Ambaxxaturi ta’ pajjiżna li qed jistennew agreement
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ambaxxaturi ta’ pajjiżna li kienu qed jistennew l-hekk imsejħa “agreement” sal-aħħar ta’ Marzu 2020? Jista’ jindika liema huma?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittività tas-suġġett għal pajjiżi li jagħtu l-kunsens (agrement) tagħhom għal ħatra ta’ Ambaxxatur, lest li nagħtih din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm Fondi Ewropej li l-Ministeru tiegħu qiegħed jagħmel użu minnhom tul is-sena li għaddiet u x’inhuwa previst għal din is-sena? Jista’ jindika wkoll jekk il-programmi b’mod dettaljati hux ġejjin taħt is-sistema Schengen?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Matul l’2019, Malta ibbenefikat partikolarment minn għaxar Fondi Ewropej li huma: European Regional Development Fund, Cohesion Fund, European Social Fund, European Fisheries and Maritime Fund, Stimulating Private Sector Investment for economic growth (SME), Fund for European Aid to the most deprived (FEAD), EEA and Norway Grants, Asylum, Migration and Integration Fund, Internal Security Fund and European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD).
Il-fondi tal-Internal Security Fund u Asylum, Migration and Integration Fund ikopru proġetti li huma relatati wkoll mas-sistema Schengen.
In-nefqa għar-rimbors li saret lejn il-Kummisjoni Ewropeja fl-2019 tammonta għal madwar €135m, filwaqt li huwa stmat li għal din is-sena din tammonta għal madwar €149m.
Awstralja u Kanada – inizjattivi fuq ftehim dwar is-saħħa
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11889, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ġewx meħudin xi passi jew inizjattivi sabiex il-ftehim li pajjiżna għandu mal-Awstralja dwar is-saħħa, jiġi wkoll reġistrat mal-Kanada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 11889 għadha rilevanti - ma hemm l-ebda ftehim bilaterali mal-Kanada fil-qasam tas-saħħa jew diskussjonijiet dwar inizzjattivi f’dan ir-rigward.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati jaħdmu sal-aħħar ta’ Marzu 2020 u jista’ jindika jekk dawn humiex ser jiġu miżjuda tul din is-sena invista tal-ammont qawwi ta’ applikazzjonijiet li hemm pendenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati li kienu qed jaħdmu sal-aħħar ta’ Marzu 2020 huwa ħamsa u għoxrin (25). Ninsab infurmat ukoll illi hemm il-pjan sabiex jiżdied in-numru ta’ ħaddiema fl-2020 u l-2021.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’programmi u diskussjonijiet qed isiru mal-UNCHR preżentament u x’hemm programmat għal tul din is-sena? Jista’ jikkonferma li tul dawn l-ewwel xhur baqax jingħata aċċess lill-uffiċjali tagħha fiċ-ċentri ta’ detenzjoni?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn il-gvern, l-aġenziji tiegħu li jaħdmu fis-settur tal-immigrazzjoni u l-UNHCR. Saħansitra l-UNHCR tkun involuta sa mill-bidu meta jkun hemm wasla immigranti f’pajjiżna u tieħu ħsieb ukoll sessjonijiet ta’ informazzjoni.
Isiru wkoll għadd ta’ laqgħat regolari, speċjalment bejn l-AWAS (Agency for the Welfare of Asylum Seekers) u l-UNHCR, fejn iż-żewġ naħat jaqsmu flimkien l-esperjenzi u l-ideat tagħhom.
Hemm ukoll ċirkostanzi fejn il-UNHCR tiffinanzja proġetti li l-għan aħħari tagħhom ikun servizz f’ċentri li għandna f’pajjiżna. Normalment dawn jinħadmu permezz ta’ NGOs oħra.
Kien hemm ukoll kolaborazzjoni f’dan il-perjodu fejn id-dinja inħakmet mill-imxija tal-COVID19, fejn il-UNHCR provdiet anke materjal b’lingwi differenti bil-għan li l-immigranti jkunu infurmati aħjar dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Li l-UNHCR iżżur iċ-ċentri hija xi ħaġa normali. Kien biss wara Marzu, bħala prekawzjoni minħabba l-imxija tal-COVID 19, li ċ-Ċentru ta’ Detenzjoni waqqaf iż-żjarat minn kwalunkwe organizzazzjoni u individwi. Dan sar biex ir-residenti jkunu mħarsa minn dan il-virus.
Raħal Ġdid – Ġnien Pawlu Boffa – sistema ta’ drip irrigation
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11879, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk is-sistema ta’ drip irrigation ġietx jew hiex ser tiġi installata f’Ġnien Pawlu Boffa Raħal Ġdid?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xogħol sabiex tiġi nstallata s-sistema ta’ drip irrigation fi Ġnien Pawlu Boffa mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma ser issir minn Trade Malta tul din is-sena? X’żjarat u missjonijiet hemm jew kien hemm ippjanati?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t- TradeMalta organizzat żewġ żjarat ta’ kummerċ fl-ewwel xahrejn ta’ l-2020. L-ewwel waħda kienet immirata lejn intrapriżi ta’ manifattura ta l-ikel u z-żjara lejn Dubai u saret fl-istess perjodu ta waħda mill-ikbar fieri ta’ l-ikel fil-Lvant Nofsani, ‘Gulfood. Din iz-żjara saret fil-bidu ta Frar u għaliha attendew 8 intrapriżi.
Fl-ewwel Ġimgħa ta’ Marzu TradeMalta organizzat żjara fil-Ghana li kienet immexxija mil-Onorevoli Silvio Schembri. 17-il intrapriża ingħaqdu ma TradeMalta għal din iż--żjara fil-Ghana. Ma dawn intrapriżi ingħaqdu wkoll uffiċjali għolja minn 4 entitajiet pubbliċi u governattivi kif wkoll rappreżentant tal-Kamra tal-Kummerċ.
Min Jannar sa Marzu TradeMalta organizzat kors ta tahrig ghal imprendituri lokali li jixtiequ jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom barra min xtutna. Din kienet il-ħames sena li sar dan it-tahrig li jsir b’kollaborazzjoni ma l-Università ta’ Malta u bank lokali. Minħabba il-pandemija l-ahhar sessjonijiet saru online.
TradeMalta għandha wkoll il-programm ‘Global Growth’ li minnu jibbenefikaw il-fuq minn għoxrin intrapriża biex ikunu jistaw jkabbru l-bejgħ tagħhom barra min xtutna. Dan il-programm huwa miftuħ is-sena kollha.
Fl-ahhar ġimghat ta Frar TradeMalta organizzat seminar mal-Bank Ewropew tar-Rikostruzzjoni u Żvilupp biex toħloq iktar opportunitajiet għal intrapriżi Maltin biex japplikaw għal tender internazzjonali.
Min mindu faqqet il-mewġa tal-Koronavirus, TradeMalta bdiet toffri numru ta servizzi ġodda online, bħal webinars u introduzzjonijet onlajn biex jikkomplementaw servizzi oħra li kienu diġà offruti fuq il-pjattaforma elettronika ta TradeMalta. TradeMalta rat żieda fid-domanda ta dawn is-servizzi min mindu feġġet il-pandemija.
Qed isiru wkoll tħejjijiet biex jiġu ntrodotti miżuri godda biex jgħinu intrapriżi jesportaw fid-dawl tad-diffikultajiet li ġabet magħha il-pandemija.
Fejn għandu x’jaqsam żjarat kummerċjali huwa diffiċli biex TradeMalta torganizza dawn z- zjarat meta l-ivjaggar bl-ajru lejn pajjizi ohra mhux permess. Madankollu TradeMalta kienet qieghda tahdem thejjijet fuq zjarat fl-iRwanda (waqt ic-CHOGM(, Dubai Expo, u l-Etijopja
Repubblika tal-Indja – “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports”
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim imsejjaħ “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports” mar-Repubblika tal-Indja li kien ġie ffirmat, ġiex fis-seħħ jew le u għalhekk huwiex jiġi implimentat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ftehim imsejjaħ “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports” mar-Repubblika tal-Indja kien ffirmat fl-10 ta’ Novembru 2013. Nikkonferma li dan il-ftehim ġie rratifkat miż-żewġ naħat u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 2015.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba ltaqa’ l-Joint Commission bejn pajjiżna u l-Alġerija f’dawn l-aħħar sentejn u x’kienu t-temi li ġew diskussi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-ħames sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Malta-Alġerija ġiet organizzata f’Malta mit-18 sad-19 ta’ Diċembru 2018. Il-Kummissjoni Konġunta kienet ko-preseduta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, u l-Ministru għall-Enerġija tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu ta’ Alġerija, l-E.T.Mustapha Guitoni.
Din is-sessjoni laqgħet iktar minn 50 delegat tekniku minn diversi setturi biex tiddiskuti t-titjib tal-koperazzjoni u l-iskambju ta 'għarfien espert f'għadd ta' oqsma ta 'interess reċiproku fosthom, is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, l-ilma, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll l-ekonomija, l-industrija. u l-kummerċ.
Ir-riattivazzjoni tal-Kummissjoni Konġunta kienet żvillup importanti fir-relazzjonijiet tagħna mal-Alġerija, peress li reġgħet ġiet attivata wara assenza ta' 30 sena.
Persuni li ġew ċertifikati bħala persuni b’diżabilità severa
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm ġew iċċertifikati persuni mid-dipartiment, bħala persuni b’diżabilità severa tul dawn l-aħħar tliet snin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
NSO – persuni li huma reġistrati li jbatu minn diżabilità severa
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li ġew reġistrati fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) bħala dawk li jbatu minn diżabilità severa sal-aħħar tas-sena 2019?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fuq informazzjoni miġbura mis-CRPD, sa Ottubru 2019, kien hemm 19,447 persuni rreġistrati bħala persuni b’dizabilità. Din il-figura tkopri dizabilitajiet fiziċi, marbutin mas-smigħ, mal-vista, dizabilitajiet intellettwali u dizabilitajiet psikoloġiċi. Dan l-Uffiċċju m’għandu l-ebda informazzjoni dwar is-severità tad-dizabilità ta’ dawn il-persuni.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li rċevew il-Benefiċċju għal Diżabilità Severa sal-aħħar tas-sena 2019 u kemm tħallsu komplessivament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-benefiċċju msejjaħ Assistenza għal Diżabiltà Severa (SDA) fl-aħħar tas-sena 2019 kien ta’ 3132. Matul is-sena 2019, l-ispiża fuq il-benefiċċju SDA kienet ta’ €17,205,226.55
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm studenti li ġew mgħallma l-lingwa Għarbija f’dawn l-aħħar tliet snin fl-iskejjel sekondarji u kemm għandna għalliema kwalifikati biex jgħallmu din il-lingwa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li ġew mgħallma l-lingwa Għarbija fl-aħħar tliet snin skolastiċi huwa kif se nsemmi:
2017/18 - 121 student
2018/19 - 121 student
2019/20 - 120 student
Rigward l-għalliema, it-tagħrif hu kif ġej:
Grad
2017 / 2018
2018 / 2019
2019 / 2020
Head of Department
1
1
Supply Teacher
5
6
4
Teacher
8
7
9
Total
13
14
14
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim imsejjaħ “Double Taxation Agreement” mal-Kosovo li kien ġie ffirmat f’Marzu 2019, ġiex fis-seħħ jew le u għalhekk huwiex jiġi implimentat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ftehim imsejjaħ “Double Taxation Agreement” mal-Kosovo li kien ġie ffirmat f’Marzu 2019, daħal fis-seħħ fil- 20 ta’ Settembru ta’ 2019.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11887, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm deċiżjoni finali dwar fejn ser issir ambaxxata ta’ pajjiżna fl-Amerika Latina?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Minħabba żviluppi waqt din il-pandemija li rat ukoll żviluppi fir-relazzjonijiet ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra qed issir reviżjoni ta’ din il-proposta ta’ Ambaxxata fl-Amerika t’Isfel fid-dawl ta’ dan u għaldaqstant għada ma tteħditx deċiżjoni finali’.
Maltin li jgħixu l-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ċittadini Maltin li qed jgħixu fil-Litwanja, Latvja u Estonja sal-aħħar tas-sena li għaddiet 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmt li l-Ministeru jżomm biss għal perjodu stipulat kopji tar-registrazzjoni volontarja tan-Notifika ‘D’ li hija mmirata għal Maltin li jgħixu għal perjodu ta’ żmien barra minn Malta għal finijiet ta’ btala, xogħol u raġunijiet oħra.
Għaldaqstant l-informazzjoni li għandu l-Ministeru ma tirriflettix in-numri reali ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta fil-pajjiżi elenkati hawn fuq, imma tindika biss dawk il-persuni li rreġistraw id-dettalji tagħhom mal-Ministeru b’mod volontarju.
Skont l-informazzjoni li għandu l-Ministeru, fl-Estonja hemm tgħix persuna Maltija waħda (1); filwaqt li fil-Litwanja u l-Latvja, il-Ministeru m’għandu l-ebda tagħrif fil-forma ta’ reġistrazzjoni volontarja għal Ċittadini Maltin li jsiefru jew jgħixu Barra minn Malta (Notifika ‘D’).
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ċittadini Maltin li qed jgħixu fil-Portugall u Spanja sal-aħħar tas-sena li għaddiet 2019?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-Ministeru jżomm biss għal perjodu stipulat kopji tar-registrazzjoni volontarja tan-Notifika ‘D’ li hija mmirata għal Maltin li jgħixu għal perjodu ta’ żmien barra minn Malta għal finijiet ta’ btala, xogħol u raġunijiet oħra.
Għaldaqstant l-informazzjoni li għandu l-Ministeru ma tirriflettix in-numri reali ta’ Maltin li jgħixu barra minn Malta fil-pajjiżi elenkati hawn fuq, imma tindika biss dawk il-persuni li rreġistraw id-dettalji tagħhom mal-Ministeru b’mod volontarju.
Skont l-informazzjoni li għandu l-Ministeru mill-applikazzjonijiet mibgħuta għal reġistrazzjoni volontarja għal Ċittadini Maltin li jsiefru jew jgħixu Barra minn Malta (Notifika ‘D’), fil-Portugall hemm jgħixu għaxar (10) Maltin; filwaqt li fi Spanja hemm jgħixu tmin (8) Maltin rispettivament.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra x’ħidma saret f’dawn l-ewwel xhur tas-sena mill-High Commission ta’ pajjiżna ġewwa l-Ghana? Jista’ jindika wkoll xi spejjeż kapitali u rikorrenti saru?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Il-ħidma tal-Kummissjoni Għolja ta’ Malta f’dawn l-ewwel xhur tas-sena mill-High Commission ta’ pajjiżna ġewwa l-Gana , maqsuma f’dawn is-sezzjonijiet, tittratta:
Bilaterali
- Mill-bidu tas-sena 2020 l-hawn, il-Kummissjoni Għolja kompliet il-ħidma taghħa sabiex issaħħaħ ir-relazzjonijiet bilateral bejn Malta u l-Gana f’kull aspett - politiku, ekonomiku u kif ukoll kulturali.
- Wara is-suċċess ta’ żewg żjarat Statali bejn iż-żewġ pajjiżi fl-2018 u fl-2019, il-Kummissjoni Għolja kompliet taħdem sabiex ikomplu l-iskambji politiċi bejn iż-żewġ pajjiżi fuq l-għola livell.
- Wara li Malta ppubblikat l-istrateġija għall-koperazzjoni mal-Afrika, il-ħidma tal-Kummissjoni Għolja kompliet tiżdied. Il-Gana kompliet ukoll tgħolli l-istatus tagħha fi ħdan il-kontinent Afrikan wara li se tkun qed tospita s-segretarjat tal-African Continental Free Trade Area (ACFTA), li ladarba jiġi rratifikat mill-pajjiżi kollha jkun l-ikbar suq ħieles fid-dinja.
- Fit-3 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Għolja ffaċċilitat żjara uffiċjali mill-Onor. Silvio Schembri, Ministru għall-Ekonomija, Intrapriżi Żghar u l-Investiment, lejn il-Gana.
- Il-Ministru kien akkumpanjat minn delegazzjoni ta’ tnejn u erbgħin ruħ, fosthom kumpaniji privati u awtoritajiet governattivi Maltin (Trade Malta, Malta Enterprise, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Università ta’ Malta, MCAST, Malta Medicines Authority).
- Waqt iż-żjara, il-Ministru kellu diskussjonijiet uffiċjali mal-Ministru tal-Ekonomija u l-Industrija, il-Ministru tal-Avjazzjoni u l-Ministru tal-Iżvilupp Kummerċjali tal-Gana.
- L-iskambji bejn iż-żewġ pajjiżi mill-bidu tas-sena 'l hawn wasslu wkoll għall-konklużjoni ta’ diversi
Memoranda
of
Understanding
f’diversi oqsma ta’ interess kemm għall-Malta u kemm għall-Gana, bħall-mediċina u l-farmaċewtika (bejn il-Malta Medicines Authority u l-Ghana Standards Authority); edukazzjoni terzjarja (bejn l-MCAST u l-Università Teknika ta’ Accra) u kif ukoll fil-qasam tal-kummerċ . Dawn ġew iffirmati fit-2 ta’ Marzu 2020, waqt iż-żjara tal- Onor. Silvio Schembri f’Accra.
- Fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarzja, qed jiġi nnegozjat Ftehim bejn il-Ministeri tal-Edukazzjoni rispettivi taż-żewg pajjiżi li se jwassal għal rikonoxximent reċiproku ta’ Higher Diplomas u Degrees.
- Il-Kummissjoni Għolja kompliet taħdem sabiex jiżdiedu l-iskambji tekniċi bejn Malta u l-Gana f’diversi setturi. Fl-2019, il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat iż-żjara lejn Malta ta’ uffiċjali għolja mill-bank ċentrali tal-Gana sabiex jirċievu taħrig mill-Bank Ċentrali ta’ Malta fil-politika monetarja. Din it-tip ta’ koperazzjoni mistennija tkompli wkoll din is-sena.
- Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, flimkien mal-Università ta’ Malta, qegħdin joffru żewg boroż ta’ studju kull sena għal studenti mill-Gana fil-qasam tax-xjenza. L-Università ta’ Malta qed tesplora mezzi sabiex ikun hemm iktar opportunitajiet għall-studenti Ganiżi biex ikomplu l-istudji jew r-riċerka tagħhom Malta.
- Diskussjonijiet bejn iż-żewg pajjiżi għaddejjin wkoll sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn Malta u l-Gana fil-qasam tal-imiggrazzjoni. Il-politika ta’ Malta fejn tidħol il-kwistjoni tal-imigrazzjoni hija mmexxija mill-Valletta Action Plan for Migration li ġie ffirmat wara Summit fuq l-Immigrazzjoni bejn l-UE u l-Afrika li seħħ f’Malta fl-2015.
- Il-Kummissjoni Għolja taħdem ukoll sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Gana fi ħdan organizzazzjonijiet multilaterali.
Kummerċjali
- Wara is-suċċess tal-ewwel Business Forum bejn Malta u l-Ghana li kien organizzat fis-26 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni Għolja, flimkien ma’ Trade Malta, organizzat it-Tieni Ghana-Malta Business Forum fit- 2 ta’ Marzu ta’ din is-sena ġewwa Accra.
- Sitt awtoritajiet/aġenzija Maltin (Trade Malta, Malta Enterprise, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Università ta’ Malta, MCAST, Malta Medicines Authority) ipparteċipaw fiż-żjara fejn kellhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ awtorijtajiet u aġenziji simili Ganiżi;
- Is-setturi kummerċjali li kienu rappreżentati jinkuludu: edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali; servizzi għall-industrija tal-gass u żejt, ICT, farmaċewtika, R&D u oħrajn.
- Sbatax -il kumpanija Maltija ipparteċipaw fiż-żjara, fejn dawn qanqlu interess qawwi fis-servizzi u prodotti li joffru.
- 'il fuq minn tliet mitt kumpanija Ganiża pparteċipat waqt il-Forum.
Memoranda of Understanding iffirmati bejn awtorjitajiet Ganiżi u intrapriżi Maltin waqt il-Business Forum f’Accra fit-2 ta’ Marzu 2020:
- Aquabiotech Group u Ghana Standards Authority
- Aquabiotech Group u Akosombo Zone Fish Farmers Association (Assoċjazzjoni ta’ Sajjieda).
Din il-koperazzjoni bejn awtorjitajiet Ganiżi u esperti Maltin fil-qasam tas-sajd u l-bioteknoloġija sservi sabiex il-Gana tkompli tiżviluppa is-settur tas-sajd u tgħolli l-livell u l-kwalità tal-ħut bil-ħsieb li jiġi esportat lejn swieq ġodda, inklużi dawk Ewropej. Il-Gana tista’ tuża l-esperjenza ta’ Malta f’diversei oqsma sabiex tilħaq swieq ġodda. Bl-istess mod, kumpaniji Maltin jistgħu jużaw lil-Gana sabiex jilħqu swieq ġodda fl-Afrika.
Statistika Kummerċjali:
- Il-Kummissjoni Għolja għandha kuntatt ma’ 10 kumpanija rreġistrata Malta li diġà qiegħda topera fil-Gana;
- Seba’ kumpaniji Maltin diġà qegħdin jesportaw lejn il-Gana;
- Madwar 50 kumapnija Maltija wriet interess mal-Kummissjoni Għolja f’xi tip ta’ kummerċ mal-Gana.
Kulturali
Il-Kummissjoni Għolja ffaċilitat il-parteċipazzjoni ta’ Filfa (produzzjoni Maltija) fl-edizzjoni tal-EU Film Festival ta’ dini is-sena. Il-Film, li huwa animazzjoni dwar folklor Malti, intwera’ f’Kumasi u f’Accra fil-15 ta’ Frar 2020.
Konsolari
Birth registration / Reġistrazzjoni tat-twelid
0
Marriage/ Divorce registration / Reġistrazzjoni taż-Żwieġ / Divorzju
0
Legalisation of documents / Legalizzazzjoni ta’ dokumenti
1
Passport applications / Applikazzjonijiet tal-passaport
0
Emergency Travel Documents / Dokumenti ta' Vjaġġar f'Emerġenza maħruġ kemm lil Maltin kif ukoll lil refuġjati
0
Enquiries received on requirements for visa to Malta / Inkjesti li waslu dwar rekwiżiti għal viża għal Malta.
20
Facilitation of visa for Maltese through Embassy/Għajnuna lil Maltin dwar viżi
25
Promozzjoni ta’ Malta
· Facebook, Twitter etc
Spejjeż kapitali u rikorrenti (figuri miġbura mill-ECMS sat-23 t’April 2020).
Kapitali:
Ma saret l-ebda spiża kapitali mill-bidu tas-sena 2020 'l hawn. In-nefqa kapitali fuq il-proġett ta ' rinnovazzjoni hija żero peress li l-proġett qed jinżamm ‘on hold’. Huwa pertinenti li jiġi stabbilit li kwalunkwe nefqa kapitali li se tiġi mġarrba, 50% ta ' din in-nefqa se tiġi rimborżata mill-Unjoni Ewropea.
Rikorrenti:
Total ta’ Salarji u Kontribuzzjonijiet Soċjali: EUR27,373.58
Spejjeż ta’ Manteniment u Operazzjonali (inkluż kera): EUR14,495.01
Ftehim bejn Malta u r-Repubblika tal-Maċedonja -“Mutual Recognition of Higher Eduacation Degrees, Diplomas and Certificates”
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim bejn pajjiżna u r-Repubblika tal-Maċedonja dwar il-“Mutual Recognition of Higher Education Degrees, Diplomas and Certificates” iffirmat fid-29 ta’ Mejju 2018 ġiex fis-seħħ u ġiex jitħaddem?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim bejn pajjiżna u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-“Mutual Recognition of Higher Education Degrees, Diplomas and Certificates” kien iffirmat fid-29 ta’ Mejju 2018 u ġie fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2018.
Aktar informazzjoni fuq it-tħaddim u l-implementazzjoni tiegħu għandu jintalab mill-Ministeru konċernat.
Ftehim bejn Malta u r-Repubblika tal-Maċedonja -“Mutual Recognition of Higher Eduacation Degrees, Diplomas and Certificates”
Question
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk il-ftehim bejn pajjiżna u r-Repubblika tal-Maċedonja dwar il-“Mutual Recognition of Higher Eduacation Degrees, Diplomas and Certificates” iffirmat fid-29 ta’ Mejju 2018 ġiex fis-seħħ u ġiex jitħaddem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla tikkonferma li l-ftehim bejn pajjiżna u r-Repubblika tal-Maċedonja dwar il-“Mutual Recognition of Higher Education Degrees, Diplomas and Certificates” iffirmat fid-29 ta’ Mejju 2018 ġie fis-seħħ u qed jitħaddem.