-assistenza umanitarja li t-Turkija tagħti lil madwar 3.5 miljun refuġjat li jgħixu fit-Turkija b’konsegwenza tal-kunflitt fis-Sirja. Kummerċjali Saru laqgħat ma’ żewġ kumpaniji tal-avjazzjoni li kienu interessati jespandu n-negozju tagħhom u jirreġistraw il-kumpanija tagħhom fir-Reġistru Malti. It-taħditiet issa qegħdin f’idejn id-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili. Laqgħat simili saru ma’ kumpaniji fis-settur turistiku u marittimu. Dawn il-laqgħat seħħew ftit wara ż-Żjara Statali tal-E.T. l-President Coleiro Preca. Kull tant żmien, l-Ambaxxatur u l-Konslu Ġenerali kienu wkoll f’kuntatt maż-żewġ Konsli Onorarji li jirrappreżentaw l-interessi ta’ Malta f’Iżmir u Antalja, l-iktar dwar informazzjoni ta’ natura kummerċjali li jkollhom bżonn, jew inkella ħtiġijiet oħra. Kulturali u/jew Promozzjoni ta’ Malta L-Ambaxxatur ipparteċipa wkoll fi żjarat f’żewġ reġjuni organizzati għall-Missjonijiet Diplomatiċi akkreditati għat-Turkija minn Ministeri jew Direttorati Torok. Hu tajjeb u jista’ ikun ta’ benefiċċju li jkun hemm preżenza Maltija f’dawn iż-żjarat. Fuq stedina mill-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università Teknika tal-Lvant Nofsani f’Ankara, l-Ambaxxatur indirizza studenti li kienu qegħdin iħejju ruħhom għal studji terzjarji fil-belt ta’ Bejpazari. L-Ambaxxatur attenda ħafna attivitajiet ta’ natura soċjali organizzati minn Ambaxxati oħra, bħal ċelebrazzjonijiet ta’ jiem nazzjonali ta’ pajjiżi oħra. Attenda wkoll avvenimenti importanti organizzati mill-Awtoritajiet Torok u li għalihom kienu mistiedna l-membri tal-Korp Diplomatiku. Konsulari Bejn Jannar u April 2019, daħlu fil-Konsolat Malti f’Istanbul 1,617-il applikazzjoni għall-viża, żieda ta’ 13.48% fuq l-istess perjodu tas-sena 2018. Minn dawn, 95 applikazzjoni kienu rrifjutati. Applikazzjonijiet li jidħlu fl-Ambaxxata f’Ankara jkunu riferuti lill-Konsolat. Il-Konsolat ipproċessa wkoll erba’ applikazzjonijiet għal passaporti ġodda jew biex ikunu mġedda. Il-Konslu Ġenerali, fil-kapaċità tiegħu bħala Kummissarju għall-Ġuramenti, kien xhud ta’ 177 firma fuq dokumenti relatati mal-industrija marittima u mar-reġistrazzjoni ta’ vapuri ta’ sidien Torok fuq ir-Reġistru Marittimu Malti. Il-Konslu Ġenerali u l-Istaff tiegħu assistew numru ta’ Ministri Maltin waqt waqfiet f’Istanbul fi triqithom lejn pajjiżi oħra. Għen lill-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma u d-delegazzjoni tiegħu waqt konferenza internazzjonali f’Ýstanbul. Il-Konsolat għen ukoll xi Maltin li sabu ruħhom f’xi diffikultà meta kienu għaddejjin mill-ajruport ta’ Ýstanbul. Il-Konslu Ġenerali attenda numru ta’ attivitajiet organizzati minn Konsolati oħrajn f’Ýstanbul, partikolarment dawk tal-UE. F’April, il-Ministeru bagħat, għal żmien temporanju, diplomatiku żagħżugħa f’Ýstanbul biex tgħin lill-Konsolat Ġenerali fil-ħidma tagħhom.

Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-Kummissjoni Għolja tagħna ġewwa l-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Il-ħidma tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fl-Indja fl-ewwel erba’ xhur ta din is-sena, maqsuma f’dawn is-sezzjonijiet, tittratta: Bilaterali · Ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja: il-Kummissjoni Għolja ssoktat taħdem biex jissaħħu dejjem aktar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Indja u biex jinżamm ir-ritmu ta’ żjarat u taħdidiet fl-ogħla livelli politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Wara għadd ta’ żjarat miż-żewġ naħat li saru fl-2018, il-Prim Ministru kellu taħdidiet mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi f’Jannar (17-19) ġewwa l-Indja. Iż-żewġ mexxejja qablu li l-livell tar-relazzjonijiet kienu ssaħħew aktar minn qatt qabel u li l-kuntatti intensivi bejn iż-żewġ pajjiżi għandhom jissoktaw. Fi kliem tal-Prim Ministru Modi dawn it-taħdidiet taw saħħa qawwija lir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Iż-żewġ mexxejja ddiskutew koperazzjoni f’għadd ta’ oqsma inkluż il-farmaċewtika, t-turiżmu, l-innovazzjoni u fit-teknoloġija tal-informatika (IT). Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru kien il-mistieden speċjali tal-Prim Ministru Indjan għall-Vibrant Gujarat Global Summit fejn indirizza għadd kbir ta’ CEOs u mexxejja industrijali u imprenditorjali mill-Indja. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat mal-awtoritajiet tal-istat ta’ Gujarat, wieħed mill-aktar stati kummerċjalment u industrijalment attivi fl-Indja. · Aktar opportunitajiet għal min jixtieq jaddotta tfal mill-Indja: L-Indja hija l-akbar sors ta’ addozzjonijiet lejn Malta. Il-Kummissjoni Għolja ħadmet bis-sħiħ sabiex l-Aġenzija Appoġġ tiġi approvata mill-Aġenzija Ċentrali tar-Riżorsi tal-Adozzjoni (CARA) fl-Indja sabiex tgħin persuni Maltin jaddottaw tfal minn dan il-pajjiż. Fl-aħħar xhur saru rapreżentazzjonijiet ma' CARA sabiex jiġu approvati żewġ agenziji Maltin oħra. Kummerċjali · Matul dan il-perjodu il-ħidma kompliet tiffoka fuq l-oqsma tal-farmaċewtika, tal-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informatika, it-turiżmu, l-industrija tal-films u divertiment, edukazzjoni u l-promozzjoni tas-sensiela ta’ servizzi li għalihom Malta qed issir dejjem aktar magħrufa fl-Indja. · Il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar indirizzaw laqgħa f’Gandhinagar, Gujarat, għall-investituri Indjani fl-oqsma tal-Informatika, l-enerġija, l-infrastruttura, l-ospitalità, is-settur marittimu u s-setturi tal-importazzjoni. Bosta mill-investituri li attendew għamlu dan wara kuntatti mal-Kummissjoni Għolja u tħajru jinvestu f’Malta. Il-Prim Ministru kellu wkoll laqgħat ma’ investituri Indjani f’Mumbaj fil-qasam tal-informatika u l-finanzi. · Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar kellu bosta laqgħat ma’ imprendituri Indjani fil-qasam tal-farmaċewtika. · Matul ix-xhur li għaddew il-Kummissjoni Għolja organizzat laqgħat ma' diversi kumpaniji Indjani b’interess f’Malta. Dawn il-kumpaniji ġew imlaqqa’ mal-Malta Enterprise, Trade Malta, mal-Kamra tal-Kummerċ jew entitajiet Maltin oħra, skont l-interess tagħhom. Il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem u tibgħat informazzjoni dwar fieri u konferenzi li jistgħu jkunu ta’ interess kummerċjali għal Malta. · Saru wkoll laqgħat ma’ membri tal-Konfederazzjoni tal-Industrija Indjana biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-informatika u l-finanzi fi ħdan il-qafas legali f’Malta għal kumpaniji u operaturi fil-Katina tal-Blockchain u t-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT). Kulturali · Wara l-wirja ta’ xogħlijiet viżivi ta’ Austin Camilleri u żifna mill-kumpanija taż-żfin Moveo mnedija ġewwa Delhi fl-2018, il-Kummissjoni kompliet taħdem biex timmpromwovi t-talent ċinematografiku Malti permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. · Il-Kummissjoni Għolja għenet biex jinstabu sponsors biex tittella’ wirja ta’ artisti għomja Maltin f’Delhi iżda din kellha tiġi posposta sakemm jistabu fondi minn Malta għall-bijetti tal-ajru. Konsolari · Il-Kummissjoni Għolja kompliet tipproċessa għadd kbir ta’ viżi minn applikanti mill-pajjiżi akkreditati (Indja, Nepal, Bangladexx, Sri Lanka) għal żjarat ta’ kummerċ u investiment, turiżmu, studju u xogħol. Il-Kummissjoni Għolja tirċievi l-akbar numru ta’ applikazzjonijiet għall-viżi fix-xahar. Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2019 biss ġew ipproċessati 3,387. Dan huwa servizz importanti biex ikomplu jikbru il-kuntatti bejn iż-żewġ pajjiżi u pajjiżi oħra. · Il-Konsolat offra servizzi li jinkludu tiġdid tal-passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, żwiġijiet u mewt mar-Reġistru Pubbliku, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza. Bħala l-uniku Konsolat fir-reġjun, dan offra servizz importanti lil numru konsiderevoli ta’ turisti Maltin li spiss jiġu bżonn assistenza konsolari speċjalment f’każ ta’ passaporti mitlufin jew misruqa u problemi oħra li jiltaqgħu magħhom. · Ingħatat assistenza lil ċittadini Maltin ġewwa l-Indja, inkluż reliġjużi, li jwettqu xogħol ta’ għajnuna soċjali fil-komunità biex jinħarġilhom passaport Malti kif ukoll għajnuna mal-awtoritajiet Indjani fejn kienet meħtieġa. · Il-figuri li jittrattaw ħidma konsolari għall-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huma dawn li ġejjin: - Assistenza lil ċittadini Maltin: 3 - Dokument tal-Ivvjaġġar tal-Emerġenza: 1 - Reġistrazzjonijiet mar-Reġistru Pubbliku: 3 - Applikazzjonijiet għal ċittadinanza: 1 - Mistoqsijiet dwar / applikazzjonijiet u ġbir ta’ Passporti: 14 · Kompliet tingħata l-għajnuna lil għadd dejjem jikber ta’ koppji Maltin li jżuru l-Indja biex itemmu l-proċess tal-adozzjoni tagħhom inkluż biex jinħarġu d-dokumenti meħtieġa lit-tfal u l-permess ta’ ħruġ lill-ġenituri. Matul dawn ix-xhur saret ħidma intensiva biex jissolva każ ta’ adozzjoni mwaħħal għal żmien twil fil-qrati Indjani. Frott ta’ bosta laqgħat ma’ uffiċjali Indjani ġewwa Delhi u lokalment f’Gorakhpur, l-adozzjoni spiċċat b’wiċċ il-ġid u t-tifla setgħet tingħaqad mal-familja tagħha Malta. · L-interessi Maltin imħarsa aħjar f’Mumbaj: L-Exequatur għas-Sinjura Chandra Ruia bħala Konslu Onorarju ta' Malta f'Mumbaj b'ġurisdizzjoni fuq l-istat ta' Maharashtra ffirmat minn E.T il-President tal-Indja Ramnath Kovind, fit-13 ta’ Frar 2019 issanzjona uffiċjalment il-ħatra tas-Sinjura Ruia. L-Exequatur ġie eżattament sena wara l-preżentazzjoni tan-nomina formali tas-Sinjura Ruia grazzi għall-ħidma tal-Kummissjoni Għolja li kellha kemm-il laqgħa ma' rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan dwar din il-ħatra. Il-ħatra ta’ Konslu Onorarju ta’ Malta fil-kapitali finanzjarja tal-Indja huwa pass sinifjikanti fil-promozzjoni tal-interessi Maltin f’din il-belt. · Inżamm kuntatt mill-qrib ma’ turisti Maltin fis-Sri Lanka wara l-attakki terroristici li seħħu madwar il-pajjiż f’Ħadd il-Għid biex jinżammu ’l bogħod mill-periklu u biex jerġgħu lura Malta malli jkun possibbli. Promozzjoni ta’ Malta · Ġie deċiż li r-riċeviment li tradizzjonalment jinżamm bħal daż-żmien tas-sena għall-organizzaturi ta’ tiġijiet Indjani flimkien ma’ Blue Marble Destination Management għandu jiġi pospost minħabba l-elezzoni ġenerali Indjana. Saru wkoll preparamenti biex il-Kummissjoni Għolja tieħu sehem f’Jum l-Ewropa. Oħrajn · Saru għadd ta’ laqgħat u kuntatti mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Indjan u l-Ambaxxati akkreditati (Bangladexx, Nepal, Sri Lanka u Maldivi) biex jiġi assigurat il-vot tagħhom għall-elezzjonijiet li Malta qiegħda tikkontesta f’fora multilaterali inkluż l-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima u l-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. · Kompliet il-ħidma biex istituzzjonijiet edukattivi Maltin bħall-MCAST jistabbilixu rabtiet aktar mill-qrib ma’ istituzzjonijiet Indjani u fost oħrajn jiġu offruti korsijiet mill-MCAST u jinġiebu aktar studenti Indjani jistudjaw Malta.

Konsolat ta’ Malta fl-Alġerija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-konsolat tagħna ġewwa l-Alġerija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li apparti x-xogħol amministrattiv bħalma huwa ħrug ta’ viżi li jsir ta’ kuljum, t-twettiq ta’ ħidma mill-konsolat ta’ Malta fl-Alġerija matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien kif ġej: - attendenza għal disa’ (9) laqgħat fuq livell ta’ Unjoni Ewropea li kienu jitrattaw diversi suġġetti fosthom il-kooperazzjoni bejn l-iStati Membri fuq affarijiet konsulari; - fi tmien (8) okkażjonijiet separati, il-Konslu ltaqa’ma’ ċittadini Maltin sabiex jiddiskutu materji ta’ natura konsulari; - attendenza għal tliet (3) riċevimenti. Apparti l-ħidma indikata hawn fuq, il-Konsulat ta diversi servizzi konsulari oħra li d-dettalji tagħhom qed jidru f’dawn it-tabelli hawn taħt. Viżi pproċessati Viża Ċ Viża Limited Territory (LTV) Total Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi maħruġa Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi rifjutati % viżi rifjutati Single entry Multiple entry Single entry Multiple Entry inclusive of Two Entries LTV 215 28 12 5 4 243 21 222 91.36% 162 28 22 13 4 190 39 151 79.47% 141 10 18 5 3 151 26 125 82.78% 154 13 23 9 0 167 32 135 80.84% Servizzi konsolari oħra Total Tiġdid ta’ Passaporti Diplomatiċi 1 Tiġdid ta’ Passaporti Ordinarji 1 Ġuramenti 2 Awtentikar ta’ firem 202

Konsolat Ġenerali ta’ Malta fil-Kanada — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mill-Konsolat Ġenerali tagħna ġewwa Toronto, Kanada fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minbarra x-xogħol amministrattiv ta’ kuljum, matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, il-Konsulat Ġenerali ta’ Malta ġewwa Toronto, il-Kanada wettaq il-ħidma kif ġej: - ikkordina mal-awtoritajiet Kanadiżi sabiex jitfasslu diversi programmi ta’ żjarat fosthom iż-żjara tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta fi Quebec; u ż-żjara tal-Ispeaker tal-Kamra f’Ottawa; - attenda għal ħames (5) laqgħat fuq livell għoli mal-awtoritajiet Kanadiżi fejn ġew diskussi suġġetti ta’ natura differenti fosthom il-kummerċ, il-kultura, possibiltajiet ta’ skambji għal fini ta’ riċerka fuq il-kanċer, fost l-oħrajn; - f’sitt (6) każi l-Konslu ltaqa’ma’ ċittadini Maltin sabiex jiġu diskussi diversi materji li kienu jinkludu temi relatati mal-kultura u l-kummerċ fost l-oħrajn; - attenda għal erba’ (4) riċevimenti; - saru preparamenti għaż-żjarat li jmiss tal-Consul-on-the-Move ta’ Mejju fi Price George u Vancouver rispettivament. Apparti l-ħidma indikata hawn fuq, il-Konsulat Ġenerali ta diversi servizzi konsulari oħra li d-dettalji tagħhom qed jidru hawn taħt. Viżi Schengen Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ Viżi maħruġa Numru ta’ Viżi rifjutati / irtirati 20 17 3 Passaporti Numru ta’ reġistrazzjoni ta’ Ċertifikati sottomessi għal finijiet ta’ applikazzjoni għal passport Numru t’Applikazzjonijiet Numru ta’ ħruġ ta’ Passaporti Ġodda 86 115 57 Applikazzjoni għal Ċittadinanza Rikonferma ta’ Ċittadinanza (Formola A/B) Formola A (talba għal informazzjoni) l-1 ġenerazzjoni li twieldu barra minn Malta qabel l-1964 Formola B (talba għal informazzjoni) l-1 ġenerazzjoni li twieldu wara l-1964 Formola B - Żwieġ Formola I (min-naħa tal-omm) Formola K (it-2 ġenerazzjoni li twieldu barra minn Malta Formola M (Minuri) Numru totali t’Applikazzjonijiet 11 6 7 10 4 14 8 60 Pensjonijiet Pensjoni tar-Romol Pensjoni tal-Irtirar Pensjoni tal-Invalidita’ Pensjoni tat-Teżor Numru t’Applikazzjonijiet ġodda għal xi pensjoni Numru totali t’Applikazzjonijiet 407 998 1173 20 4 2602 Servizzi konsolari oħra Total Awtentikar/xhieda ta’ firem 102 Każijiet konsulari oħra ta’ ċertu kumplessità 10

Rappreżentanza Permananti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret mir-Rappreżentanza Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ta’ pajjiżna ġewwa Ġinevra fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-Rappreżentanza Permanenti għan-Nazzjonijiet Uniti ta’ pajjiżna ġewwa Ġinevra kopriet total ta' 278 laqgħa fl-ewwel erba' xhur tal-2019. Ta' importanza partikolari, hija l-parteċipazzjoni attiva tal-Missjoni fl-40 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) mill-25 ta' Frar sal-24 ta' Marzu 2019, fejn twasslu seba' stqarrijiet, kif ukoll fl-74 Sessjoni tal-Kumitat Permanenti tal-UNHCR ta’ bejn il-5 u s-7 ta' Marzu 2019 fejn ġiet mogħtija wkoll dikjarazzjoni. Il-Missjoni wettqet preparazzjonijiet għat-33 Sessjoni tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li saret f'Mejju 2019. Il-Missjoni kompliet tipprovdi assistenza konsulari lill-komunità Maltija li tgħix fl-Isvizzera, kif ukoll appoġġ loġistiku lil delegazzjonijiet tal-gvern li jivvjaġġaw fuq xogħol għal Ġinevra.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Kuwajt — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kuwait fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa: Xogħol Bilaterali · L-Ambaxxata organizzat u ħadet ħsieb mawra ta’ Uffiċjali Għolja mill-Università ta’ Malta li saret fil-Kuwajt. L-għan ewlieni tal-mawra kien biex tippromwovi l-Univeristà ta’ Malta fil-Kuwajt. Dan billi tagħti tagħrif lill-uffiċjali tal-Kuwajt dwar il-progress tal-istudenti tal-Kuwajt li qed jistudjaw f’Malta bħalissa u toffri aktar postijiet lil studenti oħra mill-istess pajjiż f’diversi oqsma fosthom il-qasam mediku, dentistrija u inġinerija. Id-delegazzjoni Maltija żaret skejjel privati minn fejn hemm il-possibilità li jintbagħtu studenti Malta. Ix-xogħol fuq dan il-proġett għadu għaddej. · Hemm taħdidiet għaddejjin biex jigi ffirmat MoU bejn l-Awtorità tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt u l- Malta Enterprise . · Ġie mwaqqaf il-Grupp Parlamentari Malta-Kuwajt. L-Ispeaker tal-Assemblea tal-Kuwajt ħareġ stedina lill-Onorevoli Dott Anġlu Farrugia biex iżur il-Kuwajt f’data u ħin tajjeb għaż-żewġ naħat. · Għaddejjin taħdidiet biex jiġi ffirmat MoU bejn il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali ta’ Malta u l-Ministeru tal-Kooperazzjoni, Protezzjoni u Difiża Ċivili tal-Kuwajt. · Saru taħdidiet mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt bil-għan li tintwera l-importanza lill-Kummissjoni Ewropea tal-uffiċċju tal-Lega Għarbija (ECLASLO) f‘Malta. Intalab ukoll appoġġ wiesa’ mingħand il-Gvern tal-Kuwajt għal dan l-uffiċċju bħalissa u fil-futur. · L-Ambaxxatur kien mistieden minn waħda mill-gazzetti ewlenin tal-Kuwajt fejn fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali u tal-Libertà tal-Kuwajt ta l-awgurju tiegħu lill-Eċċellenza Tiegħu l-Emir tal-Kuwajt u tenna l-impenn tiegħu biex ikompli jsaħħaħ il-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. · L-Ambaxxata ħarġet stedina lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt biex jibgħat rappre¿entanti għal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Istati Għarab dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li saret f’Malta bejn l-24 u l-25 t’April 2019. Il-Kuwajt aċċetta din l-istedina u ħa sehem f’din il-Laqgħa Għolja permezz ta’ delegazzjoni ta’ tliet Uffiċjali. · Saret ħidma biex Malta u l-Kuwajt jilħqu ftehim reċiproku bejn il-kandidatura ta’ Malta għall-Kunsill tal-IMO f’kategorija “C” u l-kandidatura tal-Kuwajt fl-istess Kunsill, liema elezzjoni ser issir f’Novembru 2019. · Il-Kuwajt talab l-apoġġ ta’ Malta għall-kandidatura tiegħu fuq il-Kummissjoni tal-Istatistika, il-Kunsill dwar l-Iżvilupp tal-Ġnus Magħquda u l-Uffiċċju għall-Proġetti tas-Servizzi tal-Ġnus Maqgħuda. · L-Ambaxxatur ħa ħsieb Delegazzjoni mill-Università Amerikana f’Malta magħmula min Dott Lewis Walker, President, u Dott Thomas Lechner, Direttur. L-għan taż-żjara kien biex iħeġġu studenti mill-Kuwajt isegwu l-istudji tagħhom f’din l-Università. Ħidma Kummerċjali · L-Ambaxxata tat l-għajnuna tagħha biex kumpanija kbira tal-ikel minn Malta tordna u tesporta ikel magħmul Malta. L-ewwel kunsinja tal-ikel dalwaqt tasal il-Kuwajt. · L-Ambaxxata organizzat numru ta’ laqgħat għal delegazzjonijiet Maltin li marru l-Kuwajt biex jagħtu tagħrif dwar ir-residenza Maltija u l-Aġenzija tal-Viża kif ukoll dwar il-possibiltà li ’l quddiem ikun hemm fiera li tiffokka fuq l-investiment barrani u opportunitajiet oħra fir-reġjun. · L-Ambaxxatur attenda għall-Forum tal-Kummerċ (EU-GCC). Dan kien organizzat mid-Delegazzjoni tal-UE f’Rijad, il-Kamra tal-Kummerċ u Industrija tal-Kuwajt u l-Awtorità tal-Promozzjoni tal-Investiment Dirett tal-Kuwajt. Il-Kultura u l-Promozzjoni ta’ Malta · Saru arranġamenti biex grupp ta’ ġurnalisti u tekniċi mill-Kuwajt iżuru Malta f’Settembru biex jagħmel filmat fuq kull qasam tal-kultura Maltija u l-industrija tat-turiżmu. Dan il-filmat ser isir flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. · L-Ambaxxata ħadet sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet f’Jum l-Ewropa li kienu jinkludu kunċert mużikali u tqassim materjal li jippromwovu lil Malta. · Il-mara tal-Ambaxxatur ġiet maħtura Vici-President tal-Grupp Internazzjonali tan-Nisa. Dan il-Grupp jista’ jservi biex nippromwovu t-turiżmu lejn Malta kif ukoll l-istorja u l-kultura Maltija. Il-Ħidma Konsolari · Minn Jannar sa April 2019, inħarġu total ta’ 74 viża. Ħidma Oħra · L-Ambaxxatur kien membru fuq Grupp ta’ Ħidma tal-UE fuq id-Drittijiet tal-Bniedem fil-Kuwajt. Dan ir-rapport ingħata lill-EEAS f’Rijad biex jintbagħat Brussell. · L-Ambaxxatur kien mistieden mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u ċ-Ċentru Ban Ki Moon biex jattendi seminar dwar kif jista’ jingħata appoġġ fil-qasam tal-iżvilupp taż-żgħażagħ u n-nisa fil-Kuwajt; kif ukoll seminar ieħor dwar il-Governanza Tajba u Trasparenti organizzat mill-Fond Monetarju Internazzjonali, iċ-Ċentru tal-Ekonomija u Finanzi tal-Lvant Nofsani u l-Fond Ekonomiku u ¯vilupp Soċjali Għarbi. · L-Ambaxxatur ingħata tagħrif mingħand id-Direttur Ġenerali u d-Direttur tal-UE dwar it-Terroriżmu. · L-Ambaxxata Amerikana stiednet lill-Ambaxxata Maltija biex tieħu sehem f’diskussjoni dwar il-prevenzjoni tal-frodi. · L-Ambaxxatur ħa sehem f’diversi ċerimonji u avvenimenti organizzati minn Ambaxxati oħra kif ukoll entitajiet tal-Kuwajt.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Polonja — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Polonja fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa l-elenku tal-attivitajiet tal-Ambaxxata ta’ Malta fil-Polonja bejn Jannar u April 2019: Bilaterali · L-Ambaxxata kompliet bl-isforzi tagħha sabiex tikkonvinċi lill-Awtoritajiet Pollakki sabiex jiftħu Ambaxxata f’Malta. Fi Frar 2019, l-Ambaxxatur Malti John Paul Grech, kellu diskussjoni għal dan il-għan mal-President Pollakk, Andrzej Duda, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Czaputowicz u ma’ Uffiċjali Għolja fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, li matulha informa lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta illi l-Awtoritajiet Pollakki waslu għad-deċiżjoni li jiftħu Ambaxxata f’Malta. Ix-xogħol ta’ tħejjija mal-Awtoritajiet Maltin diġà beda biex jiġu ffinalizzati l-formalitajiet kemm f’Varsavja kif ukoll f’Malta. Dan sabiex tiġi identifikata proprjetà f’Malta sabiex isservi bħala Ambaxxata u jitħaffef il-proċess sabiex tinfetaħ. · L-Ambaxxata organizzat iż-żjara tal-Ambaxxatur Chris Grima – Koordinatur tat-Talba ta’ Malta sabiex isservi bħala Membru mhux Permanenti fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda bejn l-2023-2024 – f’Varsavja, sabiex jipparteċipa f’serje ta’ konsultazzjonijiet politiċi mal-Awtoritajiet Pollakki fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk. Il-Polonja bħalissa tinsab isservi f’dan ir-rwol u għalhekk l-esperjenza miksuba għandha sservi ta’ għajnuna kbira għal Malta tul il-preparamenti tagħha għal din il-kampanja. · L-Ambaxxata kkoordinat it-twaqqif tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti. L-Ambaxxatur Malti kellu laqgħa mal-Vici-Speaker tal-Kamra tad-Deputati tal-Polonja (Sejm), Ms. Mazurek, bl-iskop illi tiġi deċiża l-ewwel laqgħa bejn ir-Rappre¿entanti tal-Grupp Parlamentari Pollakk-Malti. · L-Ambaxxata kompliet bil-konsultazzjonijiet mal-Awtoritajiet Pollakki fir-rigward tal-invit pendenti tal-Gvern Malti, għaż-Żjara Statali tal-President Pollakk, Andrzej Duda f’Malta. Ġew skambjati sensiela ta’ dati bejn iż-żewġ pajjiżi li, minħabba l-bidla tal-Kap tal-Istat f’Malta f’April li għadda, id-diskussjoni dwarhom għadha għaddejja. · L-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela u d-Delegazzjoni tiegħu li inkludiet is-Segretarju Permanenti kif ukoll c-Chief of Staff, għal-Laqgħa Ministerjali dwar il-Promozzjoni ta’ Futur ta’ Paċi u Sigurtà fil-Lvant Nofsani, li ttellgħet f’Varsavja bejn it-13 u l-14 ta’ Frar, 2019. · L-Ambaxxata assistiet l-Aġenzija tal-Adozzjoni, APPOĠĠ, sabiex jiġu identifikati numru ta’ individwi professjonali eliġibbli għall-po¿izzjoni ta’ Rappreżentant tal-APPOĠĠ dwar l-Adozzjoni ġewwa l-Polonja. Il-proċess tal-għażla ġie mmexxi minn Delegazzjoni mibgħuta apposta mill-Agenzija APPOĠĠ ġewwa l-Polonja fejn saru l-intervisti meħtieġa ġewwa l-Ambaxxata ta’ Malta. Il-proċess tal-għażla ġie ffinalizzat u dan għandu jwitti t-triq sabiex jibda l-proċess tal-adozzjoni mill-Polonja. · L-Ambaxxata ffaċilitat il-korrispondenza uffiċjali li tikkonċerna r-reviżjoni tal-Ftehim Dwar Taxxa Doppja bejn il-Polonja u Malta. L-abbozz tar-reviżjoni ta’ dan il-Ftehim jinsab bħalissa għall-attenzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi Pollakk. · Tul April, flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, il-Kanċellerija tal-Prim Ministru Pollakk u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk, l-Ambaxxata kkoordinat iż-żjara tal-Prim Ministru Malti, l-Onor. Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru Għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza, l-Onor. Helena Dalli u d-Delegazzjonijiet rispettivi f’Varsavja għal-Laqgħa Għolja ‘Together for Europe – High Level Summit’ sabiex jiġi ċċelebrat il-15-il Anniversarju mis-Sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, li seħħ nhar l-1 ta’ Mejju 2004. · L-Ambaxxata assigurat il-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Forum tas-Sigurtà ta’ Varsavja (WSF) li ser jinżamm f’Varsavja, nhar it-2 u t-3 ta’ Ottubru 2019, u diġà bdiet bil-preparamenti tagħha għal dan il-għan. Kulturali · L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti bejn il-Kunsill tal-Arti f’Malta u l-Istitut Grotowski, fi Wroclaw, bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim sabiex jiġi pprovdut taħriġ professjonali għal atturi Maltin kif ukoll għal artisti-residenti f’dan l-Istitut tat-Teatru ta’ fama dinjija. · L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti – bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju ta’ Malta fi Krakovja – mal-Akkademja tal-Arti, Jan Matejko, fi Krakovja. Waqt iż-żjara tiegħu fi Krakovja, l-Ambaxxatur iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti Jan Matejko, bil-ħsieb li jiġi ffirmat proġett Erasmus bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta dwar skambju ta’ studenti u akkademiċi, kif ukoll kollaborazzjoni f’wirjiet tal-arti kemm bejn l-istudenti, kif ukoll bejn l-akkademiċi. · L-Ambaxxatur Malti beda kuntatti mal-Akkademja tal-Arti ta’ Varsavja bil-ħsieb li titkattar kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta. Huwa kellu laqgħa mal-Professur Pawel Nowak, Direttur responsabbli mill-Gallerija tal-Akkademja, bil-ħsieb li jiġu organizzati wirjiet ta’ artisti Maltin f’Varsavja. · L-Ambaxxatur beda wkoll kuntatti mal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk. Huwa ¿ar Gdansk bejn id-9 u l-10 ta’ April, fejn iltaqa’ mar-Rettur u l-Viċi-Rettur tal-Akkademja tal-Arti fi Gdansk. Intlaħaq ftehim sabiex tinbena kollaborazzjoni bejn l-Akkademja u l-Università ta’ Malta fuq diversi livelli. Bħala bidu, beda x-xogħol sabiex tittella’ Wirja tal-Arti tal-artist promettenti Malti, Garbiel Buttiġieġ, bejn l-10 u s-26 ta’ Ottubru 2019. · L-Ambaxxatur ġie mistieden ukoll fl-Iskola Sekondarja Għolja ‘Lajos Kossuth’ f’Varsavja, sabiex jassisti għal pre¿entazzjonijiet dwar il-gżejjer Maltin. L-attività involviet riċerka kif ukoll sensiela ta’ esibiti minn numru sabiħ ta’ studenti li qed jistudjaw l-Ingli¿ bħala parti mill-istudji tagħhom qabel ma żaru l-gżejjer Maltin fuq btala mal-iskola tagħhom, f’Marzu li għadda. L-Ambaxxatur tkellem dwar ir-rikkezzi kulturali Maltin kif ukoll l-attrazzjonijiet li qegħdin jistennew lil dawk il-familji u żgħażagħ Pollakki li beħsiebhom jżuru Malta u Għawdex. · L-Ambaxxata pparteċipat fi proġett tal-EUNIC li ttratta ‘Poems in the City’ 2019. Il-pajjiżi parteċipanti ġew mitluba sabiex jagħżlu poeta kif ukoll poe¿ija qasira tal-istess poeta dwar it-tema tal-imħabba. Barra li ġie organizzat avveniment fejn inqraw il-poeżiji magħżula, kemm bl-ilsien oriġinali kif ukoll bil-Pollakk, akkumpanjati minn atturi Pollakki, il-poeżiji magħżula ġew ippreżentati tul il-belt ta’ Varsavja, fuq waqfiet tal-karozzi tal-linja, fuq billboards u f’postijiet pubbliċi, għal ġimagħtejn sħaħ, bil-ħsieb li l-poe¿ija tal-Membri tal-Unjoni Ewropea titwassal qalb il-poplu Pollakk. Malta kienet irrappreżentata mill-poeta Glenn Calleja bil-poeżija ‘Totalità’. · L-Ambaxxata għamlet kuntatt u ltaqgħet mad-Direttur u t-Tmexxija tal-Mu¿ew u l-Ġnien Lazienki – sabiex tiġi esplorata l-possibiltà li tiġi esebita għal perjodu ta’ żmien, l-iskultura tal-artist Malti – Austin Camilleri – ZIEME, f’dan il-ġnien meraviljuż. Il-proġett jinsab f’fażi avvanzata u wieħed jittama li dan iseħħ fix-xhur li ġejjin. · L-Ambaxxata, f’kollaborazzjoni mal-Maestro Mark Agius – kompożitur Malti tal-mużika klassika – beda t-tħejjijiet sabiex jorganizza ‘Quddiesa għall-Paċi’ fl-Arċi-Katidral ta’ San Ġwann fil-belt l-antika ta’ Varsavja, f’Novembru li ġej. Ix-xogħol huwa wieħed oriġinali li ser jagħmel il-‘premier’ dinji tiegħu proprju f’Varsavja, bit-tieni kunċert jittella’ fi Krakovja, b’kollaborazzjoni mal-Kor Rotondo, minn Poznan, il-Polonja. Il-Kardinal ta’ Varsavja, u l-uffiċċju tiegħu, se jikkollaboraw mal-Ambaxxata. Konsolari L-Ambaxxata ta’ Malta f’Varsavja: · Ġiet mitluba sabiex tagħmel kontro-firma fuq dokument ta’ non-impediment, iffirmat mill-Ambaxxata Amerikana, għal koppja li mhix ta’ nazzjonalità Maltija, li beħsiebha tiżżewweġ Malta. · Assistiet koppja mhux ta’ nazzjonalità Maltija dwar il-proċedura meħtieġa sabiex jiżżewġu Malta. · Assistiet l-Uffiċċju tar-Reġistru Pollakk sabiex jiġi miksub ċertifikat tal-mewt għal ċittadin Pollakk li ħalla ħajtu Malta. · Assistiet l-Uffiċċju Konsolari fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ f’Malta sabiex jiġu identifikati l-ispejjeż sabiex jinħarġu ċertifikati Pollakki mir-Reġistru Pubbliku. · Assistiet ċittadin Malti – li jgħix il-Polonja – sabiex jibda l-proċess u l-kuntatti mal-Awtoritajiet Maltin sabiex jibda jirċievi l-pensjoni minn Malta. · Assistiet ċittadin ta’ nazzjonalità Maltija li nsterqulu d-dokumenti ġewwa Krakovja. Ma ġiex maħruġ ETD għaliex il-pulizija fi Krakovja sabu d-dokumenti misruqa u ġew irritornati. · Assistiet żewġ ċittadini Pollakki li ntilfulhom id-dokumenti waqt li kienu għal btala f’Malta bil-proċedura meħtieġa sabiex jinħarġilhom ETD. · L-Ambaxxatur żar diversi drabi lil ċittadin Malti li bħalissa jinsab miżmum f’Ċentru ta’ Detenzjoni fi Grojec, il-Polonja. Sadanittant, l-Ambaxxata intervjeniet mal-Uffiċċju tal-Gwardjan taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni sabiex jiġi trasferit f’Ċentru ta’ Detenzjoni aktar addattat għall-età tiegħu kif ukoll aktar qrib ir-residenza tal-ġenituri tiegħu. It-talba ġiet milqugħa. · Assistiet 30 ċittadin Pollakk li xtaqu informazzjoni sabiex jivvjaġġaw lejn il-gżejjer Maltin. · Assistiet 10 ċittadini Pollakki b’informazzjoni rigward validità tal-passaporti jew karta ta’ identifikazzjoni sabiex dawn ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Malta. · Assitiet 9 ċittadini Ukreni b’informazzjoni dwar il-possibiltà ta’ vjaġġar mingħajr Visa lejn Malta permezz tal-passaport biometriku. · Assistiet grupp ta’ 15-il ċittadin Pollakk b’informazzjoni dwar ivvjaġġar lejn Malta bit-tfal zgħar. · Assistiet ċittadin Malti li jgħix Katowice li ltaqa’ ma’ problemi mas-sidien tal-post fejn kien alloġġjat waqt li kien fuq perjodu ta’ studju fil-Polonja. Promozzjoni tal-Kummerċ · L-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, beda kuntatti mal-Ministeri u l-awtoritajiet Maltin bi preparazzjoni sabiex jiġi organizzat avveniment fil-Borża ta’ Varsavja sabiex jiġu promossi l-gżejjer Maltin fl-oqsma tas-Servizzi Finanzjarji kif ukoll tal-Katina tal-Blokok. Dawn il-kuntatti u preparamenti jinsabu għaddejjin sabiex tiġi assigurata parteċipazzjoni ta’ livell għoli, kemm fuq livell Ministerjali kif ukoll mill-entitajiet, flimkien ma’ partijiet interessati Pollakki fl-oqsma bankarji, legali u fil-kummerċ. Huwa maħsub li dan l-avveniment jittella’ s-sena d-dieħla. · Bejn id-9 u l-10 ta’ April, l-Ambaxxatur żar ir-reġjun ta’ Gdynia-Sopot-Gdansk sabiex jesplora possibiltajiet ta’ kooperazzjoni kummerċjali f’dan ir-reġjun marittimu. Huwa ltaqa’ mas-Sindku u mal-Voivod ta’ Gdynia u miegħu ddiskuta possibiltajiet f’dan il-qasam. Il-kuntatti – flimkien mal-parteċipazzjoni tal-Konslu Onorarju – għadhom għaddejjin. Kummerċjali · l-Ambaxxatur Malti, John Paul Grech, iltaqa’ mas-Sur Dariusz Zajakala, Direttur tal-kumpanija Ispot Malta – kumpanija b’ishma Maltin li topera fil-Polonja, fejn ġiet diskussa l-possibiltà ta’ kooperazzjoni ekonomika u promozzjoni tal-kummerċ fil-Polonja. · l-Ambaxxatur Malti ltaqa’ mas-Sinjura Beata Sokolowska-Weglarz, Direttur Maniġerjali, ALLCOM – kumpanija b’ishma Maltin li topera fi Gdynia – fejn ġew diskussi kooperazzjoni ta’ natura ekonomika kif ukoll possibiltajiet ta’ promozzjoni tal-kummerċ. Oħrajn · L-Ambaxxata bdiet il-proċess sabiex jinstab bini ġdid għall-Ambaxxata. L-Ambaxxatur żar diversi postijiet u ppropona suġġerimenti lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ sabiex jiġu kkunsidrati. · L-Ambaxxata żammet kuntatt mal-komunità Maltija fil-Polonja dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li kienu ser isiru f’Mejju 2019 u nfurmatha dwar il-possibilità li kienet qiegħda tiġi offruta sabiex ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw lejn Malta bi prezzijiet speċjali kif ukoll dwar il-possibiltà li ċittadini Maltin setgħu jivvjaġġaw sabiex jivvutaw ġimgħa qabel. · L-Ambaxxata għadha kif fetħet kont ta’ Twitter flimkien ma’ kont ta’ Face Book li ilha topera għal dawn l-aħħar sentejn. · L-Ambaxxata bdiet it-tħejjijiet sabiex jittella’ r-riċeviment nazzjonali fil-Jum Nazzjonali. Din is-sena, dan ir-riċeviment ser isir nhar l-20 ta’ Settembru.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Federazzjoni Russa — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Federazzjoni Russa fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa: Bilaterali: · Ittieħdu numru ta’ inizjattivi f’ dan il-qasam. Matul dan il-perjodu, bħal perjodi oħra, l-Ambaxxata kompliet taħdem sabiex ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Federazzjoni Russa jkomplu jissaħħu. · Kien hemm numru ta’ laqgħat bejn uffiċjali tal-Ambaxxata u uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Federazzjoni Russa, fejn iddiskutew għadd ta’ temi, fosthom inviti għal Uffiċjali Għolja, avvenimenti u possibiltajiet biex jiġu ffirmati xi ftehimiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. · L-Ambaxxatur kellu wkoll serje ta’ laqgħat ma’ Diretturi ewlenin fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Russu fejn tkellmu fuq temi kif ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jimxu ‘l quddiem. Kummerċjali: · Matul dan il-perjodu, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma tagħha biex tattira investituri Russi sabiex jinvestu f’Malta. L-Ambaxxata attendiet diversi fieri b’temi varji, fosthom it-turiżmu, it-teknoloġija u l-informatika. · F’Marzu l-Awtorità tat-Turiżmu ipparteċipat f’fiera rinomata f’Moska, fejn l-Ambaxxata għenet kif setgħet. L-Ambaxxatur indirizza wkoll sensiela ta’ laqgħat ma’ agenti ta’ l-ivvjaġġar. Kulturali: · F’Jannar l-Ambaxxatur Agius iltaqa’ mal-Metropolitan Hilarion ta’ Volokolamsk. Il-Metropolitan huwa wkoll il-President tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Esterni tal-Knisja Ortodossa tal-Patrijarkat ta’ Moska. · Ftit tax-xhur ilu l-Ambaxxata bbenifikat ukoll mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fejn Mużiċist Malti ta prestazzjoni quddiem udjenza Russa f’wieħed mill-aktar postijiet kulturali rinomati f’Moska. Mhux hekk biss, imma l-Ambaxxata bdiet b’ ħidma wiesgħa biex tippromwovi l-lingwa u l-letteratura Maltija f’diversi oqsma tas-soċjetà Russa, fosthom fil-libreriji u organizzazzjonijiet. L-Ambaxxata wittiet it-triq biex fix-xhur li ġejjin ikunu jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet relatati mal-letteratura Maltija. · L-Ambaxxata tinforma wkoll li t-tħejjijiet biex pittura ta’ Katrina l-Kbira tkun eżebita f’Moska waslu fi stat avvanzat u l-wirja se tinfetaħ dan is-sajf stess. Konsolari: · L-Ambaxxata u l-Konsolat tagħha dejjem wettqu ħidma kontinwa biex jiġu moqdija d-dmirijiet konsolari li jinkludu verifikazzjoni u approvazzjoni ta’ viżas, ċittadinanzi u kwistjonijiet oħra relatati maċ-ċittadini Maltin fir-Russja. · L-Ambaxxata u l-Konsolat jassiguraw li dejjem kienu ta’ għajnuna bl-iktar mod professjonali f’każ ta’ emerġenzi u talbiet oħra għal assistenza. Sal-aħħar ta’ April 2019, il-perjodu li fuqu qiegħed jiġi rraportat inħarġu kwazi 3000 visa. · L-Ambaxxata kellha wkoll ka¿ijiet partikulari fejn estendiet għajnuna lil ċittadini Maltin li tilfu t-titjira ta’ ritorn tagħhom, baqgħu fit-territorju Russu wara li skaditilhon il-viża u li ġew misruqa. Promozzjoni ta’ Malta: · Malta ssemmiet diversi drabi fil-Medja Russa bħala destinazzjoni turistika, kif ukoll bħala pajjiż għani fl-iżvilupp storiku tiegħu. L-Ambaxxatur Malti f’Moska kien ukoll ta xi intervisti lil medja lokali dwar Malta inkluż fuq ir-rivista inflight tal-linja tal-arju nazzjonli l-Aeroflot li għandha ċirkolazzjoni ta’ aktar minn nofs miljun kopja. · L-Ambaxxatur ta wkoll diversi lectures f’universitajiet Russi inklu¿ fost l-oħrajn fl-Iskola tal-Ekonomija ta’ Moska, u fil-Fakultà tal-Ġurnali¿mu fl-Università Statali ta’ Nizhny Novogorod. L-Ambaxxatur żar ukoll diversi skejjel fejn ippromwova lil Malta bħala destinazzjoni għat-tagħlim tal-Ingliż. · L-Ambaxxata Maltija f’Moska kienet ukoll ferm attiva tippromwovi l-kultura Maltija u ġabet f’Moska artisti Maltin li tellgħu produzzjonijiet f’postijiet pretiġjużi kif ukoll fi skejjel pubbliċi. Oħrajn: · L-Ambaxxata qed tagħmel l-almu tagħha biex tiddeversifika r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi. Bħalma wieħed jista’ jara, qed isir ħafna xogħol fl-isferi kollha u huwa mistenni li l-attivitajiet tal-Ambaxxata jkomplu jiżdiedu biex nassiguraw l-aħjar bejn Malta u l-Federazzjoni Russa. Għaddejjin preparamenti għal proġetti interessanti li ser jiġu rrealizzati aktar tard din is-sena. Fost dawn hemm wirjiet ta’ livell internazzjonali, kunċerti, u sensiela ta’ lectures fuq il-lingwa Maltija u kittieba Maltin. · L-Ambaxxata ta’ Malta tipparteċipa wkoll f’diversi laqgħat ta’ kull ġimgħa f’koordinazzjoni mal-pajjiżi l-oħra Ewropej u tibgħat rapporti regolari fuq l-iżvilupp u l-avvenimenti ġewwa l-Federazzjoni Russa.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Arabja Sawdija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Arabja Sawdija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Arabja Sawdija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa: Bilaterali · Matul l-erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxata kompliet issegwi l-proċess tan-negozjar dwar ftehimiet pendenti fosthom, abbozz ta’ ftehim dwar Ħelsien mill-b¿onn ta’ Viża fir-rigward ta’ Passaporti Diplomatiċi, u abbozz ta’ ftehim dwar Garanziji dwar Investiment. Saru wkoll kuntatti dwar id-dħul fis-seħħ ta’ MoU dwar Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka Xjentifika li kien iffirmat bejn Malta u l-Arabja Sawdija fl-4 ta’ Mejju 2018. · L-Ambaxxata kienet ukoll impenjata f’ħidma sabiex jiltaqgħu l-Ministri għall-Affarijiet Barranin ta¿-¿ewġ pajji¿i. Il-laqgħa bejn il-Ministru Carmelo Abela u l-Ministru tal-Istat tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, Adel Al Jubeir, saret f’Brussell fl-4 ta’ Frar 2019 fil-marġni tal-ħames laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega Għarbija. Matul din il-laqgħa iż-żewġ naħat kellhom l-opportunità li jiddiskutu żviluppi reġjonali u bilaterali. · Fil-perjodu msemmi l-Ambaxxata ħarġet 32 Kommunikazzjonij Uffiċjali (NVs) lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Arabja Sawdija, u l-Ambaxxati tal-Baħrejn u Jemen f’Rijad dwar diversi aspetti fosthom politiċi, ekonomiċi, konsulari u amministrattvi. Saru wkoll laqgħat u kuntatti ma’ uffiċjali fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. · Qasam ieħor ta’ ħidma kien dak tal-kandidaturi fejn saru talbiet għal sostenn fir-rigward ta’ kandidaturi f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali. Kummerċjali · L-Ambaxxata iżżomm kuntatt ma’ Trade Malta sabiex tassisti kumpaniji Maltin interessati fis-suq Sawdi. Dan is-suq qiegħed f’fażi interessanti hekk kif l-Arabja Sawdija tinsab fi proċess ta’ tranżizzjoni u ta’ riformi bil-għan li tattira kummerċ u investiment f’oqsma innovattivi bħal Intelliġenza Artifiċjali u Katina tal-Blokok ( blockchain) , li jistgħu joffru opportunitajiet ta’ skambji u ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u l-Arabja Sawdija. Kulturali · Saru preparamenti għal parteċipazzjoni tal-Ambaxxata flimkien mal-Ambaxxati ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea f’Rijad, f’avveniment kollettiv fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Unjoni. Għal dan l-avveniment kien ippjanat li jintwerew filmati qosra li jirrapreżentaw il-Membri tal-Unjoni fosthom Malta. Konsulari · L-Ambaxxata impenjat ruħha biex toffri assistenza konsulari lill-Maltin rigward diversi talbiet għal passaporti, reġistrazzjoni ta’ twelid, u applikazzjonijiet għal ċittadinanza Maltija. L-Ambaxxata tipproċessa ukoll applikazzjonijiet għal viża, fejn inħarġu 156 viża matul dan il-perjodu. L-Ambaxxata ipproċessat ukoll applikazzjonijet għal permessi diplomatiċi fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn Malta magħrufa bħala ‘ overflights’ . L-Ambaxxata illegalizzat 27 dokument għal użu f’Malta. Informazzjoni dwar żviluppi interni u reġjonali tinġieb għall-attenzjoni tad-Direttorat Konsulari fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ biex isservi bħala gwida fir-rigward tal-kumpilazzjoni tal-lista ta’ Pariri għal Vjaġġar. L-informazzjoni f’din il-lista tgħin liċ-ċittadini Maltin ikunu jafu bis-sitwazzjoni tal-pajjiż li beħsiebhom iżuru. Promozzjoni ta’ Malta · Fil-bidu tas-sena l-Ambaxxata kienet impenjata sabiex tippromwovi l-ħidma tal-uffiċċju f’Malta magħruf bħala ECLASLO u sabiex tisħaq dwar l-importanza ta’ dan l-uffiċċju, li għandu rwol importanti biex iqarreb l-Unjoni Ewropea u l-Lega Għarbija, u jżomm id-djalogu bejn iż-żewġ reġjuni ħaj u attiv. · Saret ħidma sabiex informazzjoni dwar ir-rwol tal-IMLI f’Malta, u partikularment dwar applikazzjonijet ghal-programmi f’livell ta’ Masters relatati mal-liġi marittima fi ħdan dan l-Istitut, titwassal lill-Awtoritajiet fl-Arabja Sawdija u fil-Baħrejn. · Il-promozzjoni ta’ Istituzzjonijiet Edukattivi f’Malta kienet ukoll fost il-ħidmiet tal-Ambaxxata, fejn ingħataw pariri u informazzjoni relatati mar-regolamenti u kundizzjonijiet fl-Arabja Sawdija f’dan il-qasam. Oħrajn · L-Ambaxxata wasslet ukoll informazzjoni lill-Awtoritajiet kompetenti fl-Arabja Sawdija, l-Baħrejn u l-Jemen dwar laqgħat li jsiru f’Malta fosthom il-Laqgħa Għolja bejn l-Istati tal-UE u Għarab dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà li saret f’Malta f’April 2019, fejn delegazzjoni mill-Arabja Sawdija ipparteċipat f’din il-laqgħa. · L-Ambaxxata tieħu sehem fil-laqgħat regolari ta’ kull xahar tal-Unjoni Ewropea fejn jiġu diskussi żviluppi domestiċi u reġjonali. F’dan il-kuntest l-Ambaxxata tirraporta lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ bl-andament ta’ dawn l-iżviluppi, kif ukoll iżżomm il-Ministeru aġġornat dwar żviluppi ta’ interess politiku, kummerċjali, u soċjali fl-Arabja Sawdija u fir-reġjun.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Emirati Għarab Magħquda — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Emirati Għarab Magħquda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena huwa: Bilaterali · Matul l-erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ambaxxata kompliet issegwi l-proċess tan-negozjar dwar ftehimiet pendenti fosthom : § Memorandum ta’ Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Mutwali dwar il-Liċenzji tas-Sewqan; § Memorandum ta’ Ftehim fl-Oqsma tal-Edukazzjoni Għolja u Riċerka Xjentifika; § Memorandum ta’ Ftehim fuq it-Twaqqif ta’ Kummisjoni Mħallta; · L-Ambaxxata assistiet fl-organizzazzjoni taż-żjara tal-Prim Ministru ta’ Malta, l-Onor. Dr Joseph Muscat, bejn l-14 u s-16 ta’ Marzu 2019. L-Ambaxxata assistiet fl-organizzazzjoni ta’ din iż-żjara, u ħadmet sabiex isiru laqgħat bejn l-Onor. Prim Ministru u uffiċjali tal-Emirati Għarab Magħquda. Waqt din iż-żjara, l-Onor Prim Ministru kellu diversi laqgħat, fosthom mal-Crown Prince tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Mohammed bin Zayed Al Nahyan. · L-Ambaxxata kellha diversi laqgħat ma’ uffiċjali tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Emirati Għarab Magħquda bl-għan li jissaħħu ir-rabtiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Waqt dawn il-laqgħat ġew diskussi il-Memoranda ta’ Ftehim li qed jiġu negozjati bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll il-possibilità ta’ Memoranda oħra li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali. Il-Memorandum dwar il-Rikinoxximent Mutwali dwar il-Liċenzji tas-Sewqan u il-Memorandum fl-Oqsma tal-Edukazzjoni Għolja u Riċerka Xjentifika jinsabu fi stadju avvanzat u viċin li jiġu iffirmati. · L-Ambaxxata għenet fl-organizzazzjoni ta¿-¿jara f’Jannar f’Abu Dhabi tal-Onor. Joe Mizzi, Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, biex jattendi il-Konferenza annwali tal-IRENA (International Renewable Energy Agency). · L-Ambaxxata ikkomunikat mal-aġenziji tal-Pulizija taż-żewġ pajjiżi dwar kompetizzjoni bejn id-dipartimenti SWAT tal-pulizija ta’ diversi pajjiżi li ser issir f’Abu Dhabi f’Awwissu 2019. Il-Pulizija ta’ Malta eventwalment iddeċidiet li ma tipparteċipax f’din il-kompetizzjoni. · L-Ambaxxata ipparteċipat f’laqgħat ta’ kull xhar, bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Ambaxxati tal-Pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea, fejn ġew diskussi avvenimenti relevanti interni u fir-reġjun tal-Golf. Kummerċjali · L-Ambaxxata ħadmet sabiex tiġi organizzata ¿jara lejn Malta minn uffiċjali għolja tal-Abu Dhabi Fund for Development. Dan sar wara laqgħa fl-Ambaxxata mad-Direttur Ġenerali tal-Abu Dhabi Fund for Development, fejn ġie diskuss l-interess f’investiment sostanzjali f’Malta mill-Abu Dhabi Fund for Development. · L-Ambaxxata għenet persuni u entitajiet lokali li wrew interess li jinvestu f’Malta, billi tindikalhom l-awtoritajiet pertinenti Maltin li jistgħu jgħinuhom biex jinfetħu kumpaniji f’Malta. Kulturali · L-Ambaxxata ħadet sehem fl-Esebizzjoni “Sheikh Zayed and the Europeans” li ġiet organizzata bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea. F’din l-Esebizzjoni, li kkommemorat il-100 sena mit-twelid tal-Fundatur tal-Emirati Għarab Magħquda, Sheikh Zayed bin Nahyan, l-Ambaxxati tal-Pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea esebixxew oġġetti u ritratti li jfakkru ir-relazzjoni tagħhom mal-Emirati Għarab Magħquda. Konsolari · L-Ambaxxata ipproċessat 515 il-applikazzjoni ta’ viża għal Malta u għat-territorju tax-Schengen. · L-Ambaxxata ipprovdiet servizzi konsolari relatati ma’ dokumentazzjoni: § legalizzazzjoni ta’ dokumenti: 67 § ċertifikazzjoni ta’ kopji ta’ dokumenti: 17 § xhieda ta’ firem: 43 § applikazzjoni għal ċittadinanza: 2 § reġistrazzjoni tat-twelid: 1 · L-Ambaxxata għenet lil persuni Maltin li talbu l-għajnuna tagħha għal raġunijiet varji ta’ natura konsolari. Promozzjoni ta’ Malta · L-Ambaxxata kellha laqgħat u offiet l-għajnuna tagħha lil istituzzjonijiet edukattivi Maltin li wrew interess li jinġiebu studenti bbażati fl-Emirati Għarab Magħquda biex jistudjaw f’Malta. · L-Ambaxxata ħadmet għall-promozzjoni ta’ kandidaturi Maltin għal Instituzzjonijiet Internazzjonali waqt laqgħat ufficjali u waqt avvenimenti soċjali. Oħrajn · L-Ambaxxata offriet l-għajnuna tagħha lill-kontinġent Malti li pparteċipa fl-Olimpjadi Speċjali li saru f’Marzu f’Abu Dhabi. Id-delegazzjoni Maltija kienet immexxija mis-Sinjura Michelle Muscat, u kienet irrappreżentata minn 28 atleta. Il-parteċipazzjoni Maltija kienet success notevoli u id-delegazzjoni rebħet 40 midalja: 12 tad-deheb, 13 tal-fidda u 15 tal-bronż. · L-Ambaxxata irrappurtat lura lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta fuq diversi avvenimenti ta’ interess għal Malta li seħħew fl-Emirati Għarab Magħquda u fir-reġjun tal-Golf u kif dawn jolqtu lil Malta. § Rapport dwar l-inklużjoni tal-Emirati Għarab Magħquda fil-lista tal-Ġurisdizzjonijiet Non-Kooperattivi fil-Qasam ta’ Tassazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ambaxxata ta’ Malta fit-Tuneżija — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa t-Tuneżija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kienet tinvolvi aspetti: Bilaterali L-ewwel ġimgħat tas-sena 2019 kienu fil-parti l-kbira tagħhom ddedikati lill-preparamenti għal: a. Żjara Statali li l-President Tuneżin wettaq f’Malta bejn il-5 u s-6 ta’ Frar 2019. Din iż-żjara saret wara stedina tal-President ta’ Malta b’segwitu għal Żjara Uffiċjali li l-President Emeritus ta’ Malta wettqet fit-Tuneżija f’Novembru 2017. b. Il-ħdax-il laqgħa tal-Kummissjoni Konġunta bejn Malta u t-Tuneżija seħħet fl-4 ta’ Frar 2018. Iż-żewġ Ministri responsabbli għall-Affarijiet Barranin mexxew sessjoni ta’ Konsultazzjonijiet Politiċi. Iż-żewġ Ministri ffirmaw il-Minuti Maqbula tal-Kummissjoni Konġunta u erba’ Trattati bilaterali fis-setturi tal-Impjiegi, tal-Anzjani, tat-Tfulija u Programm ta’ Koperazzjoni fis-settur tal-Kultura. c. L-Ambaxxata kkoordinat il-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Tuneżina fil-laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-5+5 li seħħet f’Malta. d. Bejn l-24 u s-25 ta’ April, l-Onorevoli Helena Dalli, Ministru għall-Ewropa u għall-Ugwaljanza, żaret Tuneż biex tipparteċipa bħala kelliema fil-Forum dwar l-Ugwaljanza tal-Ġeneru. Din il-laqgħa tnediet b’kooperazzjoni bejn it-Tuneżija, il-UNDP u UN Women. e. Matul l-ewwel kwart tas-sena saru preparamenti għall-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija għall-Assemblée des Cents li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019 bi tħejjija għas-Sommet des Deux Rives – Laqgħa Għolja bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Mediterran tal-Punent u djalogu reġjonali ma’ rappreżentanti prominenti tas-soċjetà ċivili li se jittella’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ġunju ġewwa Marsilja. L-Ambaxxata għamlet tħejjijiet għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn id-delegazzjoni Maltija u numru ta’ esponenti Tuneżini li jaħdmu f’setturi simili għal tagħhom. f. Saru preparamenti biex tingħata Borża ta’ Studju lil student jew studenta Tuneżin/a biex isegwi/issegwi kors ta’ Master’s Degree fl-Universita’ ta’ Malta. Kummerċjali a. L-Ambaxxata ta’ Malta żżomm kuntatt regulari u kontinwu man-negozjanti Maltin preżenti fit-Tuneżija. L-Ambaxxata tagħti appoġġ b’mod regulari lil dawn l-intrapriżi u tagħmel rappreżentazzjonijiet mal-awtoritajiet Tuneżini b’għan li jiġu riżolti intoppi għall-kummerċ. b. L-Ambaxxata regularment tirċievi talbiet għall-għajnuna ta’ natura varja minn negozjanti kemm Maltin u kemm Tuneżini li jkunu interessati f’kummerċ bilaterali. c. L-Ambaxxata ħadet numru ta’ inizjattivi biex tibni kuntatti ġodda ma’ negozjanti u entitajiet kummerċjali Tuneżini li jistgħu jkunu interessati li jesploraw kuntatti bilaterali ġodda. d. Fl-isfond taż-Żjara Statali tal-President tat-Tuneżija f’Malta, fil-5 ta’ Frar 2019, ġiet organizzata t-tielet sessjoni tal- Business Forum Malti-Tuneżin li seħħ fil-Kamra tal-Kummerċ u tal-Industrija. Il-ftuħ ġie segwit minn laqgħat bejn intrapriżi u kummerċjanti Maltin u Tuneżini. Kulturali a. Saru arranġamenti sabiex grupp ta’ kantanti Maltin li għandu numru ta’ segwaċi fit-Tuneżija ta intervista f’rivista kultural lokali. L-Ambaxxata kienet organizzat kunċert f’Tuneż minn dan il-grupp li kien iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. b. Qed isiru preparamenti biex grupp ta’ mużiċisti Maltin jagħti kunċert f’Tuneż fl-aħħar ta’ din is-sena. Dan il-kunċert ser ikun iffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ. c. Saru preparamenti għal sessjoni ta’ skambji soċjali bejn esponenti ewlenin tal-kultura taż-żewġ pajjiżi li seħħet f’Tuneż f’Ġunju 2019. Konsolari F’dan il-perjodu il-konsolat irċieva u pproċessa 482 applikazzjoni għal-viża u ngħatat assistenza lil 5 Maltin biex jirreġistraw it-twelid tagħhom. Irċieva żewġ applikazzjonijiet għal ċittadinanza, applikazzjoni għal Passaport u ngħatat assistenza lil ċittadin Malti li tilef il-passaport waqt btala fit-Tuneżija. L-Ambaxxata tat assistenza biex persuna Maltija residenti fit-Tuneżija u li mietet Malta tiġi midfuna fit-Tuneżija. Promozzjoni a. L-Ambaxxata kkooperat ma’ żewġ rivisti biex ġew ippubblikati artikli dwar Malta. b. Saru tħejjijiet biex tittella’ Paġna Facebook tal-Ambaxxata.

Nazzjonijiet Uniti — voti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pożizzjoni ħadet u ċjoè kif ivvota pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti tul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena fuq ir-riżoluzzjonijiet u proposti li tressqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa l-mogħod kif ivvota pajjiżna fin-Nazzjonijiet Uniti tul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena fuq ir-riżoluzzjonijiet u proposti li tressqu: Resolution Number Resolution Name Malta’s voting pattern Co-sponsorship A/73/PV.282 15 January 2019 Commemoration of the one-hundredth anniversary of the establishment of the International Labour Organization Adopted without a vote A/73/PV.283 1 March 2019 The role of diamonds in fuelling conflict: breaking the link between the illicit transaction of rough diamonds and armed conflict as a contribution to prevention and settlement of conflicts Adopted without a vote A/73/284 1 March 2019 United Nations Decade on Ecosystem Restoration (2021-2030) Adopted without a vote A/73/PV.73 2 April 2019 Combating terrorism and other acts of violence based on religion or belief Adopted without a vote A/73/ 286 2 April 2019 International Delegate's Day Adopted without a vote A/73/287 15 April 2019 Joint Inspection Unit Adopted without a vote A/73/288 15 April 2019 Construction of a new facility for the International Residual Mechanism for Criminal Tribunals, Arusha branch Adopted without a vote A/73/289 15 April 2019 Progress towards an accountability system in the United Nations Secretariat Adopted without a vote A/73/PV.75 15 April 2019 Cooperation between the United Nations and the International Organization of la Francophonie Adopted without a vote MT Co-Sponsored A/73/291 15 April 2019 Buenos Aires outcome document of the second High-level United Nations Conference on South-South Cooperation Adopted without a vote 1 March 2019 United Nations Decade on Ecosystem Restoration (2021 – 2030) In favour 2 April Christchurch resolution Adopted without a vote MT Co-Sponsored Nota: Ir-riżoluzzjonijiet u proposti li tressqu fil-Ħames Kumitat huma addottati b’kunsens u mingħajr kosponorizzazzjoni.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Eġittu — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kajr, l-Eġittu fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Kajr, l-Eġittu fl-ewwel erba’ xhur huma: Bilaterali Eġittu · Analiżi kontinwa u regolari, tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. Diskussjonijiet regulari fuq żviluppi fl-Eġittu mal-Ambaxxaturi tal-pajjiżi ta’ l-UE. · Taħdidiet regulari mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu dwar relazzjonijiet bilaterali u djalogu politiku. · Taħdidiet regolari mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Eġittu u mal-Uffiċċju tas-Servizzi tas-Sigurtà Egizzjan fir-rigward tas-sigurtà domestika. L-Eġittu huwa formalment taħt stat kontinwu ta’ emerġenza minħabba periklu ta’ attaki terroristiċi. · Laqgħat mal-Assistent Ministru tal-Affarijiet Barranin għall-Affarijiet Parlamentari biex jiġu diskussi kooperazzjoni u interessi komuni (bħal PAM). · Promozzjoni ta' boroż ta’ studju. Laqgħat skont it-tema tal-borża ta’ studju (bħal MEDAC u-Sigurtà Marittima). · Diskussjonijiet informali mal-Ministru tal-Antikitajiet tal-Eġittu waqt diversi laqgħat u żjarat li sejjaħ dan il-Ministeru stess. Sudan · Analiżi kontinwa u regolari tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. Diskussjoniet regulari mal-Ambaxxaturi tal-pajjiżi tal-UE għas-Sudan (14-ilpajjiż akkreditat mill-Kajr). · Korrispondenza kontinwa mal-awtoritajiet tas-Sudan fir-rigward ta’ taħdidiet fuq il-migrazzjoni u l-possibiltà li jibdew isiru l-konsultazzjonijiet politiċi. · Laqgħa mal-Ambaxxata Sudaniża fil-Kajr. Temi ta’ diskussjoni: relazzjonijiet bilaterali u ECLASLO Multilaterali · Laqgħat bilaterali informali ma’ Ambaxxati diversi u li huma akkreditati għal-Lega Għarbija (LAS). Temi ta’ diskussjoni: relazzjonijiet bilaterali u ECLASLO. · Tħejjija u parteċipazzjoni fil-Laqgħa Għolja UE-LEGA GĦARBIJA (LAS) ġewwa Sharm El Sheikh. L-Ambaxxata ħadet ħsieb ukoll l-arranġamenti kollha mad-Dipartament tal-Protokoll li attendew għaliha l-PM u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin. Din kienet l-ewwel Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-LEGA GĦARBIJA li serviet bħala bażi soda għal diskussjonijiet futuri. Il-laqgħa affermat mill-ġdid ir-rabtiet politiċi u soċjali b'saħħithom bejn l-UE u l-LEGA GĦARBIJA. Din il-Laqgħa Għolja serviet ukoll bħala opportunità għall-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Prim Ministru biex iwettqu numru ta’ kuntatti informali mal-kontropartijiet tagħhom fir-reġjun. Ġiet ippreparata stqarrija - għalkemm fl-aħħar ma ġietx adottata minħabba li ma kienx hemm ftehim finali dwar kwistjonijiet sensittivi għaż-żewg naħat (migrazzjoni u drittijiet tal-bniedem). Qabel u waqt il-Laqgħa Għolja saru sforzi diplomatiċi sinjifikanti biex tiġi żgurata l-attenzjoni u l-importanza dovuta lill-ECLASLO. F’dan ir-rigward saru kuntatti informali ma’ numru ta’ Ambaxxaturi, b’mod partikolari mal-Ambaxxaturi tas-Sudan, l-Eġittu, il-Libanu, l-Alġerija u Ġibuti. Min-naħa tal-UE, l-Ambaxxatur ta’ Malta fil-Kajr kellu diskussjonijiet mal-Irlanda, il-Greċja, Ċipru kif ukoll Spanja. L-Ambaxxatur żamm kuntatt kontinwu mal-Kap tad-Delagazzjoni tal-UE fejn iddiskutew żviluppi. · Waqt li kien f’Sharm El Sheikh għal-Laqgħa Għolja tal-UE u l-LEGA GĦARBIJA, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin kellu laqgħa formali mal-Ministru għall-Affarijiet tal-Ġibuti. Tħejjijiet għal din il-laqgħa bilaterali saru wkoll mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Kajr. Kummerċjali Eġittu · Analiżi kontinwa tas-suq lokali u opportunitajiet li jeżistu. · Taħdidiet mal-awtoritajiet pertinenti rigward is-Servizzi tal-Ajru. · Diskussjonijiet informali mal-uffiċjali tal-Air Malta dwar il-possibiltà li jerġgħu jiddaħħlu titjiriet lejn il-Kajr. · Taħdidiet maċ-Chairman tal-Kunsill Kummerċjali Eġizzjan għall-Kooperazzjoni Internazzjonali bil-ħsieb li l-Kunsill jintuża bħala pjattaforma għall-intraprendituri Maltin. Huwa antiċipat li ser isir iffirmar ta’ MOU bejn l-Ambaxxata u l-Kunsill f’Lulju li ġej. Sudan Bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju f’Khartoum, grupp ta’ imprendituri Sudaniżi żaru Malta fl-aħħar ta’ April, bi skop li jinħoloq aktar kummerċ bejn Malta u s-Sudan. Waqt din iż-żjara saru żewġ laqgħat fis-settur tal-avjazzjoni, laqgħa fis-settur tal-informatika u tliet laqgħat fis-settur mediku. Kulturali · Evalwazzjoni kontinwa għal opportunitajiet fejn tista’ ssir promozzjoni tal-kultura Maltija. L-Ambaxxata organizzat taħdidiet informali mal-Opera House tal-Kajr biex tiddiskuti l-possibbiltà li ssir sfilata Maltija. L-Ambaxxata qed tipprepara d-dokumenti neċessarji biex tkun tista’ tipparteċipa fil-Cultural Diplomacy Fund li hu organizzat mill-Ministeru. · L-Ambaxxata kellha taħdidiet mal-pjanista prominenti Dr Moshira Eissa fid-dawl tal-possibbiltà ta’ kunċert f’Malta. L-Ambaxxata qed tfittex sponsors biex dan il-proġett iseħħ. Konsolari · Skont statistika uffiċjali, minn Jannar sa April 2019, l-Ambaxxata pproċessat 464 viża. 323 kienu viżi SCHENGEN, filwaqt li nħarġu 50 D Viża. Min dawn il-viżi, l-Ambaxxata ipproċessat total ta’ 425 applikazzjoni Eġizzjana. L-applikazzjonijiet l-oħra kienu minn: o Kamerun o Gana o Libja o Niġerja o Arabja Sawdija o Afrika t'Isfel o Sudan o Sirja o Yemen o Żimbabwe · Rendikont ta’ xogħol ieħor konsolari jinkludi: o 93 awtentikazzjoni tad-dokumenti o 12-ilPassaport o 5 reġistrazzjonijiet tat-twelid. · Bl-għajnuna tal-Konslu Onorarju ta’ Malta fis-Suez, numru ta’ nies ta’ dixxendenza Maltija irnexxielhom jiksbu ċertifikati tat-twelid u taż-żwieġ tal-antenati tagħhom li twieldu fl-Eġittu. · Il-Konslu Onoraju, f'isem l-Ambaxxata, għen ukoll lill-bastimenti u vapuri Maltin jaqsmu l-Kanal ta' Suez billi ffaċilita ix-xogħol ta’ ġbir ta’ dokumentazzjoni għall-awtoritajiet Eġizzjani. Promozzjoni ta' Malta · Parteċipazzjoni fil-Bazaar Ewropea fejn il-qligħ jingħata lil-karitajiet lokali. · Parteċipazzjoni f'ġurnata internazzjonali f'waħda mill-iskejjel lokali. Oħrajn Xogħol ta’ rinovar tal-Ambaxxata l-ġdida ta’ Malta fil-Kajr. Laqgħat mal-kuntratturi, koordinazzjoni ta’ xogħol u kuntratti.

Ambaxxata ta’ Malta fl-Irlanda — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Dublin, l-Irlanda fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Irlanda fl-ewwel erba’ xhur huma: Bilaterali Żjara tal-E T il-President Marie Louise Coleiro Preca bejn il-11 u t-12 ta’ Frar 2019, fejn għamlet diskors f’Dublin City University bħala parti mill-Mary McAleese Women in Leadership Initiative. Il-President żaret ukoll id-Dublin Rape Crisis Centre u ltaqgħet mal-E T Mary Robinson, li kienet President tal-Irlanda bejn l-1990 u l-1997, u l-Community Foundation for Ireland. Il-President laqgħet ukoll lill-Cadets tal-Forzi Armati ta’ Malta. Żjara tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, f’Dublin bejn id-19 u l-21 ta’ Frar 2019. Matul din iż-żjara il-Ministru ltaqa’ mat-Tánaiste (id-Deputat Prim Ministru) u Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Simon Coveney. Il-Ministru kellu wkoll diskussjoni mal-Kumitat Konġunt għall-Affarijiet Barranin, il-Kummerċ u d-Difiża, u laqgħa ta’ kortesija mal-Ceann Comhairle tad-Dáil (l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati) u l-Leas Cathaoirleach tas-Seanad (id-Deputat Speaker tas-Senat). Il-Ministru Abela għamel keynote speech fl-Institute of International and European Affairs dwar Malta and Ireland as effective players in the global scene. Il-Ministru żar il-fruntiera mal-Irlanda ta’ Fuq u kellu intervisti mal-istazzjon nazzjonali, l-RTÉ, u The Irish Times, wieħed mill-ġurnali ewlenin tal-Irlanda. Il-Ministru temm l-impenji tiegħu bi żjara lill-Cadets tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jitħarrġu mal-Irish Defence Forces. Preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, fl-Our Ocean Wealth Summit, li sar f’Cork fid-9 u l-10 ta’ Ġunju 2019. Parteċipazzjoni fiċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju mill-ewwel Laqgħa Pubblika tad-Dáil. L-attivita’ prinċipali kienet kommemorazzjoni permezz ta’ Seduta Konġunta tal-Parlament u s-Senat organizzata mill-Ispeaker tal-Parlament.. Laqgħat mal-Ministru Ministru għall-Impjiegi u Protezzjoni Socjali Regina Doherty u l-Ministru tal-Istat b’responsabbilta’ speċjali għad-Diaspora u l-Iżvilupp Internazzjonali Ciarán Cannon Ħidma dwar immigrazzjoni, inkluż diskussjonijiet ma’ Ministri u uffiċċjali, laqgħat tal-Kumitati Konġunti fuq is-suġġett u monitoraġġ tal-media. Saru laqgħat mar-rapprezzentanti ta’ NGO’s li jwettqu missjonijiet fil-Mediterran. Għajnuna dwar laqgħat organizzati minn Ministeri f’Malta Ħidma fuq kandidaturi Ħidma biex Malta kienet inkluża fil-lista ta’ pajjiżi li żaru dinjitarji Irlandi għal St Patrick’s Day. Rapporti dwar Brexit Rapporti dwar issues politiċi, finanzjarji u suġġetti oħra ta’ interess għal Malta Kummerċjali Preparamenti għall-parteċipazzjoni fl-Ireland South Business Expo, li se ssir f’Cork fis-17 ta’ Ottubru 2019. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, Malta Enterprise u l-Gozo Business Chamber se jipparteċipaw f’din l-Expo. Kuntatti ma’ għaqdiet tal-kummerċ Irlandiżi Għajnuna lil diversi kumpaniji Maltin interessati li jbiegħu fis-suq Irlandiż. Għajnuna lil diversi kumpaniji Irlandiżi interessati li jinvestu f’Malta jew jimportaw prodotti Maltin. Kulturali Preparamenti biex ikun iċċelebrat il-Jum Nazzjonali ta’ Malta f’Settembru Preparamenti għal parteċipazzjoni ta’ artisti Maltin f’avvenimenti iffinanzjati mill-Cultural Diplomacy Fund. Preparamenti għall-parteċipazzjoni fil-Literature Evening li saret fid-9 ta’ Mejju. L-Ambaxxata Maltija ippreżentat is-silta Comb meħuda mill-ktieb ta’ stejjer qosra mill-bieb ʹil ġewwa ta’ Loranne Vella, li nqrat minn Ger Ryan, waħda mill-aktar artisti magħrufa fl-Irlanda. Ħidma ma’ korijiet Irlandiżi interessati li jipparteċipaw f’avvenimenti kulturali f’Malta Għajnuna lil skola Irlandiża li organizzat diversi żjarat kulturali f’Malta Parteċipazzjoni f’attivitajiet tal-Francophonie wara li Malta saret osservatur, fosthom laqgħa li fiha l-Ambaxxaturi għażlu r-rebbieħa tal-Ireland Francophonie Ambassadors’ Literary Award, u l-Francophonie Festival in Ireland 2019. Konsolari Ħidma għall-ħatra ta’ Konslu ġdid f’Cork Applikazzjonijiet għal viżi - 63 Ħruġ ta’ passaporti ġodda – 5 Tiġdid ta’ passaporti - 10 Ħruġ ta’ Emergency Travel Documents Reġistrazzjoni ta’ Twelid - 3 Reġistrazzjoni ta’ Żwiġijiet - 1 Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza Maltija Għajnuna lil turisti Maltin li kellhom diffikulta’ fl-Irlanda (bħal telf ta’ passaporti, eċċ) Xhieda ta’ firem - 2 Promozzjoni ta’ Malta Organizzazzjoni ta’ taħditiet bejn l-Universita’ ta’ Malta u Dublin City University dwar Artificial Intelligence waqt iż-żjara tal- E T Il-President Marie Louise Coleiro Preca Preparamenti għaż-żjara tal-Kummissarju tal-Films, bħal follow up taż-żjara li kien għamel is-sena l-oħra Pariri lil nies li jkunu jridu jivvaġġjaw lejn Malta Għajnuna lill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għall-parteċipazzjoni fil-Holiday World Show organizzata mill-Irish Travel Agents Association. Oħrajn Ħidma biex twaqqaf il-Parliamentary Friendship Group bejn il-Parlament ta’ Malta u d-Dáil tal-Irlanda Attendenza għall-Commissioning Ceremony ta’ rekluti Maltin li tħarrġu mal-Irish Defence Forces. Attendenza għal laqgħat tal-Joint Committee on Foreign Affairs and Trade and Defence Attendenza għal laqgħat tal-Joint Committee on European Affairs Parteċipazzjoni fil-Heads of Missions Meetings għall-Ambaxxaturi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea Briefings għal-laqgħat tal-European Council Briefings għal-laqgħat tal-Foreign Affairs Council Briefings għal-laqgħat tal-General Affairs Council u tal-General Affairs Council (Article 50) Briefings għal-laqgħat tal-Economic and Financial Affairs Council Briefings għal-laqgħat tal-Agriculture and Fisheries Council Laqgħat ta’ Citizens’ Dialogues Laqgħat dwar il-Futur tal-Ewropa Attendenza f’laqgħat ġenerali tal-Partiti Poliċi Parteċipazzjoni f’attivita’ biex iċ-ċittadini kienu mħeġġa jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Parteċipazzjoni f’diversi attivitajiet ta’ Ambaxxati oħra f’Dublin Attivitajiet ta’ Commonwealth Day Monitoraġġ ta’ rapporti dwar Malta fil-media Irlandiża

Ambaxxata ta’ Malta fl-Iżrael — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jelenka x’ħidma saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onoroveli Interpellant li l-ħidma li saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa l-Iżrael fl-ewwel erba’ xhur huma: Bilaterali · Sa mill-ftuħ tal-Ambaxxata ta’ Malta f’Tel Aviv fl-2008, ir-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi kibru u twessgħu, u llum jinkludu mhux biss kuntatti G2G, imma anke interazzjonijiet varji B2B li jkabbru n-negozju u l-investiment, kif ukoll aktar kuntatti P2P grazzi għal żieda fit-turiżmu u l-interazzjoni kulturali. · L-uffiċini l-ġodda ġewwa Tel Aviv, li bdew joperaw fil-15 ta’ Frar 2019, huma xhieda tal-impenn tal-Gvern Malti sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu. L-Ambaxxata mhux talli qiegħda toffri post adegwat minn fejn wieħed jista jaħdem, imma fetħet spazju importanti għall-impenn, iddiżinjat biex jilħaq il-ħtiġijiet u l-aspettattivi li qegħdin dejjem jikbru bejn Malta u l-Iżrael. L-Ambaxxata anki ssaħħet biż-żieda ta’ uffiċjal diplomatiku ieħor minn Jannar. · Matul dawn l-aħħar 4 xhur l-Ambaxxata kienet involuta b’mod dirett f’numru ta' delegazzjonijiet għolja Maltin lejn l-Iżrael, b’mod partikulari: - Iż-żjara tal-E.T. il-President Coleiro Preca lejn l-aħħar ta’ Jannar, li kienet akkumpanjata minn tliet Ministri. Waqt iż-żjara tagħha il-President kellha laqgħa mal-President tal-Istat tal-Israel, ipparteċipat f’attività kummerċjali u anki żaret l-Isptar Hadassah, li jispeċjalizza fil-kura u r-riċerka tal-kanċer. Waqt din iż-żjara id-Deputat Prim Ministru l-Onor. Dott. Chris Fearne kellu laqgħa mal-Ministru tas-Saħħa tal-Iżrael, u anki ġie ffirmat programm ta’ kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa u mediċina. - L-Ambaxxata tat l-għajnuna meħtieġa, kif mitluba, fit-tħejjijiet għaż-żjara fl-Iżrael tas- Segretarju Parlamentari, l-Onor. Dott. Deo Debattista. - L-Ambaxxata kienet involuta fit-tħejjijiet u t-tfassil tal-programm għaż-żjara f’Ġunju tas-Segretarju Parlamentari, l-Onor. Clifton Grima. Iż-żjara sejra tiffoka fuq żewġt oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi – il-qasam tal-isport u dak taż-żgħażagħ. · Kif meħtieġ, l-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku fi ħdan l-Ambaxxata, jattendu diversi laqgħat u attivitajiet li jiġu organizzati mill-awtoritajiet Iżraeljani, kif ukoll mill-Ambaxxati ġewwa Tel Aviv. L-Ambaxxata żammet lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ministeri oħra infurmati fuq dawn l-attivitajiet, b’mod partikulari, fuq temi lokali li huma ta’ interess għal pajjiżna. · Fuq bażi regolari, l-Ambaxxata tassisti lill-Ministeru f’Malta sabiex jgħaddi informazzjoni dwar kandidaturi u setturi oħrajn lill-Awtoritajiet ġewwa Ġerusalemm. · L-Ambaxxatur u l-uffiċjal diplomatiku iżuru l-Ministeru tal-Affarijient Barranin ġewwa Ġerusalemm regolarment, sabiex jiddiskutu temi bilaterali, multilaterali u reġjonali, u anki jaqsmu ħsibijiet fuq temi ta’ interess komuni. Laqgħat simili u regolari jsiru wkoll mal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, li huwa akkreditat minn Ġerusalemm. · Tajjeb ukoll li wieħed isemmi li l-Ambaxxata għamlet minn kollox sabiex iżżomm lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin infurmat bl-aħħar żviluppi dwar l-elezzjoni li saret f’April ta’ din is-sena. Kummerċjali · Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata kompliet bil-ħidma li tippromwovi l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll it-turiżmu minn Iżrael lejn Malta. Dan sar permezz ta’ kuntatt ma’ numru ta’ kumpaniji Iżraeljani li wrew interess li jespandu/jinvestu l-operazzjoni tagħhom ġewwa Malta. · L-Ambaxxata iffaċilitat numru ta’ laqgħat u telefonati fuq Skype mal-entitajiet/uffiċini ġewwa Malta għal rappreżentanti ta’ kumpaniji li wrew interess u li qegħdin iħarsu lejn Malta għal investiment u/jew kooperazzjoni. Dawn kienu kuntatti fl-oqsma tas-Sigurtà, iċ-Ċibernetika (Cyber), il-Katina ta’ Blokok (Blockchain) u l-Valuta Kripto. · Ir-relazzjonijiet/kuntatti kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi komplew jissaħħu grazzi għax-xogħol tal-Kamra tal-Kummerċ bejn l-Iżrael u Malta, miftuħa uffiċjalment f’Ġunju tal-2018, u l-kuntatti kontinwi bejn din il-Kamra u l-Ambaxxata. F’April saret laqgħa għall- membri ta’ din il-Kamra tal-Kummerċ ġewwa l-Ambaxxata fejn l-Ambaxxatur Attard-Pirotta u l-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta, Eyal Sela, taw rendikont tal-istat tar-relazzjonijiet bilaterali. L-Ambaxxatur Attard-Pirotta tat ħarsa ġenerali tal-potenzjal tan-negozju eżistenti bejn iż-żewġ pajjiżi, il-qagħda ekonomika Maltija, il-ħidma ta’ Malta fis-settur tas-servizzi, kif ukoll iktar reċentement il-katina ta’ blokok u l-valuta tal-kripto. Dawk preżenti ġew ukoll infurmati dwar l-aħħar dokumenti tal-politika (policy documents) li ġew ippreżentati mill-Gvern ta’ Malta dwar l-Istrateġija tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ispazju. · L-Ambaxxata kienet ukoll involuta fit-tfassil tal-programm għall-membri tal-Kamra tal-Kummerċ bejn Iżrael u Malta li kienu sejrin iżuru Malta fil-bidu ta Ġunju. Kulturali · L-Ambaxxata kompliet tesplora possibiltajiet ta’ attivitajiet kulturali li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-Fond Diplomatiku Kulturali. F’dan ir-rigward l-Ambaxxata kellha laqgħat mal-PHOTO IS:RAEL bi skop li Malta tipparteċipa f’wirja internazzjoni tal-fotografija f’Tel Aviv f’Novembru li ġej. Kien hemm ukoll laqgħat ma’ JaffaAM, sabiex tiġi esplorata il-possibiltà li Malta tipparteċipa fil-Festival tal-Films ta’ Ġaffa li sejjer ikun organizzat għall-ewwel darba aktar tard din is-sena. · L-Ambaxxata qiegħda tesplora il-possibiltà ta’ ġemellaġġ bejn belt/raħal f’Malta u ieħor f’Iżrael. L-idea hi li jiġi esplorat ftehim ta’ ġemellaġġ bil-ħsieb li dan jieħu xejra konkreta. · B’kooperazzjoni maċ-Ċentru Komunitarju Beit Reka ġewwa Ġaffa, l-Ambaxxata ħadmet sabiex tiġi organizzata attività kulturali f’Ġaffa lejliet il-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Eurovison Song Contest – li ssejħet Malta Night. Ġie mħejji video tal-kanzunetta Maltija bis-sehem ta’ membri minn din il-komunità. L-Ambaxxata tat kull għajnuna u appoġġ lil delegazzjoni Maltija li żaret Tel Aviv għal din l-attività kulturali. Konsolari · L-Ambaxxata dejjem kienet għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu f’Iżrael u dawk li jivvjaġġaw lejn Iżrael. Fl-istess waqt, l-Ambaxxata kienet ukoll ta’ għajnuna għaċ-ċittadini Iżrealjani, jew oħrajn, li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta u li kienu jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsolari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. · Fl-isfond tal-eskalazzjoni ta’ vjolenza li kien hemm fil-pajjiż tul dawn l-aħħar xhur l-Ambaxxata żammet kuntatt ma’ membri tal-komunità Maltija li setgħu jinsabu viċin ċertu żoni. Minħabba dawn ir-realtajiet, l-Ambaxxata żammet ukoll kuntatt kontinwu mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin f’Malta, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aġġornament ta’ pariri dwar vjaġġar li joħroġ il-Ministru minn żmien għal żmien. Promozzjoni ta’ Malta · Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur flimkien mal-uffiċjal diplomatiku, jipparteċipaw f’attivitajiet organizzati u jagħmlu l-almu tagħhom biex ikunu preżenti f’diversi attivitajiet li jsiru f’Iżrael biex pajjiżna jkun preżenti. · L-Ambaxxata kienet preżenti fl-ispazju allokat għal Malta waqt il-fiera tat-turiżmu (IMTM) li saret f’Tel Aviv fi Frar, flimkien ma’ rappreżentanti tal-MTA u l-Air Malta. · L-Ambaxxatur ħadet sehem attiv f’attivitajiet li jiġu organizzati, ħafna drabi minn membri tal- Korp Diplomatiku, bil-għan li jippromovu ir-rowl tal-mara fis-soċjetà. Oħrajn · L-Ambaxxata fetħet paġna ta’ Facebook u Twitter bħala mezz sabiex ikollha kuntatt iktar mill-qrib mal-Maltin li jgħixu ġewwa l-Iżrael u sabiex iżżomm lill-pubbliku infurmat fuq ix-xogħol tal-Ambaxxata.

Ambaxxata ta’ Malta fil-Greċja — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10315 u jgħid x’ħidma diplomatika saret fl-Ambaxxata tagħna ġewwa Ateni tul din is-sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Greċja huma ferm pożittivi u qegħdin ikomplu dejjem jissaħħu. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar sitt xhur, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja ħadmet bla waqfien sabiex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jiġu approfondati permezz ta’ inizjattivi u ħidma li saħħew il-kooperazzjoni politika, bilaterali, kummerċjali u kulturali bejn iż-żewġ pajjiżi. Bilaterali L-Ambaxxatur kellu laqgħa mal-Ministru tal-Kultura u Sports Grieg, Ms Mirsini Zorba, bid-diskussjoni tkun l-MoU dwar il-Kultura bejn iż-żewġ pajjiżi. Dan jinsab fi stadju avvanzat u l-Gvern Malti qiegħed jistenna l-kontro-proposti mill-Gvern Grieg. Żjarat Uffiċjali Tajjeb ukoll li wieħed isemmi l-assistenza li l-Ambaxxata pprovdiet lil diversi dinjitarji Maltin li żaru l-Greċja f’dawn l-aħħar sitt xhur. Fosthom dawn insibu: L-Ambaxxatur akkumpanja liIl-Prim Ministru waqt Med7 f’Nikosija, Ċipru fid-29 ta’ Jannar 2019. L-Ambaxxatur assista lill-Ministru ghall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela tul żjara ta’ tlett ijiem fil-Greċja, liema żjara kienet mmarkata b’taħdidiet politiċi u diplomatiċi, żewġ kunċerti minn Cappella Diacono – Malta u laqgħat mad-diaspora Maltija fil-Greċja. Iż-żjara saret bejn is-Sibt 18 u t-Tnejn 20 ta’ Mejju 2019. Matul iż-żjara saru diskussjonijiet mal-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin George Katrougalos u l-viċi tiegħu Terens Quick, li ffukaw fuq temi bilaterali u ta’ interess reġjonali li jinkludu il-futur tal-Unjoni Ewropea wara l-elezzjonijiet ta’ dan ix-xahar, migrazzjoni, kummerċ u opportunitajiet fl-Afrika, kif ukoll id-diaspora Griega u Maltija fil-kommunitajiet rispettivi. Laqgħa politika oħra li saret fil-kapitali Griega ffukat fuq l-isfidi komuni Ewropej fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mal-Kummissarju Ewropew tal-Migrazzjoni, Intern u Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos. Il-Ministru Abela kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ mad-diaspora Maltija fil-Greċja, waqt avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija f’Ateni, nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju. F’Ateni, il-Ministru Abela attenda quddiesa u kunċert fejn 55 mużiċist u korist ta’ Cappella Diacono, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ray Sciberras F.L.C.M, daqqew repertoire ta’ mużika sagra Maltija, prinċiparjament xogħol tal-fundatur tal-Cappella – is-Surmast Carlo Diacono u tal-istess Surmast Sciberras. Il-quddiesa saret il-Ħadd 19 ta’ Mejju fil-Kattidral ta’ San Dijonisju l-Aeropagita, u kienet ikkonċelebrata mill-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni, Mons. Sevastianos Rossolatos u n-Nunzju Appostoliku fil-Greċja, Mons. Savio Hon Tai-Fai. Il-Cappella Diacono daqqet waħda mill-komposizzjonijiet liturġiċi ta’ Mro. Carlo Diaconi, Messa in Mib. Il-kunċert sar fl-20 ta’ Mejju fil-Megaron - Athens Concert Hall. Fost id-dinjitarji preżenti kien hemm il-Ministru tal-Affariiet Barranin Grieg, il-Ministru tal-Kultura u Sports, l-Arċisqof Kattoliku ta’ Ateni u l-Amministratur Appostoliku tal-Kattoliċi Armeni fil-Greċja, Hovsep Joseph Bezazian. Relazzjonijiet Kummerċjali Fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja tieħu inizjattivi biex tippromwovi u kif ukoll tirċievi diversi proposti ta’ interess kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi f’dawn l-aħħar snin ħa spinta ’l quddiem u fis-snin li ġejjin mistenni jkompli jikber. B’mod partikolari nsemmi l-oqsma tal-marittimu, avjazzjoni, farmacewtika, servizzi finanzjarji u gaming u oqsma oħra li min zmien ghal zmien jinbtu ideat u inizjattivi għalihom. Possibilita li wieħed għandu jesplora b’mod aktar profond huwa l-qasam tal-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ prodotti varji bejn iz-zewg pajjizi kif ukoll kollaborazzjoni bejn kumpaniji miz-zewg pajjizi fejn jidħol il-qasam agrikolu. Attivitajiet kulturali u soċjali imtella’ mill-Ambaxxata L-Ambaxxata Maltija fil-Greċja organizzat diversi attivitajiet tul l-aħħar snin. L-aħħar attivita’ li saret kienet il-parteċipazzjoni kulturali ta’ Cappella Diacono waqt quddies fil-kattidral tal-Kattoliċi f’Ateni u kunċert fit-Teatru Megaron. Dan sar fit-18 u d-19 ta’ Mejju 2019. Din l-attivita’ ġiet organizzata bl-appoġġ tas-CDU tal-Ministeru u l-Malta Ship Registry. L-Ambaxxata torganizza wkoll il-Malta Day kull sena u torganizza attivitajiet oħra flimkien mar-Reġistru Marittimu ta’ Malta biex tkompli tippromwovi u ssaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali f’dan is-settur tant importanti u vitali għal Malta. L-Ambaxxatur kellu wkoll laqgħat mal-Konsulent Diplomatiku tal-Ministeru tal-Kultura u Sports fuq diskussjonijiet rigward l-avveniment kulturali li kienet qed torganizza l-Ambaxxata f’Mejju u rigward l-MoU li se jiġi ffirmat bejn iż-żewġ pajjiżi. Ħidma Konsulari L-Ambaxxata bħal dejjem kienet għad-disposizzjoni taċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Greċja u dawk li jivvjaġġaw lejn dan il-pajjiż, u ċittadini Griegi li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta li jeħtieġu xi għajnuna, kemm fuq temi konsulari, kif ukoll temi turistiċi u kummerċjali. Fost l-oħrajn l-Ambaxxata assistiet f’informazzjoni dwar iċ-ċittadinaza, tiġdid ta’ passaporti, informazzjoni dwar żjarat f’Malta għal skopijiet kummerċjali u anki edukattivi u ħruġ ta’ dokumenti urġenti tas-safar għal Maltin li tilfu jew ġew misruqa d-dokumenti tagħhom waqt li kienu fil-Greċja. Promozzjoni ta’ Malta Wieħed mis-setturi li l-Ambaxxata tagħti importanza speċjali huwa s-settur tal-promozzjoni ta’ Malta. Għalhekk, l-Ambaxxatur attenda diversi avvenimenti u għamel diskors sabiex jippromwovi lil pajjiżna, fosthom u b’mod partikulari fis-settur Marittimu u oqsma kummerċjali oħra li kull ma jmur qegħdin jissaħħu bejn iż-żewġ il-pajjiżi. Matul dawn l-aħħar xhur, l-Ambaxxatur kellu bosta intervisti b’konnessjoni mar-relazzjonjiet ta’ Malta mal-Greċja. Dan sar b’mod partikulari bi preparazzjoni għall-avveniment kulturali li ġie organizzat bejn it-18 u l-21 ta’ Mejju. F’dan l-avveniment kien hemm inkorporati wkoll laqgħat bilaterali, kummerċjali kif ukoll laqgħa tal-Ministru mad-Diaspora Maltija li tgħix f’Ateni u l-madwar. Matul Mejju 2019, ġiet kreata u mnedija paġna uffiċjali fuq Facebook u oħra fuq Twitter għall-Ambaxxata ta’ Malta fil-Greċja. Turiżmu Is-settur tat-turiżmu ħa spinta ’l quddiem f’dawn l-aħħar snin hekk kif żdiedu t-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi, bit-titjira l-ġdid introdotta tkun lejn Thessaloniki. F’perjodi partikulari dawn it-titjiriet kienu ta’ sebgħa u anki tmienja fil-ġimgħa. Nemfassiza li hemm ħafna aktar xi jsir fejn tidħol il-konnetività bejn iż-żewġ pajjiżi speċjalment fejn tidħol il-konnetività marittima. Mal-industrija diġà eżistenti tal-‘Cruise Liners’ hemm konsiderazzjoni għal konnetività marittima diretta bejn iż-żewġ pajjiżi u dan biex jiġi ffaċilitat aktar il-kummerċ u t-turiżmu bejniethom.